Oliver Scicluna u Camilleri & Cuschieri Consulting Engineers huma r-rebbieħa tal-Premju Mons. Mikiel Azzopardi 2019

  • Diċ 07, 2019 11:07
  • Miktub minn iNews

    Is-Sur Oliver Scicluna, Ċerperson tal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u l-kumpanija Camilleri & Cuschieri Consulting Engineers, rappreżentata mis-Sur Charles Cuschieri, ko-fundatur tal-kumpanija huma ż-żewġ rebbieħa tal-Premju Mons. Mikiel Azzopardi għal din is-sena.

    Dan ħabbru Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, waqt il-kunċert annwali mill-banda tal-Forzi Armati ta’ Malta li sar il-Ġimgħa (6 ta’ Diċembru) fil-Katidral Metropolitan ta’ San Pawl fl-Imdina b’risq id-Dar tas-Siġġiewi fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Persuni b’Diżabiltà.

    Dan il-Premju, li tnieda għall-ewwel darba fl-1955, jingħata kull sena biex jirrikonoxxi l-kontribut ta’ persuni fil-qasam tal-persuni b’diżabilità f’Malta u Għawdex kif ukoll persuni u entitajiet li jgħinu lid-Dar tal-Providenza fil-ħidma tagħha.

    Oliver Scicluna kien ġie appuntat bħala Ċerpersin tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità f’Marzu 2014. Bħalissa huwa qed iservi wkoll fuq diversi kunsilli u bordijiet fuq livell nazzjonali. Huwa wkoll Viċi Ċerpersin tal-Fondazzjoni għall-Aċċessibilità fit-Teknoloġija Informatika. Kien serva bħala Ċerpersin tal-Kumitat Azzjoni Soċjetà Ġusta, li kien kumitat li jagħti pariri għat-tħejjija tal-Politika Nazzjonali dwar id-Diżabilità.

    Oliver ġie maħtur bħala l-ewwel Kummissarju għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità f'Ġunju 2016. 

    Camilleri & Cuschieri Consulting Engineers, kumpanija li tagħti servizz ta’ konsulenza fil-qasam tal-inġinerija, kienet twaqqfet fl-1979 mill-Inġinier Albert G. Camilleri, illum mejjet, u l-Inġinier Charles Cuschieri u din is-sena qed tfakkar l-erbgħin sena mit-twaqqif tagħha.

    L-Assoċjazzjoni ta’ Camilleri & Cuschieri mad-Dar tal-Providenza bdiet meta Mons. Lawrence Gatt sar direttur tad-Dar fl-1987.  Minn dak iż-żmien sal-lum, il-kumpanija għażlet li tassapportja lid-Dar b’għajnuna professjonali bħala parti mill-Corporate Social Responsibility tagħha. 

    Fl-2012, l-Inġinier Cuschieri kien ukoll ippremjat bil-premju ta’ “Eċċellenza fil-Leadership” mill-Kamra tal-Inġiniera ta’ Malta. Huwa wkoll Fellow tal-Institution of Engineering and Technology tal-Ingilterra.

    Il-kunċert mill-banda tal-Forzi Armati ta’ Malta kien  taħt il-patroċinju distint tal-President ta’ Malta, l-E.T. Dott. George Vella li kien akkumpanjat mis-Sinjura Vella. F’diskors qasir tal-għeluq, Dott. Vella qal li nitkellmu ħafna dwar id-dinjità imma l-persuni b’diżabilità dejjem kellhom id-dinjità konna aħna li ċaħħadnihom minnha bl-atitudni tagħna lejhom. Għal-grazzja t’Alla din il-kultura bdiet tinbidel permezz ta’ liġijiet u edukazzjoni biex il-persuni b’diżabilità tassew ikollhom ir-rispett, id-dinjità u d-drittijiet tagħhom.

    Il-kelliem tal-okkażjoni marbut mal-Jum Internazzjonali għall-Persuni b’Diżabilità kien is-Sur Michael Debattista, persuna nieqsa mid-dawl minn mindu għalqet l-għoxrin sena.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0