It-tkabbir ekonomiku kajman fl-UE ma jaffettwax lil Malta

  • Nov 17, 2019 19:51
  • Miktub minn Melvin Farrugia
"

    S’issa f’Malta ma nħassux l-effetti tat-tkabbir ekonomiku kajman li għaddej fl-Unjoni Ewropea u dan grazzi għall-politika ekonomika li mexxa l-Gvern Laburista. Madankollu, xorta għadu jista’ jaffettwa lil pajjiżna u dan minħabba li Malta hi parti integrali mis-suq wieħed Ewropew u allura biċċa sostanzjali mill-ekonomija tagħna tiddependi fuqu. 

    Qal dan l-ewroparlamentari Laburista Alfred Sant, li f’kummenti lil IT-TORĊA beda billi għamilha ċara li l-andament negattiv hu relatat mar-rati ta’ tkabbir previsti li mhumiex jintleħqu. Sant spjega li dan kollu qed jiġri minħabba li l-politika tal-Istati Uniti taħt Trump daħħlet ċerti inċertezzi fl-ekonomija dinjija, bid-dħul ta’ dazji protettivi ġodda u t-theddid tal-hekk imsejħa gwerer kummerċjali. Hu qal li b’riżultat ta’ dan, il-kummerċ internazzjonali qed jiskossja u t-tkabbir tal-ekonomija Ċiniża naqqas fir-ritmu. Spjega li dan qed joħloq problemi għall-Unjoni Ewropea li ssib fiċ-Ċina suq interessanti ħafna. 

    Barra minn hekk, Alfred Sant semma l-inċertezzi li qed iġib miegħu Brexit, li qegħdin iwasslu biex l-investimenti u n-negozji jittardjaw. Hu qal li biex iżjed jikkomplikaw ruħhom l-affarijiet, l-investimenti fl-Ewropa, jiġifieri dawk il-flejjes li jintefqu biex jinħolqu fabbriki u faċilitajiet oħra li jissarrfu fil-produzzjoni tal-ġid fil-futur, baqgħu baxxi fl-aħħar snin. Hu qal li dan mhux qed jgħin biex l-ekonomiji Ewropej ikunu aktar dinamiċi. 

    Mistoqsi dwar jekk hux mistenni li naslu f’punt fejn jerġa jkollna riċessjoni fl-Ewropa, Sant qal li s’issa ħadd mhu qed jitkellem f’termini ta’ riċessjoni. Madankollu, hu qal li t-tħassib hu li jekk tibqa’ tintilef ir-rankatura ekonomika, allura tqum it-theddida ta’ riċessjoni. 

    Intant, Alfred Sant qal li dawn l-effetti msemmijin jolqtu bil-kbir lill-Ġermanja, li s-suċċess ekonomiku tagħha jiddependi mill-esportazzjoni, fejn l-aqwa swieq huma l-Istati Uniti, iċ-Ċina u r-Renju Unit. Barra minn hekk, qal li fl-aħħar snin, il-Gvern Ġermaniż baqa’ għaddej b’politika finanzjarja mill-aktar prudenti u żamm surplus kbir għaddej minn sena għal oħra fil-baġit tiegħu, fejn l-aqwa interess kien li jkompli jnaqqas id-dejn nazzjonali. 

    Rigward investimenti mill-Gvern Ġermaniż, Sant qal li dawn ma sarux daqskemm messhom, bħalma lanqas ma sar biżżejjed biex in-nies ikollhom dejjem aktar flus fil-but. Minħabba f’hekk, hu qal li marru ħażin saffi sħaħ ta’ konsumaturi, l-aktar il-pensjonanti. Għalhekk Sant qal li meta l-bejgħ tal-prodotti Ġermaniżi barra l-pajjiż jistaġna minħabba l-gwerer kummerċjali, u meta fil-pajjiż jiġri l-istess għax in-nies ma tonfoqx, allura l-Ġermanja bilfors tħoss l-effetti negattivi li qiegħda tħoss. 

    Sant qal li hu kurjuż li bħalissa l-aktar pajjiż kbir Ewropew li qed isostni lill-oħrajn għax baqa’ għaddej b’ċerta rankatura hu Franza. 

    L-inċertezza minħabba Brexit

    Inewsmalta staqsiet ukoll lil Sant dwar jekk Brexit hux se jkompli jaffettwa l-andament ekonomiku tal-pajjiżi Ewropej. Hu qal li aktar milli Brexit innifsu, dak li qed joħloq il-problemi hi l-inċertezza li Brexit tgeżwer fih. Hu spjega li malli l-mistoqsija dwar kif Brexit se jiġi mwettaq tkun riżolta, imbagħad jibdew jittieħdu d-deċiżjonijiet li jirriflettu l-bidla li se jġib miegħu u r-rota tkompli ddur. Iżda minħabba s-sitwazzjoni kif inhi, kulħadd qed jibqa’ prudenti, jew saħansitra ċass u b’hekk anke l-ekonomija tibqa’ ftit jew wisq fl-istess qagħda. 

    Rigward ir-raġuni għalxiex Malta sejra tajjeb, fl-istess waqt li diversi pajjiżi Ewropej oħra sejrin ħażin, Sant qal li fiċ-ċokon tagħna, kemm ilna li sirna membri tal-Unjoni Ewropea, is-servizzi bħat-turiżmu, is-servizzi finanzjarji u l-imħatri bl-internet saru l-qofol tal-ekonomija Maltija, flimkien ukoll mal-kostruzzjoni. Spjega li s’issa dawn is-setturi mhumiex milqutin daqshekk mill-inċertezzi fl-ekonomija internazzjonali. Min-naħa l-oħra, qal li f’Malta għaddej programm ta’ investiment pubbliku qawwi li qed iħarrek ir-rota ekonomika. 

    Dwar dan il-mudell, Sant qal li dan ma jgħoddx għal pajjiżi wisq akbar minna. Spjega li dawk li joqorbu lejna huma l-Irlanda, il-Lussemburgu u Ċipru li wkoll mhumiex sejrin ħażin. Madankollu, hu rrimarka li l-problema tagħna u ta’ dawn il-pajjiżi hu li qegħdin insegwu mudell li jista’ jkun wisq vulnerabbli. 

    Dwar il-possibbiltà li pajjiżi oħra jikkopjaw il-mudell “tagħna”, Alfred Sant qal li minħabba dak kollu li spjega qabel wieħed jifhem li la jistgħu u lanqas għandhom jikkopjaw il-mudell ta’ pajjiżna. Sostna li dak li s’issa ġie jgħodd għalina, mhux bilfors se jgħodd għal pajjiżi oħra. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0