[AĠĠORNAT] “Bdejt nibża' li bħalma qatel lil Daphne seta' joqtol lili wkoll”

  • Diċ 11, 2019 09:29
  • Miktub minn iNews

    5:00 p.m: Il-kawża ġiet diferita għad-19 ta' Diċembru.

    4:40 p.m: Huwa semma wkoll li wara l-qtil ta’ Daphne kienu ressqu lill-aħwa Degiorgio u lis-sieħba ta’ George Degorgio fuq akkużi ta’ ħasil ta’ flus. “Riedu €15,000 għal Anca biex toħroġ bil-pleġġ. Ċempilt lit-tifla tal-partner tiegħi, qabdet €15,000 u għedtilha lil min ittihom.”

    Mistoqsi dwar ir-raġuni għalfejn iddeċieda li jieħu recordings tal-laqgħat li kien ikollu ma’ Yorgen, huwa qal: “iddeċidejt li nagħmel hekk minn meta Yorgen qalli li qed jikxef il-Koħħu. Bdejt nibża’ li Yorgen se jagħmel minn kollox biex lili jitfagħni ġewwa.”

    Qal li kien kiteb ukoll karta u daħħal fiha lil Keith Schembri għax beda jibża’ li b’xi mod Keith jirranġa lil Yorgen biex lilu jitfgħuh ġewwa. “Wasalt għal din il-konklużjoni għax dawn kienu ħbieb kbar,” qal Melvin.

    “Ma nistax ngħid b’ġurament li b’xi mod Keith qatt għaddieli xi flus dwar il-qtil jew qatt xi darba semmieli l-qtil. Hawn bil-ġurament ngħid li l-mandant huwa Yorgen Fenech,” qal Melvin li enfasizza li kulma kien iltaqa’ ma’ Keith kienu darbtejn biss - darba f’razzett Ħaż-Żebbuġ u darba oħra meta ltaqa’ miegħu f’Katilja.

    Qal li beda jibża’ li “bħalma qatel lil daphne”, Yorgen seta’ joqtol lilu wkoll. 

    4:10 p.m: “Jiena bdejt nibża’ min Yorgen ukoll. Kemm se jdum jagħtik il-flus? L-aħwa Degiorgio u l-Koħħu ma kinux jafu l-mandant ta’ Daphne Caruana Galizia min hu, li kien Yorgen Fenech. Darba fost oħrajn kien ċempilli Yorgen qalli itla’ sar-razzett ħa nkellmek. Qalli Vince Muscat il-Koħħu qed jikxef u lilek ukoll. Jiena mort għand Mario u għedtlu Vince il-Koħħu qed jikxef lili u lil ħutek. Qalli ħażin. Għamilt lejl nixrob bid-dwejjaq u waranofsinhar xgħelt il-mowbajl u kelli argument ma’ Yorgen Fenech. Għedtlu ara fiex daħħaltni lili. Jien ma kienx ħaqqni hekk għax ħabib tiegħek kont,” qal Theuma.

    Huwa kompla li dakinhar, għall-ħabta tas-7.30 p.m. irċieva telefonata mingħand ċertu Johann Cremona u qallu li kien sejjer id-dar tiegħu biex ikellmu. Qal li dan ma marx waħdu imma miegħu kellu lil ċertu Kenneth, li  kien jaħdem ma’ tat-traffic u f’Kastilja.

    Kenneth staqsieh x’kien inqala’ ma’ Yorgen. Melvin kien ħaseb li lil Kenneth jew bagħtu Yorgen li jew Keith peress li jaħdem Kasitlja. Melvin qallu “dawn qed jikxfu lili u jridu l-pleġġ.” Kenneth beda jċempel u wara qallu “lil dawk għidilhom li fit-22 se jieħdu l-pleġġ u jieħdu €1 miljun kull wieħed ġo basket.” Qal li t-22 għadda u la ngħataw l-pleġġ u wisq inqas il-flus.

    F’okkażjoni oħra, Melvin mar jiltaqa’ ma’ Johann u aktar tard Kenneth ġie ħdejhom ukoll. Kenneth ġab miegħu karta li fuqha kien hemm miktub il-mowbajl number tiegħu “l-antik” u żewġ numri tal-mowbajls oħra. “Qalli l-mandant int huwa ta’ Daphne Caruana Galizia. Għedtlu il-mandant jien? Il-mandant huwa Yorgen Fenech għax hu ħallas,” tenna Melvin.

    4:05 p.m: Theuma jkompli... “Kont tfixkilt ħafna. Bdejt nieħu l-kalmanti, il-whiskey għax bdejt ngħid li issa se jikxfuni.”

    Ġimgħa wara li ġew arrestati Alfred u George Degiorgio u Vince Muscat, kien jagħti lit-tliet irġiel €100 kull wieħed fil-ġimgħa. Qal li kien jiltaqa’ ma’ ċertu wieħed il-Lolly, li kien jaf lit-tfal tal-Koħħu u lil Mario Degiorgio, biex dan imur jagħtihom il-flus. 

    Qal li darba Yorgen Fenech qallu liema grupp kien qabbad jekk hux ta’ George iċ-Ċiniż jew ta’ George ix-Xadin. Melvin qallu li kien qabbad lil taċ-Ċiniż. Qal ukoll li darba Alfred kien ċempel fuq il-mowbajl ta’ ħuh Mario Degiorgio u għaddih miegħu. X’ħin qata’, Mario qallu li kellhom bżonn €30,000 għall-avukat. Huwa mar fejn Yorgen Fenech u qallu li kellhom bżonn €30,000. Yorgen qallu “kont ili nistenniha din” u tah is-somma.

    Imbagħad reġgħu talbuh għal €30,000 oħra. Yorgen iżda kien tah €25,000. Melvin issuspetta li kien qatagħlu l-€5,000 li kien tah tal-vaganza li kien ħallaslu. Melvin qal li mbagħad kien mar ikellem lil Mario u qallu: “ma jistax ikun dawn il-flus kollha. Hemm bżonn joqogħdu daqsxejn attenti għax jien bħalma qatel lil Daphne jista’ joqtol lili wkoll.”

    Qal li George kien bagħtlu risposta ma’ ħuh u qallu: “Għidlu jibża’ minna u li hawn ġew mhux li hemm hemm barra għax aħna nistgħu nikxfuh.” Wara ftit jiem, George ried €60,000 għal pleġġ. Yorgen beda jgħidlu li mhux sewwa dan għax jekk jingħataw il-pleġġ kien se jtihom il-flus hu. Qal li pero’ xorta waħda kien tahom is-€60,000.

    3:55 p.m: Theuma qal li sar jaf li kien seħħ id-delitt minn fuq it-televiżjoni. Qal li kien inkwetat ħafna u mar ikellem lil Yorgen Fenech ġewwa Portomoso. Melvin qal lil Yorgen: “Qed nibża għax ġejjin l-FBI.” Yorgen wieġbu “xi trid tibża’ mhux l-istess bħall-pulizija ta’ Malta se jagħmlu?”

    Ġimgħa wara l-qtil, kien mar biex jiltaqa’ ma’ Alfred Degiorgio biex jagħtih il-€120,000. Fit-Tinda tal-Patata, Alfred qallu: “Mela għamilli pjaċir ma’ dawk il-€120,000 ara taħsiblix għal €5,000 għax infaqt ħafna flus fuq il-karozza tal-kiri u tromba.” Melvin kien tah il-flus f’garaxx f’Wied il-Għajn.

    Melvin semma episodju fejn Yorgen kien ċempillu u qallu biex imur jgħid lit-tliet akkużati li kien inħareġ il-messaġġ li ntuża biex splodiet il-bomba u episodju ieħor fejn qallu li kien sar rejd kbir fuqhom.

    3:40 p.m: Theuma kompla li darba niżel it-Tinda tal-Patata u kien hemm George Degiorgio u Vince il-Koħħu iżda ma kienx hemm Alfred Degiorgio. Qal li niżel jieħu kafè u ċ-Ċiniż kien qallu “qed tkiddna din. Mietu daqstant bulijiet ma tmutx din?”

    “Darba fost oħrajn Alfred tellagħni bil-karozza ta’ Vince Muscat biex jurini fejn kien qed jagħmel l-għassa lil Daphne Caruana Galizia. Darba staqsieni wkoll fejn kienet tpoġġi bħala ħwienet. Ċempilt lil Yorgen u dan qalli li kien hemm kafetterija n-Naxxar u ristorant ir-Rabat.” Qal li mbagħad seħħ id-delitt.

    Mistoqsi dwar każijiet oħra li ġraw fl-2017 qal li, “darba Yorgen kien ċempilli: ara ma jiġrilix bħal ta’ Romeo Bone. Qis li tkun iktar b’saħħitha. Aktar problemi jekk tibqa’ ħajja.’ Jien fhimt għall-bomba ta’ Romeo Bone peress li kienu qatgħulu saqajh biss. Jien mort ngħid lil Alfred u qalli serraħ moħħok.”

    Yorgen kien ċempillu u qallu li kien se jkellmu ċertu Sandro Craus minn Kastilja. Is-Sur Craus kien ċempillu u qallu li għandu appuntament f’Kastilja mas-Sur Keith Schembri. Melvin kien iltaqa’ ma’ Keith u dan ħadu dawra ma’ Kastilja. Imbagħad Craus qallu li jrid imur f’Ministeru biex jagħtuh job. Melvin qal ukoll li kien ħa ritratt ma’ Schembri f’Kastilja.

    Huwa qal ukoll li kien sarlu “interview” u ffirma l-kuntratt. “Iċ-ċekk darba tahuli Tony Muscat u t-tliet darbiet l-oħra rċevejthom fil-postha. Wara erba’ ċekkijiet, qatgħuli ċ-ċekk.”

    3:20 p.m: Melvin Theuma beda billi qal li jaħdem bħala xufier tat-taxi u li ilu jagħmel dan ix-xogħol madwar sitt snin.

    Qal li kien jarma l-Hilton Portomaso u li kien daħħlu l-imputat Yorgen Fenech. Qal li l-ewwel li kien jaf lil zijuh Ray Fenech, imbagħad beda jsir ħabib ma’ Yorgen. Qal li kienu jsiefru flimkien u li kien iħallas kollox Yorgen.

    Mistoqsi kif daħal fil-każ dwar il-qtil ta’ Daphen qal li, “darba kont armat fit-taxi u x’ħin lestejt u qed nieħu cafè, Yorgen ċempilli u qalli ejja sa Portomaso ħdejn il-Blue Elephant. Għedtlu ġej. Inżilt hemm. Qalli kif se nagħmlu u nkellmu lil George ċ-Ċiniż tal-Marsa. Ara kif ħa nġibu l-kuntatt għax irrid noqtol lil Daphne Caruana Galizia għax se toħroġ xi informazzjoni fuq is-Sur Ray.”

    Huwa u sejjer id-dar kien ċempel lil Darren Debono t-Topo u ġab in-numru. Melvin qal li kien ċempel lil Alfred Degiorgio u ftehmu biex jiltaqgħu l-għada t-Tinda tal-Patata fil-Marsa. Melvin qallu “għandi persuna li trid toqtol lil Daphne” u ftehmu li jiltaqgħu il-Busy Bee tal-Imsida. Hemmhekk il-ftehim dwar il-qtil kien ta’ €150,000 bi €30,000 bil-quddiem. 

    Huwa qal li meta tħabbret li se ssir l-elezzjoni, kien ċempillu Yorgen biex jinforma lil Alfred biex “ma jagħmel xejn għalissa.” Reġa’ ltaqa’ ma’ Alfred Degiorgio fil-Busy Bee u qallu biex ma jsir xejn. Biex ma jidhirx iktar ma’ Alfred Degiorgio, kien tah €2,000 li ħariġhom minn butu.

    Huwa semma wkoll li kien lagħab €150,000 lil Yorgen li jirbaħ il-Labour u dan tal-aħħar kien rebaħ €300,000. 

    Ħmistax wara l-elezzjoni tal-2017, Fenech ċempillu biex jieħdu l-ajruport. Meta mar għalih, Yorgen ħareġ mill-bagalja pakkett b’envolop kannella u qallu “Għandek dawn. Il-flus għal Daphne Caruana Galizia.” L-għada mar ikellem lil Alfred Degiorgio l-Busy Bee qallu “Hemmhekk orrajt. Għandi t-€30,000 fil-karozza.Ħriġna barra u tajtu t-€30,000.”

    Fenech imbagħad kien iċempillu regolarment biex jara f’hiex kienu waslu. Melvin kien jinżel jgħid lil Alfred u dan qallu “jien irrid il-ħin tiegħi.”

    3:00 p.m: Ix-xhieda tal-Ispettur Arnaud ġiet sospiża u tela’ jixhed Melvin Theuma biex jispjega l-involviment tiegħu fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

    2.30 p.m: Yorgen kien ġie arrestat fuq id-dgħajsa. Saru tfittxijiet oħra mill-pulzija oħra għand Yorgen Fenech u għand Yorgen sabu karta ffirmata minnn Melvin Theuma. Fuq din il-karta ġie mitkellem Melvin biex jispjega għalfejn Keith Schembri u Yorgen kienu mniżżla fil-karta.

    Melvin qal li kien iffissa li Yorgen Fenech kien ħa jeħles minnu b’xi mod. Kien inkwetat għal ħajtu. Qal li żeffen lil Keith Schembri għax beda jissuspetta li ser juża’ lil Keith u l-awtoritajiet biex jekk mhux għax joqtluh b’xi mod jitfgħuh il-ħabs. Beda jibża’ li b’xi mod jaħdmu flimkien biex jeħilsu minnu. 

    Din il-karta kien taha lil Yorgen biex jurih li jekk se jiġrilu xi ħaġa huwa kellu rekordings xorta.

    "Abbażi ta’ dak li qalilna Yorgen dwar l-ittra u staqsejnih fuq ir-rekodings u rwol ta’ keith f’dan kollu, dakinhar wasalna għal konlużjoni li l-verżjoni ta’ Melvin Theuma kienet korraborata b’evidenza. Konna għamilna rapport bil-miktub dwar il-konklużjonijet tagħna, il-pożizzjoni x’kienet dwar il-maħfra presidenzjali. Spjegajna r-raġunijiet tagħna għalxiex il-verżjoni ta’ Melvin kienet korraborata mal-evidenza li ġbarna ma’ dak li ġara fis-sentejn ta qabel u l-verżjoni ta’ Yorgen fejn ħaditna," kompla L-Ispettur.

    Arnaud spjega kif imbagħad inħarġet il-proklama fuq Melvin Theuma nhar il-25 ta’ Novembru. Wara dan kollu reġgħu marru biex ikellmu għat-tielet darba lil Yorgen għax reġa’ talab għal proklama u qal li dak li qal qabel irid ibiddlu u ta raġunijiet għaliex ried ibiddlu. 

    Qal li l-allegazzjonijiet li kien hemm għadhom qed jiġu investigati. Ġew mitkellma diversi persuni sakemm eventwalment ittieħdet deċiżjoni fuq it-tieni proklama tiegħu li ġiet miċħuda. 

    2:15 p.m: Fir-rekording l-ieħor jissemma’ wkoll il-laptop ta’ Caruana Galizia. Yorgen jgħid li hi tal-misħija bagħtuh il-Ġermanja. Qal li hawn xi 4,000 ruħ li għandhom għaliha. Issemma' wkoll li hemm anke mill-partit l-ieħor kellhom għaliha. 

    Melvin baqa’ jinnegozja ma’ Yorgen biss u l-flus kien għaddiehom lil Degiorgio. Daqqa’ €30,000 għall-avukat, imbagħad għall-bail jew ikel. Dejjem mar għand Yorgen. Il-flus kien qiegħed jgħaddihom f'medja ta’ €2,000 fil-ġimgħa lil Mario Degiorgio.

    Dwar l-issue tal-bail ġie mitkellem Kenneth Camilleri fejn qal li Melvin kien mar fuqu biex jitolbu jgħinu minħabba l-bail u talbu jkellem lil Keith Schembri. Kenneth jgħid li biex jeħles minnu kien qallu iva. Meta il-Pulizija kellmet lil Melvin, dan baqa’ jinsisti li Kenneth kien mar għandu.

    2:00 p.m: Mir-rekordings li kellhom il-pulizija jidher li hemm tliet rekordings partikolari l-iktar li mxew fuqhom il-Pulizija. Waħda mir-rekordings kienet saret f’Portomaso. Li hemm komuni bejniethom li f’kull waħda minnhom Melvin kien iddisprat, inkwetat u ffissat li ried li l-aħwa Degiorgio b’xi mod jieħdu l-bail.

    Issemma li ċertu Kenneth Camilleri kien ta lil Theuma l-impressjoni b’xi mod li dawn se jingħataw il-bail fit-22 tax-xahar. L-ewwel Theuma qal li Schembri qallu li kienu se jingħataw il-bail imbagħad qal li Kenneth kien qallu.

    Melvin kien jinstema’ inkwetat għax l-aħwa Degiorgio qal li kellhom ħafna kuntatti barra l-ħabs. Melvin kien qal lil Yorgen ara x’ħa tagħmel kellem lil Keith minħabba l-issue tal-bail. Yorgen kien qallu li kien se jkellmu biex jara x’kienet il-kwistjoni.

    F’rekording oħra Melvin imur Portomaso u jitkellem ma’  Yorgen. Dan kif laqgħu tah x’jifhem li kien jaf li ġurnata qabel, Melvin irrekordja lil Yorgen. Qallu jiddispjaċini li rrekodjajtni u fl-istess ħin kien qed jirrekordjah

    1:30 p.m: Melvin kien jiftaħ qalbu ma’ persuna partikolari u kien tkellem b’mod li l-uffiċjali fehmu li d-diżgwid kien possibilment relatat mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u kien jinkludi xi diskors dwar il-bail tal-aħwa Degiorgio.

    “F’April 2019 ġejna biex nieħdu deċiżjoni dwar il-way forward tal-azzjoni li kellha tittieħed fuq Melvin Theuma li l-iskop tagħna kien li nsibu dawn ir-recordings u naraw fuq xiex effettivament kienu. Matul il-proċess rajna li Melvin kien involut f’attività tal-luttu klandestin u każ ta’ money laundering fil-konfront tiegħu. F’temp ta’ ftit xhur il-Pulizija tal-Economic Crime kienu waslu għal konklużjoni biex jiġi arrestat fuq ħasil ta' flus."

    Theuma kien arrest fl-14 ta’ Novembru 2019. Miegħu kienu ġew arrestati xi familjari. Kellu kaxxa tal-plastic u qal li jixtieq jiftaħha fil-preżenza tal-Kummissarju u l-avukati tiegħu. Dakinhar tal-arrest Melvin ittieħed id-depot. 

    Bdew jissuspettaw li kien hemm ir-recordings li huma xtaqu li jsibu. Fil-fatt kien hemm tliet mowbajls mitfijin, tliet usb drives, voice recorder u tliet pakketti karti li kienu ritratti ta’ mowbajl phone fuq mejda bl-iscreen mixgħul u fuq l-iscreen kien hemm messaġġi. Il-heading tal-contact ta’ min kien, kien Yorgen. 

    Ma’ dawn ir-ritratti li kien hemm, kien hemm ritratt ta’ Melvin Theuma flimkien mal-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.

    1:10 p.m:  L-ebda wieħed mis-suspettati ma kienu wieġbu għad-domandi li kienu sarulhom fl-investigazzjoni u mbagħad kienu ġew mixlija bil-qtil. 

    L-inkjesta kienet għadha miftuħa. Il-Europol baqgħu wkoll jappoġġjaw lill-Pulizija Maltija fl-investigazzjoni.

    Issoktaw l-investigazzjonijiet u bdew jifhmu li possibilment kien hemm xi ħadd ieħor li qabbad lil dawn it-tliet persuni biex iwettqu dan id-delitt.

    Beda il-moniteraġġ fuq it-telefonati mill-ħabs. Ta’ Muscat kienu dejjem għall-familja. Ta’ George u Alfred innotaw li George kien qed jikkomunika ma’ ħutu kollha u wieħed mill-aħwa Mario Degiorgio , ta’ spiss George kien jistaqsih: "Iltqajt ma’ dak?"

    Bdejna nimmoniterjaw lil Mario. Din l-attività smajnieha bejn Jannar, Frar u bidu ta’ Marzu 2018 sakemm fil-21 t’a Marzu 2018 filgħaxija, f’telefonata bejn George u Mario Degiorgio. Mario jgħid lil ħuh Geroge jgħid lil Alfred iċempillu fl-9:45 a.m. George qallu "ok". 

    22 ta’ Marzu 9.48 a.m. Alfred iċempel lil Mario Degiorigo. Mill-background tal-call kien mifhum li Mario Degiorgio kien qiegħed barra. Dan għadda il-mowbajl lil persuna oħra li rriżulta li kien Melvin Theuma. 

    Saru jafu b’Melvin wara surveillance li għamlu fuq Mario. Darba kien hemm call lejn l-aħħar ta’ April 2018 illi l-aħwa Degiorgio kienu inwetati ħafna għax xi ħadd qalilhom li Vincent Muscat kien xtaq jew tkellem mal-Pulizja dwar l-każ.

    Mario kien qal: “Kien ġie dak u qalli li Vincent Muscat mar għand il-pulizija.” Ħin minnhom waqt il-call George saqsieh jaqaw dak li ismu jibda bl-M.  Hemm komplejna nissuspettaw li Melvin mar qalilhom b’din l-istorja. 

    Sadanittant, George u Alfred Degorgio kienu tressqu fuq akkużi ta’ ħasil ta’ flus. F’Lulju 2018, is-sieħba ta’ George kienet ingħatat il-bail. Irriżulta li l-€15,000 depożitu tal-bail kien ħariġhom proprju Melvin Theuma. 

    L-Ispettur kompla dwar informazzjoni kunfidenzjali li kienet daħlitilhom dwar l-irwol ta’ Theuma, li kien proprju l-middleman tal-qtil. Melvin kien għadda somma ta’ €150,000 lil Alfred Degiorigo biex ikun jista’ jsir il-qtil. L-ewwel li ngħataw €30,000 depożitu u wara l-kumplament minn Melvin Theuma. 

    Hemm issaħħaħ is-suspett li Melvin Theuma li possibilment huwa l-middle-man f’din l-istorja. Ma rriżulta li kien hemm ebda persuna oħra matul dawn is-sentejn li kien juri interess fl-aħwa Degiorgio.

    L-investigazzjoni fuq Melvin Theuma intensifikat. Kienet ikkonċentrata biex naraw l-iskop u aktar evidenza li tat stampa aktar ċara tal-involviment bil-każ. Skoprew li kien xufier tat-taxi fil-Hilton Portomaso.

    Melvin kien spiss jitkellem ma’ sħabu u mill-informazzjoni li ġabru kien qed ikun inkwetat ħafna mhux daqshekk f’sikktu u bħala karattru kien inbidel minn kif jafuh. Saru jafu wkoll li kellu diżgiwd ma’ persuna li kien proprju Yorgen Fenech.

    Intensifikaw l-investigazzjonijiet u saru nafu li konnessjoni ma’ dan id-diżgwid Melvin kien irrekordja diskussjonijiet li kien ikollu ma’ Yorgen Fenech.

    Melvin kien qalilhom li se jibda jirranġa ma’ Mario.  Hemm ftiehem li Mario se jkun go-between bejn Theuma u l-aħwa Degiorgio fil-ħabs.

    12:50 p.m: L-Ispettur kompla li kien hemm wieħed mill-mowbajls irriżulta li kien ikun ta’ spiss fil-Bidnija u li tnejn min-nies kienu għassa għas-Sinjura Caruana Galizia. 

    George u Alfred Degiorgio kienu l-ewwel li ġew identifikati. Spjega kif l-mowbajl ta’ George mexa ma’ wieħed mill-ghost phones u li l-mowbajl ta’ Alfred Degiorgio mexa għal diversi ġranet ukoll.

    Lejn l-aħħar ta’ Novembru ġie identifikati it-tielet persuna, possibilment Vincent Muscat peress li t-tielet mowbajl kien lokalizzat is-Siġġiewi. Il-mowbajl tiegħu kien ikun lokalizzat mat-tielet ghost phone li ntuża fl-operazzjoni biex inqatlet Daphne Caruana Galizia.

    Il-messaġġ li sploda l-bomba ntbagħat fis-14.58.55. Kien hemm suspetti li min xegħel il-messaġġ kien possibbilment fuq il-baħar.

    Konna nafu li dawn kellhom dgħajsa kull weħed u riċentament kienu xtraw waħda Maya u rajna l-attività li kien hemm matul il-ġurnata. Mill-filmati kkonfermjana li Maya reġistrata fuq Alfred DEgiorgio tidher ħierġa kmieni filgħodu, fil-ħin li bdiet tbaħħar ma dehritx fil-port il-kbir imbagħad tidher wieqfa taħt il-qanpiena fil-ħin li seħħet l-isplużjoni u tidħol wara fit-Tinda tal-Patata.

    12:45 p.m: L-ewwel xhud fis-seduta tal-lum huwa l-Ispettur Keith Arnaud stazzjonat is-CID.

    Fix-xhieda tiegħu huwa beda biex jgħid li dan il-każ kien beda lura fis-16 ta’ Ottubru 2017. għall-ħabtat tat-3.00 p.m. fejn kien infurmat li kienet seħħet splużjoni ġo vettura fil-Bidnija u kien infurmat ukoll li kollegi tiegħu kienu diġa’ fuq il-post u bdew l-investigazzjoni fejn jidħol l-crime scene. Huwa wasal ftir tal-ħin wara u rriżulta li vettura kienet peugoet 108 li kienet qed tinstaq mis-sinjura daphne caruana galizia.

    Is-Sur Kurt Zahra kien involut fil-field investigaton u Arnaud ħadem mal-uffiċjali barranin speċjalment dawk tal-fBI li waslu l-għada tad-delitt. Ħadem ukoll mal-esperti tal-Europol. Ġew ukoll esperti forensiċi mill-Olanda.

    L-ewwel proċess kien biex jaraw kif seħħet l-isplużjoni. Fehmu li l-karozza kienet splodiet b'bomba li kienet tpoġġiet fil-vettura taħt is-seat tax-xufier. Mid-data tas-cell towers li nġabru mill-viċinanzi ġew magħrufa żewġ numri - 1 bagħat messaġġ lil ieħor fil-ħin tal-isplużjon. Kien ġie decoded SMS li attiva s-circuit device ġol-bomba u seħħet l-isplużjoni.

    12.20 p.m: Hekk kif minn hawn u ftit mumenti oħra mistennija tibda l-kumpilazzjoni, fil-Qorti tispikka s-sigurtà massima. L-akkużat għamel il-wasla tiegħu ftit tal-mumenti ilu fejn deher imdawwar b'ħames uffiċjali tas-sigurtà.

    Fl-awla hemm preżenti l-familjari tal-vittma.

    9:00 a.m: Aktar tard illum quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello mistennija tibda l-kumpilazzjoni kontra Yorgen Fenech li qiegħed ikun akkużat li kien il-mandant fil-qtil ta’ DCG.

    Inewsmalta se tkun qiegħda taġġornakom b'dak li se jkun għaddej b'mod dirett mill-Qorti. Dan kollu mistenni jingħata bidu għall-ħabta tan-nofsiegħa.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0