Intervista ma’ Winston Muscat … il-coach nazzjonali ta’ Taħt id-19-il sena

  • Diċ 05, 2019 00:00
  • Miktub minn minn Cris Muscat

    Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-football?

    Meta kont żgħir kont nilgħab fil-Primarja ma’ sħabi. Meta mbagħad kont mort fis-Sekondarja, Savio College, kont nieħu sehem fl-internal league li kien jiġi organizzat dak iż-żmien.

    Kont nieħu gost nilgħab f’dan il-kampjonat. Darba kien avviċinani s-Sur Charlie Agius magħruf bħala l-’Ġinġer’ u qalli biex immur magħhom.

    Dak kien il-bidu tal-kar­riera tiegħi fil-football.  Lgħabt ma’ diversi timijiet mill-Ewwel sat-Tielet Diviżjoni u kont anke nilgħab ma’ Malta fil-kategorija ta’ taħt l-14 u s-16-il sena.

    X’tippreferi l-aktar li tkun player jew coach?

    Fil-veritá bħala player ma kellix suċċessi kbar.

    Meta miet missieri jien kelli 14-il sena u mbagħad li ġara kien li l-football ma bqajt nieħdu bis-serjetá.

    Kont iktar nilagħbu bħala passatemp u b’hekk forsi qatt ma wasalt li nilgħab fl-ogħla kampjonat Malti.

    Madankollu l-kariga ta’ coach minn dejjem kienet taffaxxinani. Jien xtaqt li dak li ma rnexxiliex nagħmel bħala player, nagħmlu bħala coach.

    Bdejt bħala player-coach fil-kampjonat tal-MAFA ma’ Mgarr Eagles.

    Li nista’ ngħidlek hu li hemm differenza bejn player u coach minħabba li player imur għal-logħob u għat-taħriġ u jkompli għaddej bil-ħajja normali tiegħu filwaqt li coach ikun impenjat il-ġimgħa kollha jlesti u jipprepara l-pjani tiegħu sal-inqas dettal. Barra minn hekk għandu r-responsabbiltá tal-players kollha.

    Int kont player ukoll. Kemm jgħinek dan meta tkun coach?

    M’hemmx dubju ... jgħi­nek ħafna. Meta tkun lgħabt bħala plejer u tieħu l-kariga ta’ coach, tista’ tifhem aħjar lill-players.

    Minn hemm imbagħad mort bħala coach ma’ Zabbar. X’tiftakar minn din l-esperjenza?

    Xtaqt immur ħafna bħala coach ma’ Zabbar għax ħassejt li wara ċertu żmien fl-MFA ridt nieħu l-esperjenza x’imkien ieħor.

    Dak iż-żmien il-coach, Dusan Fitzel, ma kienx ħa gost li ser nitlaq iżda kont determinat u spiċċajt nitrenja lit-team Żabbari.

    L-ewwel sena kienet diffiċli minħabba li kienet qed tiġi mplimentata l-backfour u salvajna proprju b’rebħa kontra Marsa.

    Madankollu kelli l-unur nirbaħ il-kompetizzjoni tan-Knock-Out tal-Ewwel Di­viżjoni meta rbaħna lil Dingli Swallows bl-iskor ta’ 2-0.

    Imbagħad spiċċajt tik­kow­ċja lit-team tal-Premier, Marsaxlokk ....

    Kienet esperjenza ftit qarsa dak iż-żmien minħabba li kien hemm inċertezza kbira fil-club.

    Il-president,  Robert Micallef, kien avviċinani u qalli sabiex ningħaqad magħhom u jien aċċettajt.

    Madankollu f’dak il-perjodu ta’ inċertezza l-president telaq u ħassejt li kelli nwarrab jien ukoll. Għamilt erba’ xhur biss hemmhekk.

    Wara mort ma’ Vittoriosa Stars, hux hekk?

    Iva mort mal-Ġirbin proprju wara li ġew relegati. Konna għamilna staġun fl-Ewwel Diviżjoni u rbaħna l-promozzjoni għall-Premier.

    Niftakar li konna qed nissieltu fir-Relegation Pool ma’ Qormi li kellhom lil Michael Mifsud u Jason Vandelannoite dak iż-żmien.

    Kienet diffiċli u konna ġejna relegati fil-ġurnata ta’ qabel l-aħħar.

    Wara kellek esperjenza ma’ Naxxar Lions ...

    Iva dak iż-żmien spiċċajna fir-raba’ post fil-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni. Sena wara saħansitra għamilna l-qabża minħabba li rbaħna dan il-kampjonat u ovvjament ġejna promossi.

    Naħseb li qatt ma ħdimt għal qalbi daqs kemm ħdimt mal-president Dione Drago, bniedem ta’ integritá kbira u fuq kollox tal-affari tiegħu.

    ... u ma’ Pembroke Athletia fil-Kampjonat Premier ...

    Iva fil-fatt kien kellimni l-president u mill-ewwel qbilna. Il-bidu kien diffiċli għax lanqas players ma kien hemm.

    Niftakar li l-ewwel ġur­nata tat-taħriġ kelli biss players tal-minors u żewġ barranin.

    Madankollu sibt l-għajnu­na ta’ Mario Muscat li kien l-assistent tiegħi u bnejna team kompetittiv.

    Konna spiċċajna fit-tmien post tal-kampjonat u fis-semi-finalisti tal-FA Trophy.

    ... U l-aħħar esperjenza li kellek ma’ Zebbug Rangers fl-Ewwel Diviżjoni?

    Kont mort ma’ Zebbug Rangers wara li ma bqajtx ma’ Pembroke.

    Meta mort magħhom irnexxieli nsalva lil Zebbug mir-relegazzjoni sabiex is-sena ta’ wara temmejna l-kampjonat tal-Ewwel Di­viżjoni fir-raba’ post.

    Kont xi ftit diżappuntat għax stajna rbaħna l-promozzjoni kieku konna iktar konsistenti.

    Int għandek lit-tifel Brandon li huwa wkoll player. X’ikunu l-emozzjo­nijiet tiegħek meta tarah jilgħab?

    Qabel kont inħoss xi ftit emozzjoni meta narah jil­għab.  Iżda llum il-ġurnata li għandu 25 sena, inħoss li huwa raġel matur u kapaċi jaqdef għal rasu.

    Meta ġieli lgħabt kontrih jien nitrattah bħala avversarju tiegħi. Wara kollox huwa għandu l-karriera tiegħu u jien għandi tiegħi.

    Madwar sena u nofs ilu ġejt maħtur bħala coach tat- team nazzjonali ta’ Taħt id-19-il sena. Sinjal li l-MFA għandha fiduċja fik ...

    Din kienet it-tieni darba li ninsab fiċ-Ċentru Tekniku tal-MFA.

    Niftakar li kien kellimni Stephen Grima u proponieli li nieħu lit-team ta’ taħt id-19-il sena. Jien aċċettajt u pront ftakart fl-esperjenza li kelli meta kont nikkowċja lil Under 14.

    Is-sena li għaddiet kel­lkom wirjiet ferm tajbin fil-logħob ta’ kwalifikazzjoni speċjalment kontra timijiet rinomati. Kemm kont sodisfatt bir-riżultati?

    Fil-veritá sodisfatt ħafna b’dak li rnexxielna nagħmlu speċjalment fil-logħbiet kontra Franza u l-Belġju.

    Tinsiex li dawn huma forza mondjali anke fil-kategorija tal-kbar minħabba li l-Franċiżi rebħu t-Tazza tad-Dinja filwaqt li l-Belġjani spiċċaw fit-tielet post tal-kompetizzjoni.

    Kuntent bil-wirja tal-players tiegħi li rrispondew bl-aħjar mod possibbli għall-istruzzjonijiet li tajthom.

    Int kont nominat għall-kategorija tal-Coach tas-Sena fl-avveniment tal-Isport Awards li saru fi Frar li għadda. X’fisser għalik dan kollu?

    Ħadt gost li ġejt nominat għal dan l-unur. Madankollu ma nistax nieħu l-mertu tas-suċċess li ksibna kollu jien.

    Warajja hemm team magħqud li mingħajrhom dan kollu ma setax iseħħ.

    Ma nistax ma nsemmix lill-assistant coach, lill-coach tal-goalkeepers u staff ieħor li jara li ma jkun jonqosna xejn.

    Li rrid ngħid hu li kien hemm team wara din in-nominazzjoni u kien bl-għajnuna tagħhom li wasalt għaliha.

    X’inhuma l-impenji li kellkom matul din is-sena kalendarja bħala team nazzjonali ta’ Taħt id-19-il se­na?

    S’issa lgħabna ‘l fuq minn 12-il partita ta’ ħbiberija minn wara l-grupp li spiċċa u li twieled fis-sena 2000.

    Issa għandna żgħażagħ li twieldu fis-snin 2001 u 2002 u ninsabu viċin li nilagħbu logħba ta’ ħbiberija oħra kontra l-Azerbaijan.

    Imbagħad f’nofs Settembru lgħabna żewġ logħbiet kontra l-Lussemburgu sabiex imbagħad affaċċjajna il-logħob ta’ kwalifikazzjoni kontra l-Italja, is-Slovakkja u Ċipru.

    Morna wkoll fi training camp fl-Awstrija fejn stajt ninnota kemm il-grupp in­għaqad dejjem aktar. Irnexxielna nirbħu żewġ logħbiet kontra FC Tirol u team mill-akkademja tagħ­hom.

    Imbagħad kellna wkoll logħba ta’ ħbiberija kontra team li jilgħab fit-tielet diviżjoni Awstrijaka fejn kien hemm players akbar mill-etá tat-team tagħna.

    Kienet logħba fiżika li madankollu rnexxielna nġi­bu riżultat sodisfaċenti minnha. Issa qed inħarsu għat-tournament li jmiss.

    Fl-istess ħin int irnex­xielek twassal players biex jilagħbu fit-team naz­zjonali Malti ta’ Taħt il-21 sena mmexxi minn Silvio Vella.

    Hekk hu. Kien hemm grupp ta’ players li mxew għall-kategorija superjuri. Kien hemm oħrajn li sfortunatament baqgħu barra u hi verament ħasra.

    Madankollu jien għedt lil dawn il-players biex ma jaqtgħux qalbhom anzi jib­qgħu jinsistu sabiex jirbħu posthom.

    Fil-football internazzjonali, importanti li tgħolli l-livell sabiex il-player ikompli jikber fil-logħba li tant iħobb.

    Kemm tgħallimt minn coaches passati bħal Horst Heese u Dusan Fitzel?

    Dak iż-żmien kont għadni ġdid u kont għadni nibda l-karriera tiegħi ta’ coach.

    Tgħallimt ħafna minn Heese madankollu l-ideat tal-football ħadthom min­għand Dusan Fitzel.

    Dan tal-aħħar kien jidħol fid-dettall u janalizza l-logħ­biet kif suppost. Jien ġieli kont inkun ħdejh fl-uffiċċju u kien jgħaġġibni kemm kien metodiku fl-istil tiegħu.

    Lill-players tat-team nazzjonali ta’ Taħt id-19-il sena, int tarahom kuljum?

    Din il-faxxa ta’ tfal kienu ġodda għalija minħabba li jien dejjem mexxejt timijiet tal-kbar.

    B’hekk kont tlabt lill-ex Direttur Tekniku tal-MFA, Robert Gatt, sabiex inżomm in-nukleu ta’ players ta’ Wayne Attard.

    Wara li għamilt dan kollu, bdejt nidra lil dawn iż-żgħażagħ minħabba li bdejna nitħarrġu fis-sajf.

    Dawn huma tfal ta’ 17-il sena li għadhom fl-aqwa ta’ żogħżithom. Iżda stajt nara d-determinazzjoni u l-ħeġġa li qed jagħmlu sabiex jiġu għat-taħriġ.

    Il-fatt li kienu jiġu fil-ħin imlietni b’kuraġġ u fl-iskwadra għandi players serji li jagħmlu sagrifiċċji fejn kelli minnhom li kienu jirranġaw il-ħinijiet tax-xogħol.

    Kien hemm minnhom li l-clubs kienu jiġu bżonnhom u jien kont nagħtihomlhom jekk verament kienu jkollhom bżonnhom. Fil-fatt għandna ftehim ta’ kollaborazzjoni mal-clubs kollha nvoluti.

    Minkejja kollox x’ħin nara din id-dedikazzjoni kollha, l-inkwiet tiegħi huwa jekk dawn l-istess tfal isibux posthom fil-Premier għada pit­għada minħabba r-regola tal-barranin.

    Jekk jiġi club jitlob is-servizzi tiegħek bħala coach ... taċċetta?

    Le jien ma nistax għax għandi kuntratt mal-MFA. Wara li ħdimt l-A Licence u għamiltu fis-seħħ issa għandi l-Pro Licence u dan għadni qed nimplimentah.

    Kemm tkellimt u kkordinajt ma’ Wayne Attard qabel ħadt il-kariga ta’ coach tat-team nazzjonali ta’ Taħt id-19-il sena proprju min­għandu?

    Fil-preżent, Wayne Attard jinsab l-Amerika. Qabel ma telaq tani rendikont fuq kull player.

    Imbagħad kelli l-għajnuna ta’ Silvio Vella, Charlie Scerri u Noel Turner u dawn għam­luhieli aktar faċli sabiex nadatta malajr.

    Kemm titkellem ma’ Silvio Vella u qabel ma’ Ray ‘Żażu’ Farrugia?

    Bħalissa jien qiegħed coach fuq bażi part-time mal-MFA. Kont nitkellem ħafna maż-Żażu fi sfond ta’ ħbiberija u kien jagħtini ħafna pariri.

    Kien talabni wkoll xi players ta’ taħt id-19-il sena biex jittrenjaw mal-kbar. It-tfal kienu onorati li ħadmu mal-ewwel skwadra tat-team nazzjonali.

    Int għandek it-team nazzjonali ta’ taħt id-19-il sena. Jiġi żmien fejn dawn it-tfal jintilfu. X’jiġri eżatt?

    Hemm ħafna fatturi li qegħdin iwasslu għal dan kollu. L-ewwel u qabel kollox qed isibu l-bibien magħ­luqin.

    Qed isibuha diffiċli bl-introduzzjoni ta’ seba’ barranin fil-Premier. U jekk ma tilgħabx tibda tikber il-frustrazzjoni u għalhekk jiġu mislufin lil xi club ieħor ta’ diviżjoni inferjuri.

    U awtomatikament il-motivazzjoni tonqos. Dawn iż-żgħażagħ kollha jixtiequ jilagħbu fil-Premier u jkun unur għalihom jekk jasal dan il-pass. Issa fl-antik meta ma kienx hawn dawn il-barranin kollha, huma kienu jilagħbu.

    L-uniku player li lagħab logħbiet b’mod regolari kien Alex Satariano ta’ St Andrews.

    M’hemmx dubju li jekk iridu jgħollu l-livell iridu jilagħbu iżjed.

    Taqbel mal-idea ta’ 14-il team fil-Premier?

    Le ma tantx naqbel. Veru li ser ikun hemm opportunita’ li club u players jitilgħu darba fl-ogħla kampjonat Malti. Iżda l-livell ser jonqos minħabba li huwa mifrux bejn ħafna.

    Hawn min jgħid li l-football Malti marid. Taqbel ma’ din l-opinjoni?

    Ma nistgħux ngħidu hekk. Irridu naddattaw. Irridu nsibu u naraw x’nagħmlu jekk se tgħaddi r-regola tal-11-il barrani. Għall-inqas irridu nippruvaw nieħdu t-tajjeb minnha.

    Nixtieqek tgħaddi l-aħ­ħar messaġġ tiegħek lin-nies sabiex jiġu jagħtu s-sapport lit-timijiet naz­zjonali Maltin.

    Jien jiddispjaċini ħafna meta t-team Malti jitlef. Madankollu nista’ nassigurak li l-ebda persuna fl-MFA  ma jieħu gost jitlef.

    Irridu napprezzaw ix-xogħol li qed isir minn wara l-kwinti u li ma jidhirx u dan kollu sabiex il-football Malti jitjieb.

    Hemm lok għal iktar titjib m’hemmx dubju. Iżda kul­ħadd irid jagħmel il-parti tiegħu.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0