[FILMAT] L-iżvilupp għandu jsir bi pjan u djalogu mal-komunità

  • Nov 17, 2019 10:12
  • Miktub minn Melvin Farrugia
"

    Il-Fakultà għall-Ambjent Mibni flimkien mal-Fakultà għas-Saħħa tas-Soċjetà jemmnu li l-iżvilupp f’pajjiżna għandu jsir bi pjan u bi djalogu mal-membri tal-komunità. 

    Inewsmalta tkellmet dwar dan proprju mad-Dekan tal-Fakultà għall-Ambjent Mibni, il-Professur Alex Torpiano li spjega li dak li qed isir ħażin hu li mhux qed ikun biżżejjed djalogu mal-komunitajiet minn min qed jippjana ħalli jara eżatt x’hemm bżonn li jsir għalihom. 

    Hu sostna li l-mudell ta’ pajjiżna hu wieħed żbaljat għax minflok l-iżviluppatur jibni skont il-bżonn tal-komunità, dan qed jagħmel dak li jfettillu u li jaqbillu. Il-Professur Torpiano jgħid li dan jista’ jaffettwa anke s-saħħa mentali ta’ dawk li jgħixu fil-komunità. 

    Żvilupp bi pjan u bi djalogu mal-komunità

    Fl-aħħar jiem, id-Dekan tal-Fakultà għall-Ambjent Mibni, il-Professur Alex Torpiano u d-Dekan tal-Fakultà għas-Saħħa tas-Soċjetà, il-Professur Andrew Azzopardi ppubblikaw stqarrija fejn insistew li l-iżvilupp għandu jsir b’mod ippjanat u bi djalogu mal-membri tal-komunità. 

    F’dan ir-rigward, inewsmalta tkellmet mal-Professur Alex Torpiano biex ikun jista’ jispjegalna aktar dwar dan. Hu beda billi spjega li dak li qed jara li qed isir ħażin hu li mhux qed ikun hemm biżżejjed djalogu bejn min jippjana u bejn il-komunitajiet li suppost qed isir il-pjan għalihom. Hu sostna li dan hu l-qofol ta’ kollox biex l-iżvilupp isir kif suppost. 

    Torpiano qal li l-mudell s’issa kien li l-esperti fl-awtorità tal-ippjanar jipproponu politiki u minkejja li jagħmlu proċess ta’ konsultazzjoni dan ħafna drabi ma jasal imkien għax it-terminoloġija hi wisq kumplikata biex jifhmuha n-nies. Qal li hu għalhekk li dawn il-politiki jispiċċaw jgħaddu, iżda d-djalogu mal-komunitajiet (li huma l-ewwel li jiġu impattati bihom) ma jkunx sar. Semma li r-riskju ta’ dan kollu hu li dak li jiġi approvat ma jkunx dak li hu vera għall-benefiċċju tan-nies. Spjega li filwaqt li ma tistax tissodisfa lil kulħadd, min-naħa l-oħra trid tinduna meta jkun il-każ li jsir aktar djalogu, ħalli jinstab x’inhu l-aħjar għall-ġid komuni. 

    Il-Professur Torpiano qal li dak li qed jgħidu bħala dekani hu li entitajiet bħall-Awtorità tal-Ippjanar, l-ERA, is-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali u oħrajn bħalhom iridu jsibu mudell fejn jitkellmu bejniethom b’mod aktar ċar u mhux sempliċiment billi jibagħtu sottomissjonijiet quddiem xulxin. Minflok, hu qal li għandhom jikkonsultaw vera madwar mejda u jaraw l-impatt tal-proġetti li jkun hemm. Qal li dan ma jistax isir fuq kull applikazzjoni peress li hemm ħafna, però saħaq li jekk ikun qed jiġi diskuss proġett li se jsir fil-kampanja jew inkella f’raħal fejn diġà hemm komunità stabbilita, allura għandhom jaraw jekk dak li se jiġri hux se jimpattaha u b’liema mod. 

    Hu sostna li dan ma jfissirx li l-proġetti ta’ żvilupp m’għandhomx isiru, iżda li l-ewwel għandha ssir diskussjoni u konsultazzjoni serja mal-komunità. Spjega li dan hu mudell li anke l-aktar pajjiżi avvanzati adottaw. Qal li hu importanti li tagħmel sensiela ta’ workshops, fejn “tieħu paċenzja” tpoġġi man-nies u tispjegalhom l-impatt li se jħalli dak li se jiġri. 

    Semma bħala eżempju l-politika rurali u qal li mbilli titkellem dwarha fuq ir-radju mhu se jservi xejn. Qal li din hi estremament importanti imma wisq diffiċli biex tifhimha peress li tipprova tibbilanċja bejn l-agrikoltura, l-użi partikolari li ma jistgħux isiru fiha, il-kampanja in ġenerali, l-aspett viżwali u anke l-biodiversità. Qal li din hi kkumplikata ħafna u allura ma tistax tagħmel konsultazzjoni pubblika għal tliet ġimgħat u tistieden lin-nies biex jgħidulek x’jaħsbu. Qal li dan il-metodu ma jaħdimx għax hi politika kkumplikata u biex jifhmuha n-nies trid tkissirha f’biċċiet aktar żgħar u tmur int fil-komunitajiet ħalli tispjega. 

    Id-Dekan qal li dan ir-rwol mhux qed isir. Saħaq fuq il-bżonn li jsiru preżentazzjonijiet, fejn il-pubbliku jiġi ppreżentat anke b’alternattivi li jeżistu. Sostna li hu importanti li jkun hemm djalogu onest man-nies, fejn anke jiġi spjegat għalxiex hemm bżonn tal-iżvilupp. 

    Mistoqsi dwar il-fatt li fi proġetti kbar l-istudji jsiru ta’ malajr, Torpiano qal li dawn l-eżerċizzji li jevalwaw l-impatt m’għandhomx jitqiesu bħala biss formalità u minflok irid isir sforz ġenwin. Stqarr li filwaqt li hu vera li hemm parti magħrufa bħala l-evalwazzjoni tal-impatt soċjali, fejn isir anke stħarriġ fost il-komunità, fir-realtà ħafna kwistjonijiet ikunu wisq ikkumplikati biex tinduna bihom il-komunità. 

    Hu sostna li ma tistax tagħmel dan il-proċess għal kull żvilupp u lanqas m’hemm bżonn li tagħmlu għal kollox. Però, hu qal li rridu niddeċiedu liema kategoriji ta’ żviluppi jridu jgħaddu minn dan il-proċess. Saħaq li bl-istess mod bħalma ddum biex tibni impjant jew biex issib il-kuntrattur li se jagħmel ix-xogħol, tajjeb ukoll li ddum ftit iżjed u tagħmel dan il-proċess. Qal li r-riskji jinkludu fost l-oħrajn li l-komunità ddur kontra tiegħek u tibda tħares b’mod negattiv lejn l-iżvilupp. Barra minn hekk, l-iżviluppatur li ma jkunx sema’ xi trid il-komunità, jaf jiddispjaċih għax jista’ jkun hemm soluzzjoni li taqbel magħha l-komunità u hu lanqas qatt ma jkun esploraha magħhom. 

    Il-Professur Torpiano ġab ukoll eżempju b’żoni li fl-2006 kienu ssejħu bħala regolarizzati u li kienu nħarġu għall-iżvilupp. Qal li f’każi bħal dawn l-awtorità tal-ippjanar kellha taħdem mal-komunità u tara li jekk se tinħoloq komunità żgħira ġdida, tara kif se tiġi ttrattata l-art ħalli jkun hemm fiha ġonna, pjazez, ħwienet, fejn jgħixu n-nies u anke fejn jiltaqgħu. Spjega li fl-aħħar mill-aħħar inti trid li l-komunità jkollha fejn tiltaqa’, għax inkella tispiċċa b’dormitorji fejn in-nies imorru d-dar biex jorqdu u jieklu, u l-għada jitilqulek ‘il barra mir-raħal. Spjega li dan hu ċirku vizzjuż li anke wassal fiż-żieda fit-traffiku.

    Id-Dekan spjega kif min jammira l-irħula antiki, jammira b’mod partikolari l-knejjes, il-pjazez u l-ispazji vojta. Mhux id-djar biss ikunu sbieħ, iżda anke l-ispazju u l-komunità li tinħoloq, bħall-każini tal-banda u saħansitra dawk politiċi. Qal li din hi l-ħajja tal-komunità u jekk sempliċiment ninsewha, hemm ir-riskju li nagħmlu l-ħsara lill-komunitajiet, anke fuq livell mentali. 

    Qal li kienet proprju għalhekk l-idea li l-fakultà tiegħu, li tiffoka fuq l-ambjent mibni, u l-fakultà li tiffoka fuq is-saħħa tas-soċjetà jitkellmu flimkien għax fl-aħħar mill-aħħar huma marbutin flimkien. Qal li jekk illum tara rħula bħall-Qawra, il-mod kif sar l-iżvilupp iġegħlek tibża’ timxi, filwaqt li jekk tmur f’xi raħal antik bħal Ħal Għaxaq din il-biża’ ma tħossiex. Sostna li l-ambjent fiżiku jaffettwa lin-nies u l-ambjent ta’ barra jaffettwa s-saħħa tal-komunità.  

    Min-naħa l-oħra, Torpiano qal li dan ma japplikax biss għall-postijiet storiċi u antiki, iżda anke għall-komunitajiet ġodda li qegħdin jinħolqu barra mill-qalba tal-irħula. Hu sostna li dawn għandhom dritt għall-istess ġid, filwaqt li spjega li qegħdin imorru ħażin għax mhux qed isir ħsieb ta’ x’għandha bżonn il-komunità. 

    Filwaqt li għamilha ċara li m’għandu xejn kontra l-iżviluppaturi, għax hu stess hu perit, Torpiano qal li ma jistax ikollna politiki li jgħinu biss lill-iżviluppatur, mingħajr ma jagħtu kas kemm ikun ta’ benefiċċju għall-komunità. Sostna li bil-mod kif qegħdin isiru l-affarijiet, l-iżviluppaturi qegħdin jisfruttaw aktar milli hemm bżonn f’ċertu bini. 

    Id-Dekan qal li baqa’ jiftakar kumment li kien kiteb il-Ministru tal-Edukazzjoni, Evarist Bartolo fejn kien semma mudelli ta’ żvilupp f’pajjiżi bħal Singapore u Hong Kong. Torpiano qal li f’dawn il-pajjiżi jgħixu ħafna nies u għandhom il-problema ta’ densità. Min-naħa l-oħra, għandhom il-vantaġġ li kważi l-art kollha tal-Gvern. Però, stqarr li l-mudell tal-ippjanar tagħhom hu li jaraw x’għandha bżonn il-komunità. Skont dak il-bżonn, imbagħad ifasslu pjan ta’ inċentivi għall-iżviluppaturi fejn jgħidulhom li għandhom bżonn li jsir ċertu proġett u allura jistgħu jinvestu fih. Torpiano qal li aħna qegħdin nadottaw mudell li jaħdem il-kontra, fejn jiġi l-iżviluppatur u jgħidilna li għandu biċċa art u se jibniha. Għalhekk qal li b’dan il-mod qisna qed nirrispondu għat-talba tal-iżviluppatur. Torpiano qal li filwaqt li għandna nibżgħu għall-iżviluppatur, fl-istess waqt irridu nagħtuh direzzjoni ta’ dak li għandha bżonn il-komunità. 

    Binjiet żgħar qishom dormitorji

    Inewsmalta tkellmet ukoll mad-Dekan dwar il-fatt li fl-aħħar ġimgħat dehru rreklamati binjiet ġodda li huma ħafna iżgħar fid-daqs u li l-prezzijiet tagħhom jidhru raġonevoli meta mqabbel mal-prezzijiet esaġerati tas-soltu. 

    Min-naħa tiegħu, il-Professur Torpiano qal li dan hu aspett ieħor li jġiegħlek tistaqsi “Hawn x’komunità ħloqt?” Qal li dawn vera qishom dormitorji, fejn tista’ biss tiekol u torqod f’50 metru kwadru. Hu sostna li dik mhix ħajja, aktar u aktar meta qegħdin ngħidu li l-komunità għandha bżonn lill-familji, lill-anzjani u anke lill-persuni waħedhom. Saħaq li dawn iridu jgħixu fl-istess spazju u mhux f’żona fejn l-appartamenti kollha huma bil-50 metru kwadru. Spjega li meta tara l-iżvilupp tal-ibliet u l-irħula tagħna, tara li fihom issib minn kollox bħal ħwienet, skejjel, kliniċi u saħansitra xi dar tax-xjuħ. 

    Għalhekk hu sostna li llum maħniex niddisinjaw il-komunitajiet, iżda niddisinjaw dak li qed jitlob l-iżviluppatur u ngħidulu li qegħdin nagħtuh permess. Qal li dan hu żbaljat għax id-deċiżjoni m’għandhiex tkun fuq dak li hu permess, imma fuq dak li għandna bżonn. Spjega li l-ewwel trid tara x’għandha bżonn il-komunità skont iż-żona li tkun fiha u mbagħad tippjana għaliha. Fil-fatt, semma li waħda mill-problemi tal-politika tal-ippjanar hi li ma tarax żoni differenti. Fost l-oħrajn, qal li l-politika li permezz tagħha tista’ ttella’ żewġ sulari fuq dar tapplika kullimkien l-istess. Qal li din mhix tajba għax forsi l-bżonn f’Ħal Safi mhux l-istess bħal dak f’San Ġiljan. Allura staqsa għalxiex tintuża l-istess politika. 

    Id-Dekan qal li dan il-mudell għadna ma adottajniehx. Sostna li l-biża’ hi li fl-aħħar se nindunaw li bnejna ħafna appartamenti, iżda l-bqija li hemm bżonn biex tgħix inkunu nsejnieh. Biex nevitaw li dan ikompli jseħħ, hu qal li rridu naraw x’inhuma l-interessi tal-komunità. Filwaqt li sostna li l-iżviluppatur tajjeb li jagħmel il-profitt, min-naħa l-oħra dan għandu jinkiseb anke b’metodi u mudelli oħra fejn anke jiftiehem li jibni għall-Gvern. 

    Il-Professur Torpiano semma wkoll il-problema tal-iskejjel, fejn qal li dawn jinsabu mifruxin ma’ kullimkien, b’uħud li spiċċaw vojta għax il-komunità nbidlet, filwaqt li postijiet oħra m’għandhomx. Spjega li dan qed iwassal biex it-tfal ikollhom iqumu kmieni filgħodu biex jaqbdu l-vann u anke jinħoloq kaos kbir. Qal li forsi ma jistax ikun hemm skejjel sekondarji f’kull raħal, madankollu sostna li dan kollu hu konsegwenza għax ma ħsibniex fil-volum ta’ bini residenzjali li nbena f’żoni ġodda u x’impatt kien se jkollu. Spjega li dan trid taħseb għalih minn qabel u tippjana x’se jkollhom bżonn dawn in-nies. 

    Qal li dan il-pjan jgħinek ukoll biex tfassal l-infrastruttura skont il-bżonn. Madankollu, sostna li aħna sirna nirreaġixxu u nispiċċaw ninvestu fit-toroq għax in-nies qegħdin imorru minn post għall-ieħor f’volumi kbar u fl-istess ħin. Qal li dan hu differenti minn dak li kien isir fl-antik u ġab eżempju ta’ kif żviluppaw l-inħawi madwar it-tarzna fejn ħafna nies marru jgħixu fl-ibliet u l-irħula tal-madwar għax kienu jaħdmu hemm. Spjega li dan ma jfissirx li ma kienx hemm nies li kienu joqogħdu Ħad-Dingli u li kienu jaħdmu t-tarzna, iżda l-maġġoranza kienu jgħixu fl-istess inħawi. Il-Professur Torpiano qal li din issolvilek anke l-problemi tal-karozzi tal-linja għax waħda mill-problemi li għandhom f’Malta hi li jridu jmorru kullimkien. 

    F’dan il-kuntest, id-Dekan qal li vera li Malta hi dik li hi u dawn il-kwistjonijiet mhumiex sempliċi, però min-naħa l-oħra sostna li tlifna din il-viżjoni jew inkella forsi qatt ma żviluppajniha biżżejjed biex l-ippjanar isir għall-komunità u jibda proprju minn hemm. 

    Hu sostna li anke jekk issemmi d-dibattitu riċenti dwar il-politika rurali, meta taqraha tara li din il-politika tgħid li għandha sservi ta’ linja gwida għal min irid jinvesti biex itejjeb proprjetà tiegħu f’żona barra mill-iżvilupp jew inkella biex jibni bini ġdid. Torpiano qal li dik żbaljata u mhux minn hemm trid tibda. Sostna li l-politika ma tridx tibda billi tara l-individwu x’għandu bżonn, iżda tara l-komunità tal-bdiewa jew il-komunità tal-madwar li forsi għandhom bżonn post fejn it-tfal imorru jilagħbu. 

    Mistoqsi dwar jekk għadx hemm possibbiltà li l-affarijiet isiru sew, id-Dekan qal li allaħares le. Spjega li ma tistax issolvi l-problemi kullimkien, filwaqt li sostna li jista’ jagħti l-każ li f’ċerti postijiet ikollhom jaqgħu l-postijiet u jerġgħu jibnew. Però, qal li mhux bilfors irid isir hekk. Min-naħa l-oħra, hu qal li fejn għad għandna ċ-ċans li nistgħu nagħmlu l-affarijiet differenti, allura għandna nibdew. Spjega li jekk hemm art vojta u se nagħtuha għall-iżvilupp, irridu naraw xi jkun hemm bżonn fiha bħal skejjel, ġonna pubbliċi u forsi anke xi klinika. 

    Inewsmalta staqsiet ukoll dwar jekk hawnx biżżejjed post fejn nibnu ħalli jgħixu n-nies kollha sew. Torpiano qal li din dejjem domanda diffiċli peress li aħna wieħed mill-pajjiżi b’densità għolja. Madankollu, hu spjega li l-bini b’densità għolja mhux bilfors jirriżulta f’bini ogħla. Qal li jista’ anke jinbidel il-mudell li kien jintuża fis-sebgħinijiet fejn it-toroq kienu jinbnew bil-kunċett li jkollok ġnien quddiem id-dar. Qal li forsi wasal iż-żmien li ma jibqax ikun hemm il-ġnien quddiem, iżda jkun hemm ġnien komuni bejn kulħadd. Sostna li d-densità tista’ wkoll iżżidha billi tgħolli, fejn f’ċerti żoni lanqas mhi ħażina.  

    Min-naħa l-oħra, il-Professur Torpiano qal li rridu nħarsu sew lejn ċerti rħula u naraw li fadal fejn nistgħu niżviluppawhom. Semma fost l-oħrajn proġett li kien għamel mal-istudenti xi tliet snin ilu, fejn ħarsu lejn il-Marsa. Qal li l-Marsa hu raħal li qed jinbidel u filwaqt li għandu diversi problemi, min-naħa l-oħra għandu wkoll diversi vantaġġi. Fost l-oħrajn, semma li hu raħal fuq il-port, għandu postijiet storiċi u fih hemm komunit?a żgħira li minħabba ċ-ċirkostanzi qiegħda tiċkien. Qal li jista’ jkun li l-Marsa tiġi żviluppata b’mod li jkun hemm komunità akbar. Sostna li l-iżvilupp m’għandux iħares biss lejn appartamenti, iżda li joffri postijiet għan-nies li jaħdmu hemm u anke stabbilimenti edukattivi bħalma diġà hemm.  

    Għalhekk qal li trid tippjana, filwaqt li tieħu ħsieb lil min jgħix hemm diġà u titkellem miegħu. Sostna li l-komunità tal-Marsa hi ċkejkna u aktar qiegħda tiċkien. Qal li jkun dispjaċir jekk dan il-proċess ta’ ppjanar u żvilupp jibda meta jilħaq jitlaq kulħadd. Torpiano qal li l-proġett li għamel mal-istudenti wera li dan l-iżvilupp jista’ ssir u għalkemm mhix xi ħaġa faċli hi possibbli. 

    Qal li hu kien garr meta twaqqgħet il-powerstation. Filwaqt li bħala attività jħoss li kien tajjeb li twaqqfet, min-naħa l-oħra qal li l-binja kellha valur storiku u setgħet tintuża għal skopijiet oħra. Fil-fatt, hu qal li fil-proġett mal-istudenti din il-binja kienet parti miċ-ċentru tal-Marsa l-ġdida. 

    Bl-istess mod, hu qal li għandu jsir pjan dwar l-industriji li jkun hemm. Semma kif fl-antik fil-Marsa kien hemm ħafna iżjed attività u din kienet ħafna aktar maħmuġa. Qal li bil-mod inbidlu l-attivitajiet u filwaqt li qabel in-nies ma kinux jgħixu hemm għax kien hemm il-faħam u l-powerstation, illum il-Marsa tista’ tkun post sabiħ jekk titranġa u fiha jkun hemm industriji nodfa. Qal li dan jista’ jservi biex tonqos il-pressjoni minn fuq il-Ħamrun u Raħal Ġdid, filwaqt li jkun inħoloq post ġdid. 

    Torpiano qal li dan sar fl-imgħoddi, mill-Perit Duminku Mintoff meta kienet inħolqot Santa Luċija. Spjega li dan sar għax riedu jonqsu n-nies li jgħixu fil-Belt u fil-Furjana peress li kienu ppakkjati u allura l-proprjetà ma kinitx ta’ kwalità tajba. Qal li ma kinux jafu fejn se jpoġġu lin-nies u minflok xerrduhom ħolqulhom komunità. 

    Id-Dekan qal li dan sar b’ħafna ħsieb u llum hemm fejn nistgħu nagħmlu aktar minn dawn. Però, hu qal li biex dan isir ma nistgħux nibqgħu nirraġunaw li min għandu biċċa art irid jagħmilha kif irid hu. Qal li din hi diffiċli biex inniżżluha, però sostna li l-bżonnijiet tal-komunità huma bħal meta jkollok familja kbira u ma jistax ikollok wieħed mill-ulid li jiddeċiedi li jkollu kamra għalih. 

    Bl-istess mod qal li tapplika għal min ikun sid ta’ art kbira. Sostna li n-nies iridu jifhmu li l-komunità qiegħda tagħtik il-permess biex tibni. Il-gvern, permezz tal-awtorità u l-mekkaniżmu tal-ippjanar, qegħdin hemm għax is-soċjetà qiegħda tgħidlek li tatek il-permess biex tibni. Bħalma s-soċjetà tatek il-permess, tista’ wkoll ma tagħtihulekx. Għalhekk qal li ħadd m’għandu dritt instrinsiku li jagħmel li jrid bil-proprjetà tiegħu. Sostna li dan ifisser li filwaqt li ma tridx ittellef il-potenzjal li wieħed jagħmel il-flus minnha, min-naħa l-oħra hemm il-limiti għall-ġid tal-komunità. 

    Torpiano qal li din mhix kwistjoni ta’ politika partiġġjana, għax kull gvern li jieħu ħsieb in-nies tiegħu, dejjem hekk irraġuna. Qal li allaħares ma jkunx hekk u sostna li ma jistax ikun li jkollok Gvern li jieħu ħsieb biss lill-iżviluppaturi. Sostna li fil-pajjiżi kollha l-ewwel ma tiġi l-komunità, anke peress li l-vot jiġi mill-komunità u skont il-kwalità tal-ħajja li jkunu qegħdin jgħixu. 

    Ritratti u filmat: Alan Saliba

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0