Francesco Liberti … bdot Taljan li miet fil-Kalkara

  • Nov 17, 2019 16:38
  • Miktub minn Ronald Bugeja
"

    Dakinhar tal-25 ta’ Lulju 1941, ġara każ partikolari fil-Kalkara. F’dan il-każ mhux talli nfakkru x’ġara imma niftakru fil-qlubija ta’ missirijietna Maltin li ħadmu biex jgħinu lil kull minn kien fil-bżonn fl-iktar żmien imdemmi ta’ l-istorja ta’ pajjiżna.

    F’Malta 25 ta’ Lulju 1941 jimmarka ġurnata oħra mill-kalendarju sa minn meta Benito Mussolini kien iddikjara stat ta’ gwerra kontra l-Ingliżi u l-alleati tagħhom. 

    Fil-Kalkara f’Lulju huwa ix-xahar meta tiġi ċċelebrata il-Festa tal-patrun tagħha San Ġużepp. F’dik il-ġurnata il-Kalkara u Kottonera kienu mgħottija taħt it-trab u duħħan kbir. Kien wieħed mill-ikbar raids li qatt saru mit-Taljani. F’dak iż-żmien Malta kienet għadha tiġi attakkata mill-Italja biss. 

    Benito Mussolini ra li l-Ingliżi kienu b’saħħithom ħafna u ra ukoll li l-bdoti tiegħu ma kellhomx biżżejjed esperjenza ta’ gwerra u dan ġab falliment. Attakk wara ieħor mingħajr suċċess ta’ xejn. Għalhekk hu kien iddeċieda li jitlob l-għajnuna militari lil Adolf Hitler u Luftwaffe. Tahom il-permess li Luftwaffe tidħol Sqallija u tieħu f`idejha il-missjonijiet ta’ l-attakki mill-ajru fuq Malta.

    Illum nafu li Adolf  Hitler qatt ma kellu l-intenzjoni li jattakka lil Malta. Dan għar-raġuni li Hitler kellu pjan li jekk huma jirnexxielhom jirbħu l-Libja u l-Eġittu, Malta kienet se iċċedi waħedha. Din ma kinetx l-ewwel darba li Mussolini talab lil Adolf biex jgħinu għax fil-Greċja, Mussolini u n-nies tiegħu fallew ukoll.

    Fil-25 ta’ Lulju 1941 ġara każ partikolari fil-Kalkara li ħafna minn nies illum ma jiftakrux dan il-fatt storiku. 

    Sfortunatament illum dik il-ġenerazzjoni ta’ nies li jiftakru jew għexu il-gwerra qiegħed bil-mod il-mod jitnaqqar. Irriċerkajt u sibt informazzjoni fuq x’ġara lil dan il-bdot bl-isem ta’ Francesco Liberti kif ukoll il-konnessjoni tiegħu li baqgħet marbuta mal-Kalkara.

    Fi Sqallija fis-sena 1941 kienet ġiet organizzata missjoni sigrieta. Missjoni li kellha twettaq studju serju fuq dik li parti li kienet l-iktar fil-mira ta’ l-attakki tagħhom fuq il-Belt Valletta. Dik li t-Taljani kienu jaħsbu li l-Ingliżi kienu qed jagħmlu l-operazzjonijiet militari u offensivi fuqhom stess u fil-fatt sa hemm ma kienux żbaljati!

    It-Taljani kellhom strateġija tajba kif ukoll l-informazzjoni li kellhom fuq il-belt Valletta kienet korretta iżda kien fadal li jibbumbardjaw il-postijiet tajbin li spiss kien qed ikun maqbuż dan l-objettiv, kemm minħabba li bdoti Taljani kienu jibżgħu mit-tiri tal-kanuni u kemm minħabba li kienu jtiru fl-għoli wisq bil-konsegwenza li bombi bdew jiġu fuq postijiet li ma kienux ikunu fil-mira tal-bumbardament proprja. 

    Biex il-missjoni tkun suċċess riedu jagħmlu missjoni apposta biex jiġbru l-informazzjoni meħtieġa fuq il-belt. Fil-fratemp huma ftit wara li bdiet il-gwerra f`Malta kienu nidew bomber ġdid ta’ tip "Alcione" CANT Z 1007  li ġie imniedi eżattament fid-29 ta’ Awwissu 1940. Dan kien lest biex jibda il-missjonijiet tiegħu fuq Malta wara li l-bomber Taljan kien intuża għall-ewwel darba bħala proto tip fil-front tal-Greċja. 

    Meta l-Italja bdiet l-offensiva tagħha fuq il-Greċja, l-Italja ma damitx wisq biex titlob lill-Ġermaniżi biex jgħinuha f`attakki mill-ajru tagħha. Dan għax l-attakki fqar li bdew jagħmlu fuq Greċja it-Taljani ma kinux effettivi l-istess bħal fuq Malta. 47 Bomber   tmexxew fuq dak il-front ta’ l-attakki mill-ajru fuq il-Greċja. Filfatt CANT Z.1007  ġew lura ġewwa Sqallija biex jintużaw għal attakki fuq Malta f’Ġunju ta’1941 meta Luftwaffe kienet invadiet il-Greċja f’qasir żmien!

    L-ewwel Skwadra b'9 ° Stormo Bombardamento terrestre kienu ibbażati f`Trapani (Chinisia) kif ukoll 29 ° u 33 ° Gruppo Stormo, kienet ukoll mgħammra b'25 Fighter Macchi Saetta 200 jakkumpanjawha fil-missjonijiet tagħha. L-Italja kienet inferjuri fejn jidħlu apparat tal-gwerra għalhekk kien qiegħed ikollhom ħafna telf ta’ ajruplani kif ukoll bdoti li ħafna minnhom kienu ta’ età żgħira.

    Għalkemm ħafna mill-inġiniera Taljani kienu jaħdmu biex joħolqu ajruplani robusti kif ukoll li kienu itellgħu il-veloċità meħtieġa għal bumbardamenti u jibqgħu jimmanuvraw tajjeb, l-armamenti tagħhom ma kinux suffiċjenti għal dak li kienu qegħdin jaffaċċjaw meta jaslu għal konfronti diretti ma’ l-għadu tagħhom fl-ajru kif ukoll mal-kanuni li kienu imxerrdin f`Malta speċjalment fil-Kottonera u Belt  Valletta. Huwa dak il-fatt li illum nafu għax f’dak iż-żmien il-Maltin kienu jgħidu li t-Taljani ma kinux qlil daqs kemm kienu Ġermaniż. |Dan għax apparti l-Italja ma kienet xejn preparata għall-gwerra, l-armamenti u Bombers tagħha ma kinux tajbin għal ċertu air raids. 

    Ir-rapporti juru biċ-ċar li t-Taljani kellhom biss formazzjoni ta' 10 CANT Z.1007 Bombers Monoderiva Biss 106 ° Gruppo li kien inkarigat mill-bumbardamenti fuq Ħal Luqa Aerodome. Din l-iskwadra l-106 ° kienet ibbażata fi Trapani (Chinisia) fi Sqallija aktar tard ingħaqdu magħhom ukoll skwadra 9 ° u 50 ° Gruppo, li proprjament kienu stazzjonati Sciacca. Wara kien qed jinħass il-ħtieġa li iktar minn dawk l-iskwadri rieedu iktar għajnuna f’air raids u għalhekk ingħaqdu magħhom 47 ° Stormo Bombardamento Terrestre kollha b’33 "Alcione" magħhom.

    Meta l-Ġermaniżi niżlu Sqallija sabu ruħhom f'diżastru kbir fejn jidħlu missjonijiet tal-gwerra. Dan ma tanx niżel tajjeb ma’ Benito Mussolini minħabba li l-Ġenerali tiegħu bdew jużaw strateġija li prattikament ħliet ħafna riżorsi kif ukoll waslet biex għadd ta’ bdoti tilfu ħajjithom.

    Il-bombers Taljani kellhom jiffaċċjaw id-difiżi msaħħa tal-gżira Maltija. Waħda mill-problemi li kellhom kienet li huma kienu jaħdmu bir-radar miftuħ flimkien mal-Fighters tagħhom saħansitra ġieli kienu anke jinqabdu mill-art b`radios  xi ikunu qed jgħidu fuq interphone tagħhom! Fatt minnhom qiegħed irrakkuntat fuq il-ktieb tiegħi ‘Mill-Glorious sal-Vittoria’ fejn hemm rakkont fuq dan il-fattur. Ħaġa oħra kienet l-għoli li kienu jittajjru il-Bombers tagħhom fejn l-objettiv kien ifalli b’manwar ħamsa u sebgħin fil-mija mill-mira proprja. Kien f`dak iż-żmien li l-Italja bdiet timmanifattura l-Stukas JU 87 ajruplan li kien irnexxa u kien wieħed mill-iktar ajruplani tajbin għall-bumbardamenti preċiżi. Iżda l-Italja kienet f`nofs gwerra mingħajr riżorsi u allura Adolf Hitler ried anke jibgħat ir-riżorsi minħabba li l-ġenerali tiegħu ħassew il-ħtieġa li Bombers Tajlani mhux tajbin għall-bumbardamenti. 

     Minn Nofs Lulju l-"Alcione" bdew mewġa ta’ attakki bil-lejl fuq Malta bejn l-15 u l-20 ta` Lulju 1941. Filfatt kienu skwadra 9 ° Stormo u 8 ° Gruppo Stromo, 50 ° Stormo magħhom kien hemm 30 CANT Z.1007 iżda attakk wara ieħor dawn il-Bombers ġew ridotti għal 12-il bomber biss li kienu operattivi u tajbin għal missjonijiet l-oħrajn kollha kellhom xi ħsarat jew intlaqtu mit-tiri tal-kanuni.  

    Wara dawn id-disfatti kollha l-Italja riedet riżultat tajjeb fuq dak li kellu jikxef ċertu postijiet fil-Belt Valletta u għalhekk ġiet imsejħa Operazzjoni Speċjali li ħejjiet ruħha f’Palermo. Din il-missjoni kellha twassal għas-suċċess meħtieġ. Il-bumbardament kellu jibda minn filgħodu u ikompli sakemm il-bdoti jirnexxilhom isibu il-post minn fejn l-Ingliżi kellhom  il-postijiet strateġiċi tagħhom!

    Dak in-nhar 25 ta’ Lulju 1941 flotta sħiħa ta’ Cant Z 1007bis tat-Taqsima SMD RTD intbagħtet fuq Malta. It-tluq kien mill-Aerodome ta’ Palermo-Boccadifalco. Eżattament fid-09.25 ta’ filgħodu b’missjoni ta’ tkixxif fil-Belt Valletta. Il-missjoni kellha tinkludi ukoll fit-tfittxija ta' bastimenti qrib Malta. Din l-operazzjoni sigrieta ingħatat l-isem ta` l-Operazzjoni 'Sustanza'. 

    L-ewwel skwadra ta’ 10 Cant Z  Bomber ġiet skortat minn 26, Saetta macchi 200 (Lightning) tal-VII Gruppo 54 St u minn 21, Saetta Macchi 200 (Lightning) tax-X Gruppo tar-IV St. kien ma din l-iskwadra li il-bdot Francesco Liberti kellu itajjar Saetta Macchi tiegħu għal missjoni fuq Malta. Dawn biex jipproteġu kemm jista’ ikun lil Bombers meta ikunu qed jagħmlu it-tiftix u il-bumbardament  fuq il-Belt Valletta u jassiguraw li ma ikunx hemm telf ta’ Bombers. Dan minħabba li dawn riedu iwettqu ħafna iktar attakki fuq Malta. Kienet ħaġa normali li f`raids bħal dawn kienu jintbagħtu Fighters bħala protezzjoni iżda minħabba li dawn Bombers ma kienux daqshekk robusti u jifilħu għal ċertu ħsara li t-tiri ta` salvo jagħmel, dawn prattikament qishom kienu t-tarka tagħhom. Apparti dan f`Malta kien hawn Skwadra ta` Hurricanes li kienu qed jagħmlu ħerba mill-bombers huma u jtiru lura lejn Sqallija.

    L-Operazzjoni telqet lejn Malta formazzjoni perfetta u kulħadd kien lest biex jikseb riżultat tajjeb f’din l-operazzjoni u itiru lura lejn darhom b’sodissfazzjon. Ġara iżda li għal ftit minnhom dan ma kienx il-każ.

    F’Malta ‘l-Palomba’ newwħet is-sinjal ta’ attakk mill-ajru u dlonk il-formazzjoni dehret fuq Malta u minnu fih bdiet l-operazzjoni fuq Belt Valletta. L-Ingliżi minn naħa tagħhom għamlu li setgħu biex ixekklu lit-Taljani biex kemm jista’ ikun ma jinkixfux postijiet sigrieti. Dak in-nhar kien intefa’ smoke screen madwar il-port kollu u minħabba li kienet ġurnata sajfija lis-smoke screen niżel fil-baxx ħafna tant li ħafna min-nies spiċċaw bla nifs minħabba li d-duħħan ta` smoke screen li baqa’ dieħel saħansitra fix-xelters!

    Mewġa wara mewġa it-Taljani bdew iwaddbu bombi fuq il-Belt Valletta. Dak in-nhar ta’ minn isemmi li minħabba il-qagħda strateġika li biha bdew jaħdmu it-Taljani kif ukoll biex jevitaw li ikunu ta’ mira għall-kanuni, il-Kalkara kienet intlaqtet minn ħafna bombi żgħar kif ukoll minn tiri tal-machine guns tal-fighters Taljani. Ftit wara il-kru tal-kanun tal-Barrakka ta’ fuq fil-Belt Valletta ir-rappurtaw li kien intlaqat ajruplan Taljan Cant Z Bomber. L-ajruplan ġie milqut sewwa u deher li bdoti ftit kellhom ċans li joħorġu minnu. Fatt ieħor ukoll kien li dan it-tip ta’ Bomber kellu l-istruttura tiegħu li kienet ta’ l-injam għalkemm kien armat bit-tlett magni, waħda fin-nofs tnejn fil-ġnub, waħda fuq kull ġewnaħ kif ukoll flok żewġ bdoti fejn xulxin. Il-bdoti kienu ipoġġu wara xulxin u dan kien jagħmel iktar vista ċara lilhom meta ikunu fuq missjoni.  Dan minħabba li ma kienx jiżen ħafna, kien Bomber ħafif u kien itella’ veloċità kbira. Iżda x’jiswa li għandek ajruplan li ma kellux biżżejjed armament biex imqar jipporteġi lilu innifsu u għal dik ir-raġuni magħhom kienu jintbagħtu ħafna iktar Fighters għal protezzjoni! 

    Ftit wara żewġ fighters Taljani Saetta Macchi tal-Gruppo `X` kienu ġew milqutin ukoll. Wieħed waqa’ f`Għajn Dwieli in-naħa li illum tagħti fejn hemm il-benniena tal-Fgura. Dan l-ajruplan skont rapport li hemm f`Università ta’ Catania kien proprju tal-bdot Silvio De Giorgi, (POW) Prisoner of war, (MM6873) fuq Saetta Macchi ta’ l-iskwadra 98 Sq Gruppo `X` li ftit tal-ħin wara inqabad wara li niżel bil-paraxut. Wara Silvio De Giorgi waslet l-aħbar li tieni Fighter Saetta Macchi kien intlaqat. Ir-rapporti juru li dan ta’ l-aħħar ġie milqut mill-kanuni li kien hemm stazzjonati fuq San Gwann T’Għuxa Bormla. Huma kienu proprju li irrappurtaw li kienu laqtu ajruplan ieħor Taljan. L-ajruplan kien proprju tal-Bdot Francesco Liberti (KIA) ‘Killed In Action’, (MM23361) ukoll tat-98 Sq Gruppo `X`. Hekk kif l-ajruplan ġie milqut minn ‘Salvo’ sparat mill-kanuni tat-tip AA Bofors Heavy anti-Aircraft Gun kien irrappurtat li l-ajruplan ħa in-nar mill-ewwel. Francesco irnexxielu joħroġ minn ġol-ajruplan tiegħu. Il-bdot baqa’ iżomm sod sakemm irnexxielu jaqbeż minn fuq il-parti tal-ġewnaħ tal-ajruplan li kien ġa niżel l-isfel biex ftit wara Saetta Macchi tiegħu sar ballun tan-nar fl-ajru u il-fdalijiet tiegħu waqgħu proprju lejn Rinella. Francesco Liberti kien diġa ferut qabel ma qabeż minn fuq l-ajruplan minħabba ħruq li sofra u sfortunatament ġara li paraxxut ma infetaħx sewwa u Francesco beda niżel isfel qisu ġebla!

    Francesco ġie fi Triq il-Kajjik fil-bidu tal-Kalkara. Hu kien qiegħed jiġi segwit mis-suldati li kienu stazzjonati fuq kanuni fil-Kottonera iżda minħabba il-ġrieħi gravi li kellu Francesco Liberti miet ftit wara li waqa’ f`idejn il-Maltin fosthom l-eroj it-Tabib Cauchi Inglott u Sur L. Boffa. Jakkumpanjawhom kien hemm ukoll Dun Pawl Galea li assistieh fl-aħħar ħinijiet ta’ ħajtu. Dun Pawl kien qassis ġewwa parroċċa tal-Kalkara f`dak żminijiet imdemmija tal-gwerra.

    Żewġ bdoti li kienu fuq Saetta Macchi u kienu ddikjarati mejta, Liberti u De Giorgi iżda għal De Giorgi kellu jgħaddi iż-żmien biex Silvio kien dikjarat li għadu ħaj. Hu kiene jinstab f`Malta bħala priġunier tal-gwerra. It-tnejn l-oħra li niżlu mal-Bomber Taljan kienu l-kaptan Gostini flimkien ma’ (SM) Surgent Maggur Omiccioli.

    Wara dik il-gurnata it-Taljani kienu għamlu ukoll rejd mal-lejl fejn tefgħu xi flares biex jixgħelu d-dawra tal-port. L-attakk kien immirat fuq tarzna. Iżda f`dan l-attakk Taljani laqtu il-posta tal-kanun fil-Birgu, dik li qiegħda fuq sur biswit il-Forti Sant Anġlu u qatlu sitt suldati li kienu mal-kanun. F`dan l-attakk ukoll xi bombi ġew quddiem il-knisja ta’ San Ġużepp li sa dak iż-żmien kienet għadha ma intlaqtetx kif ukoll fuq l-isptar ta’ Bighi.

    Minħabba li ridt li l-informazzjoni tkun ċara kemm jista’ u kelli dubji fuq kif intlaqtu l-ajruplani dan għax fuq ir-riċerka minnhom jirriżultali li din l-skwadra ġiet attakkata minn ajruplani Ingliżi Hurricane u intlaqtu waqt ‘Dog Fight!’ (Taqbida f`Ajru). Iżda żgur mhux fil-każ ta Francesco Liberti. Dan grazzi għal rapport li hemm imniżżel minn fuq l-kanuni stazzjonati kif ukoll lil dawk veterani li tkellmu miegħi u għoġobhom jaqsmu din l-esperjenza tal-ħajja tagħhom u li żgur ser inkun qiegħed inżomm għal dejjem. 

    Għal ħafna li jiftakru dan il-każ iseħħ jafu li kien każ li ħalla ħafna vittmi oħra Maltin. Francesco li kien ferm żvinturat li paraxut tiegħu ma infetaħx sewwa u miet bil-ġrieħi gravi li kellu. Tistgħu timmaġinaw x’raw dawk l-eroj li b’kuraġġ liema bħalu xorta ppruvaw jagħmlu li setgħu biex iżommu lil Liberti ħaj avolja kienu jafu li kien l-għadu tagħhom. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0