Diżgwit fost il-pajjiżi membri tan-NATO

  • Diċ 09, 2019 08:25
  • Miktub minn Carmen Cachia

    Miri mhux milħuqa u aġir irresponsabbli jxejnu s-70 sena anniversarju tan-NATO… Trump jitlaq irrabjat u umiljat

    Is-summit 2019 tal-pajjiżi membri tan-NATO li sar din il-ġimgħa spiċċa b’xenarju redikolu hekk kif minflok grupp ta’ adulti responsabbli jiddiskutu l-futur ta’ din l-alleanza fis-70 anniversarju mit-twaqqif tagħha, il-mexxejja Trump, Macron u Erdogan ġabu ruħhom bħal tfal żgħar b’rapporti fil-midja internazzjonali jgħidu li l-uniku interess li kellhom kienet l-aġenda personali tagħhom bil-konsegwenza li ħalqu instabbiltà fl-alleanza stess.

    Is-sitwazzjoni tal-mistħija ferm ikkritikata minn diversi ġurnali madwar id-dinja, inħolqot fil-jumejn ta’ laqgħat f’Londra tant li wasslet biex ikun appuntat grupp ta’ esperti ħalli jaħdmu fuq studju strateġiku għas-sentejn li ġejjin li bih jippreparaw lil din l-alleanza għall-futur. 

    Vidjo li ġie mxandar onlajn irredikola l-pożizzjonijiet tal-mexxejja l-kbar meta wera t-tensjonijiet li hemm bejn il-President Amerikan Donald Trump u l-Prim Ministru Kanadiż, Justin Trudeau. Fil-filmat il-Prim Ministru Kanadiż jgħaddi biż-żufjett lill-President Trump u minħabba f’hekk Trudeau ġie kkritikat li bl-aġir tiegħu ġab ruħu ta’ adoloxxenti immatur, aktar u aktar meta suppost jaf kif inhu l-karattru ta’ Trump. Il-President Amerikan irreaġixxa billi għajjar lura lil Trudeau ‘faċċol’.

    Wara dan l-inċident il-President Amerikan tant ħassu offiż li telaq qabel ma spiċċa s-summit. Barra dan il-vidjo, Trump kellu battibekk jaħraq ras imb’ras ma’ Macron wara li l-mexxej Franċiż f’Novembru li għadda kien għamel kummenti negattivi fuq l-operat tan-NATO. 

     

    Bżonn ta’ deċiżjonijiet importanti għal futur sod u sigur…

    Il-mexxejja tal-pajjiżi membri fin-NATO f’dawn il-laqgħat informali kellhom l-opportunità li jiddiskutu u jindirizzaw sfidi fis-sigurtà tal-pajjiżi membri u kif din l-allenza għandha tkompli tinvesti fl-armamenti. In-NATO għandha bżonn tadatta ruħha għaċ-ċirkostanzi preżenti fl-ambitu internazzjonali bil-għan li tkompli toffri stabbiltà dinjija għas-snin li ġejjin.

    Kapijiet ta’ stati u gvernijiet mill-pajjiżi membri marru għal dan is-summit twil jumejn fir-Renju Unit. Din kienet l-ewwel darba fl-istorja li t-30 mexxejja ddiskutew l-isfidi miċ-Ċina minħabba t-teknoloġija 5G. Fost sfidi oħra li ddiskutew kien hemm dawk mir-Russja u mit-Turkija wara li nħasset il-ħtieġa li l-Ewropa tkun protetta kif xieraq minn pajjiżi ġara b’qawwiet militari b’saħħithom. 

    Minkejja l-inkwiet li nqala’, fi tmiem is-summit il-mexxejja ffirmaw dikjarazzjoni qasira ta’ żewġ paġni, għal ftehim politku importanti li għandu jwaqqaf burokraziji bla bżonn. In-NATO fil-fatt se twaqqaf forza militari li tieħu azzjoni f’waqtha u fil-ħin f’każ li l-Ewropa tkun attakkata. 

    Barra minnhekk il-pajjiżi wegħdu li jżommu l-linji tat-telefons ċellulari siguri wara li l-Istati Uniti wissiet bil-perikli tal-kumpanija Ċiniża ‘Huawei’ fuq in-networks Ewropej. Huma ftiehmu wkoll li jibdew jistudjaw l-implikazzjonijiet li jista’ jkun hemm minħabba t-tkabbir tal-qawwa strateġika taċ-Ċina filwaqt li t-Turkija ffirmat pjan militari aġġornati biex tiddefendi lill-Ewropa tal-Lvant mir-Russja.

    Hekk kif kien maħsub, ir-relazzjonijiet bilaterali kienu mimlija tensjoni minħabba nuqqas ta’ għaqda fost il-pajjiżi membri, theddid militari estern u pajjiżi membri li ma laħqux il-miri fin-nefqa militari tagħhom. Dan kollu qiegħed iwassal għal futur inċert għar-relazzjonijiet ġeo politiċi globali.

    Aktar kmieni din is-sena s-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, Jens Stoltenberg, qal li dan is-summit kellu jkun miftuħ għal diskussjonijiet li jinvolvu s-sigurtà tal-pajjiżi membri u l-għaqda bejniethom bil-għan li l-alleanza tibqa’ kkonsidrata bħala pilastru għall-istabbiltà mondjali fis-snin li ġejjin. 

    Dan is-summit sar f’perjodu partikolari għan-NATO minħabba insabbiltà fir-relazzjonijiet bilaterali fosthom mar-Russja u t-Turkija. Aktar minnhekk kien hemm inċertezzi dwar l-alleanza tal-aktar membru b’saħħtu f’din l-għaqda, jiġifieri l-Istati Uniti. Fil-fatt, minħabba li ġara f’dawn il-jumejn, dawn l-inċertezzi żdiedu wara li Trump hedded li “jtajjar” lil kulħadd.

    Il-problemi fl-isfera ta’ din l-alleanza qegħdin jinħolqu minħabba diżgwid bejn uħud mill-pajjiżi membri, fosthom kemm għandhom jonfqu fuq l-armamenti u s-sigurtà militari. Fis-summit tal-2014 li sar f’Wales, in-NATO qablet li ma jibqax ikun hemm tnaqqis fil-baġits tad-difiżi militari, anzi pjuttost, fl-10 snin ta’ wara dawn kellhom jibdew jinvestu aktar. Dan il-pass sar biex ikun hemm aktar għaqda trans atlantika u f’dan il-ftehim il-membri qablu li jonqfu mill-inqas 2% tal-Prodott Gross Domestiku (PGD) tagħhom fl-armamenti u l-istrateġiji militari tagħhom.

    Fis-summit tas-sena l-oħra fi Brussels il-President Amerikan Donald Trump ikkritika wħud mill-pajjiżi membri tal-għaqda talli ma laħqux il-miri ta’ investiment militari stipulat fl-2014 b’figuri preżenti mhux daqshekk pożittivi. 

    Huwa stmat li fl-2019 kienu biss l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, il-Ġreċja, l-Estonja, ir-Rumanija, il-Polonja u l-Latvja li laħqu jew qabżu l-miri miftiehma. L-akbar investiment militari sar mil-Istati Uniti b’nefqa totali ta’ 3.4% mill-prodott gross domestiku, mentri l-inqas pajjiż li investa fid-difiża militari tiegħu kien il-Lussemburgu b’0.55% biss.

    Minħabba li hemm dan in-nuqqas, Trump ikkritika bil-kbir lil dawk il-pajjiżi li ma mxewx mal-ftehim, b’mod partikolari lill-Ġermanja minħabba li dan il-pajjiż dejjem irreġistra surplus fil-baġit tiegħu u minkejja dan, din is-sena huwa stmat li nefaq biss madwar 1.36% tal-PGD tiegħu.

     

    Biża’ li l-Istati Uniti titlaq min-NATO

    Minħabba li hemm dan in-nuqqas ta’ ftehim u koperazzjoni bejn il-pajjiżi membri tan-NATO, hemm il-biża’ li Trump jikkonsidra li joħroġ lill-Istati Uniti minn din l-alleanza u dan dejjem jekk jikseb l-appoġġ mill-kungress tiegħu. F’Lulju li għadda Trump kellu kritika ħarxa u kliem iebes lejn il-pajjiżi membri li ma nefqux skont il-ftehim u wara dan is-summit l-affarijiet iggravaw aktar wara li ġie redikolat minn mexxejja oħra fl-alleanza. 

    Il-mexxej Amerikan iħossu urtat u rrabjat li l-Istati Uniti qiegħda dejjem ikollha tagħmel tajjeb finanzjarjament għal pajjiżi oħra. Donald Trump sostna li, “ħafna pajjiżi għandhom dejn kbir magħna għal snin twal ta’ investiment li sar mill-Istati Uniti u dan għax hemm delinkwenti li ma laħqux il-miri miftiehma. Personalment inħoss li l-Istati Unit qiegħda jkollha tħallas għalihom u l-agħar fosthom hemm il-Ġermanja”. 

    Sentimenti ta’ dispjaċir u rabja jinħassu minn membri oħra fl-Ewropea fejn ħafna jsostnu li hemm bżonn ta’ aktar koperazzjoni u kordinazzjoni fid-difiża militari tal-alleanza. Il-President Franċiż, Emmanuel Macron, f’Novembru li għadda qal li preżentament in-NATO hija “mejta” u kien proprju dan il-kliem dispreġġjattiv li urta lil Trump. 

    F’intervista li kellu fil-maġażin “Economist” Macron ikkritika l-irtirar tat-truppi Amerikani mis-Sirja mingħajr ma saret konsultazzjoni qabel man-NATO u stqarr li l-validità ta’ din l-għaqda huwa wieħed dubjuż. Huwa argumenta li l-Ewropa għandha tiffoka fuq l-alleanza militari tagħha, mentri l-Kanċillier Ġermaniż, Angela Merkel, temmen li l-kontinent Ewropew “preżentament huwa wisq dgħajjef’ biex jiddefendi lilu nnifsu.

     

    Is-saħħa tinsab fl-għaqda…

    In-North Atlantic Treaty Organisation (NATO) rat it-twelid tagħha fl-1949 bħala alleanza militari bejn 10 pajjiżi Ewropej, l-Istati Unit u l-Kanada bil-għan li jkun hemm koperazzjoni fost il-membri u tkun salvagwardjata l-libertà tagħhom. Dan kien sar fil-kuntest li dak iż-żmien kien hemm theddida mill-Unjoni Sovjetika.

    F’70 sena kien hemm ħafna snin ta’ relazzjonijiet bilaterali tajbin u koperazzjoni bejn il-pajjiżi membri, iżda s-sitwazzjoni bejn in-NATO u r-Russja reġgħet ħadet żvolta negattiva wara li Putin attakka lill-Ukrajna. 

    F’Settembru tal-2019, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Russu, Sergey Lavrov, qal li d-difiża militari tan-NATO barra l-konfini tagħhom hija ta’ theddida għal pajjiżu. Dan il-kliem ingħad ukoll mill-President Russu, Vladimir Putin, proprju f’dan ix-xahar fejn qal li l-kunsill tas-sigurtà tagħhom huwa serjament imħasseb dwar l-infrastruttura tan-NATO madwar il-konfini tagħhom. Barra minnhekk, huwa semma’ tħassib dwar strateġiji minn pajjiżi oħra fl-ispazju. 

    Il-futur tal-alleanza militari tan-NATO huwa importanti ħafna anke fiż-żminijiet tal-lum b’mod speċjali għas-sigurtà Ewropea. Issa li din l-għaqda saret militarment rilevanti, hemm nuqqas fid-dibattitu politiku intern tagħha u huwa dan in-nuqqas li qiegħed jhedded il-futur ta’ din l-alleanza u xejn aktar.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Riċetti

Facebook