“In-nota bl-implikazzjoni kontra Cardona rajtha l-ewwel darba fl-interrogazzjoni” - Keith Schembri

  • Diċ 11, 2019 14:09
  • Miktub minn iNews

    Wara jiem ta’ silenzju assolut, l-eks-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri qal li l-ewwel darba li ra n-nota ttajpjata u bi kliem miktub bl-idejn allegatament minn Yorgen Fenech kien meta hu kien miżmum fid-Depot tal-Pulizija u kien qed jiġi interrogat.

    Ikkwotat dalgħodu f’sezzjoni oħra tal-midja dwar in-nota kontroversjali li għaddiet għand il-Pulizija mingħand in-negozjant u allegat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana u li allegatament timplika lill-Ministru Chris Cardona, Schembri ċaħad li qatt kellu xi sehem fil-ħolqien tagħha. 

    “Kull min seta’ kiteb dik l-ittra, li għall-inqas l-ewwel faċċata tagħha kienet mimlija noti bl-idejn, hu ċar li Fenech għamilha tiegħu. Meta staqsejt lill-Pulizija ġejt infurmat li l-kitba bl-idejn saret minn Fenech innifsu,” qal Schembri. 

    Hu tenna li dak kollu li kellu xi jgħid fuq il-kwistjoni qalu diġà lill-Pulizija Maltija u l-Europol.

    B’rabta mal-aħħar żviluppi fil-każ tal-investigazzjonijiet u l-proċeduri legali li għaddejjin fil-qtil ta’ Caruana Galizia, Schembri nsista li l-Pulizija ddikjarat li hu mhux involut fil-każ. 

    Sors qrib ħafna l-eks-Chief of Staff tal-Prim Ministru qal lil iNews li “l-allegazzjonijiet li saru u għadhom isiru  huma kategorikament foloz u logħba politika maħmuġa.” 

    “Konvint li kif Keith (Schembri) jkun ħieles li jitkellem, se jagħti kont sħiħ u frank tal-avvenimenti li seħħew riċentament. Il-poplu Malti żgur jistenna u jixraqlu dan,” tenna s-sors, li ma xtaqx li jiġi identifikat. 

    Ix-xahar li għadda Schembri kien interrogat u miżmum taħt arrest għal tlett ijiem qabel stqarrija uffiċjali tal-Pulizija nhar is-26 ta’ Novembru qalet li l-interrogaturi ma jarawx aktar il-ħtieġa li jibqgħu jżommuh.

    Fil-midja kien ġie rrapportat li Fenech allegatament biddel diversi verżjonijiet waqt l-interrogatorji tiegħu fid-Depot tal-Pulizija qabel ġie akkużat formalment fil-Qorti.

    Melvin Theuma, magħruf bħala s-sensar fl-omiċidju, insista li allegatament kien Fenech biss bħala l-persuna li qabbditu u anke għaddietlu l-flus biex jitħallsu Alfred Degiorgio, George Degiorgio u Vince Muscat, it-tliet persuni akkużati bħala l-eżekuturi tad-delitt makabru sentejn ilu permezz ta’ bomba fil-Bidnija.

    Theuma hu wkoll il-bniedem li ngħatatlu l-proklama, b’kundizzjonijiet ċari, biex jikxef dak li jaf f’dan il-każ u fi tliet reati maġġuri oħrajn. 

    Fenech, li wkoll talab maħfra presidenzjali bla suċċess, fetaħ kawża kostituzzjonali bil-għan li jwaqqaf lill-Ispettur Arnaud milli jkompli jinvestiga l-każ.

    Id-difiża ta’ Fenech qed titmexxa mill-Avukati Marion Camilleri mill-uffiċċju legali ta’ Franco Debono u Gianluca Caruana Curran, iben Giannella Demarco u n-neputi tad-Deputat Nazzjonalista Mario Demarco.

     

     

     

     

     

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0