“Ma nistgħux inħallu lil Għawdex iżolat” - Josef Bugeja

  • Nov 14, 2019 08:27
  • Miktub minn iNews
"

    is-Segretarju Ġenerali tal-GWU jaqbel li tingħata ġurnata off lil dawk li ma setgħux jivvjaġġaw minħabba l-maltemp

    Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja insista li jaqbel mal-mina bejn Malta u Għawdex għax ma nistgħux inħallu lil din il-gżira iżolata.

    Huwa kien qed jirreaġixxi għal dak li ġara fl-aħħar jiem fejn minħabba l-maltemp is-servizz tal-Gozo Channel bejn iż-żewġ gżejjer kellu jiġi sospiż bil-konsegwenza li persuni li nqabdu fuq il-gżira l-oħra spiċċaw ma setgħux jivvjaġġaw.

    Waqt li l-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana intervjeniet biex tgħin Għawdxin maqbuda Malta jsibu post ta' akkomodazzjni biex iqattgħu l-lejl fiha, matul il-jum tal-Erbgħa għalliema Għawdxin li jaħdmu mal-Gvern ingħataw il-jum off.

    Bugeja kien fost dawk li qablu li jingħata jum off lil dawk li spiċċaw maqbuda f'Malta jew Għawdex fuq xogħol u ma setgħux jaqsmu minħabba l-maltemp.

    Waqt li iddeskriva bħala inizjattiva tajba li l-Gvern daħal biex jgħin lil dawk milquta, Bugeja semma kif kien hemm 'employers' li taw ġurnata leave lill-impjegati affettwati.

    Huwa semma kif l-unjin għandha ftehim kollettiv ma' postijiet tax-xogħol li jaħseb għal sitwazzjoni bħal din u sostna li wara kollox ma kienx tort tal-ħaddiema li s-servizz tal-vapur bejn iż-żewġ gżejjer ma ħadimx.

    Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU żied li dak li ġara jikkonferma l-ħtieġa ta' mina bejn iż-żewġ gżejjer speċjalment jekk irridu li l-ekonomija Għawdxija tkompli tikber.

    Huwa sostna li ma jistax ikollok kumpanija li jkollha ċertu 'deadlines' x'tilħaq u ma jkollix ċertu garanzija fix-xogħol tagħha.

    Fl-istess waqt Bugeja irrikonoxxa li ħafna Għawdxin minn dawk li jaħdmu Għawdex jew li jaħdmu u jgħixu Malta huma xettiċi mentri dawk li jgħixu f'Għawdex u jaħdmu Malta iktar huma favuriha.

    Hawnhekk huwa sostna li jekk irridu nkabbru l-ekonomija Għawdxija biex ma tibqax in-nofs ta' dik ta' Malta jinħtieġ li tinbena l-mina imma żied li fl-istess waqt irridu naċċettaw li jekk se jiżdied l-investiment se tiżdied ukoll, fost oħrajn, il-popolazzjoni.

    Fl-istess ħin huwa semma li jaf għal ċertu nies, fosthom dawk li jgħixu fin-naħa ta' fuq ta' Malta bħall-Mellieħa, ikun aktar jaqblilhom li jivvjaġġaw lejn Għawdex milli lejn in-naħa t'isfel tal-pajjiż bħal Ħal Far.

    Bugeja fakkar ukoll li waqt li f'Malta nikkalkulaw kemm se nieħdu ħin biex immorru minn post għal ieħor l-Għawdxin li jeħtieġu jiġu Malta jridu qabel jieħdu konsiderazzjoni tal-ħinijiet li fihom jitlaq il-vapur.

    "Daqt sejħa internazzjonali għall-bina tal-mina"

    Fost dawk li ikkummentaw dwar jekk għandix issir mina bejn Malta u Għawdex ħalli ma jerġax jiġri dak li ġara fl-aħħar jiem kien hemm il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg.

    Huwa iddikjara li fil-ġimgħat li ġejjin Infrastruttura Malta se toħroġ is-sejħa internazzjonali għal dawk interessati li jibnu u joperaw il-mina.

    Borg għadda dan il-kumment fl-isfond ta' dawk li d-deputat Nazzjonalista Chris Said beda jtella fuq il-profil tiegħu ta' Facebook.

    Id-deputat min-Nadur tella filmat tal-maltemp u rrimarka li dan huwa dak li jridu jiffaċċjaw l-Għawdxin f'ġurnata xitwija bħal din.

    Said appella lill-Ministru Borg biex ma jagħmilx ballun politiku minn dak li  huwa iddeskriva bħala “proġett li tant hu importanti għall-futur ta' Għawdex u l-Għawdxin”.

    Waqt li appellalu wkoll biex jippubblika l-istudji kollha malli jitlestew, id-deputat Għawdxi sostna li l-PN kien diġa jaqbel mal-mina fl-2010 u nsista li dan jista' jagħmel differenza kbira għall-aħjar fil-ħajja tal-Għawdxin.

    Said irrimarka li jekk il-Ministru Borg jagħmel dak li hu obbligu tiegħu ħafna aktar nies jagħrfu kemm dan il-proġett huwa importanti għall-futur tal-gżira.

    Huwa wkoll appella lill-Gvern biex jagħti ġurnata off lil dawk l-Għawdxin li nqabdu Malta u jaħdmu miegħu u ħeġġu biex jikkumpensa lill-privat li jagħti jum off lill-ħaddiema tiegħu għall-istess raġuni kif ukoll stieden lill-unjins iħeġġu lill-Gvern jattwa din il-proposta.

     

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0