[FILMAT] Bżonn ta’ pieni eħrex għal min jattakka l-pulizija - Il-President il-ġdid tal-POU-GWU, l-RSM Raymond Zammit

  • Nov 07, 2019 16:25
  • Miktub minn Claudio Coleiro
"

    Il-President il-ġdid tal-Police Officers’ Union fi ħdan il-General Workers’ Union, l-RSM Raymond Zammit saħaq fuq il-ħtieġa li jkun hemm pieni eħrex għal min jattakka lill-pulizija u li s-sentenzi li jingħataw mill-Qrati għandhom iservu bħala deterrent biex persuna ma twettaqx reati simili.

    Is-Sur Zammit qal dan f’intervista li saritlu minn dan is-sit ftit jiem biss wara li kien maħtur f’din il-kariga u wara li kien iffurmat il-kumitat il-ġdid tal-POU-GWU. 

    Huwa ddeskriva bħala inkwetanti l-istatistika ppreżentata fil-Parlament li turi kif kważi f’seba’ snin kien hemm aktar minn 500 attakk fuq il-pulizija. Waqt li hemm diversi każijiet sub-judice, oħrajn ingħataw sentenzi ta’ ħabs effettivi u sospiżi, multi, ċanfira jew xogħol fil-komunità.

    “Din l-istatistika hija inkwetanti. Inti ma tistax taqra l-moħħ tal-persuna li tkun se tattakka lill-pulizija. Illum tħallatna. Mhu qed ngħid xejn kontra l-barranin. Pero’ għandu jkun hemm pieni eħrex għal min jattakka l-pulizija u s-sentenzi li jingħataw għandhom ikunu ta’ deterrent biex persuna ma tikkommettix reati simili. Il-body cameras waslu wkoll u huma importanti,” qalilna s-Sur Zammit, li ilu 43 sena fil-Korp tal-Pulizija u kien wieħed mill-fundaturi tal-POU flimkien mal-eks President l-Ispettur Sandro Camilleri u s-Sur Theo Vella.

    Mistoqsi għalfejn jara l-ħtieġa li jkun hemm għaqda trejdunjonistika bħall-POU li tħares id-drittijiet tal-pulizija u l-ħidma tagħhom, huwa qal li: “bilfors għandu jkun hemm din l-għaqda. Irid ikun hemm xi ħadd li jiddefendihom u l-POU hi waħda mill-unions li tiddefendi lill-pulizija b’dan il-mod.” 

    Huwa qal li l-ħidma tal-POU mhix biss li tiddefendi l-pulizija, imma wkoll li tiġġieled għad-drittijiet tagħhom f’dak li jirrigwardja żidiet u li tħares il-ġid u l-benesseri tal-membri tagħha. “Qabel twaqqfet l-għaqda kien hemm assoċjazzjoni. Ma kellniex min jaqbeż għaż-żgħir. Illum hawn l-unjin li taqbeż għaż-żgħir.”

    Is-Sur Zammit kompla jgħid li, “bħala union nixtieq li nkunu magħqudin mal-Malta Police Association (MPA) u flimkien inkunu nistgħu niġġieldu għad-drittijiet tal-membri rispettivi tagħna.”

    Qal ukoll li: “il-pensjoni kif inhi llum, meta pulizija jkun għamel 25 sena servizz, jibqa’ jeħodha hu sakemm jibqa’ ħaj. Naħseb li wasal iż-żmien li l-pensjoni tal-pulizija, f’każ ta’ mewt, din tmur fuq il-mara jew ir-raġel. Dik waħda mill-prijoritajiet li għandna nitkellmu fuqha bħala union anke mal-Prim Ministru.” 

    Mitlub jikkummenta dwar il-kummenti ta’ mibegħda fuq il-midja soċjali, b’mod partikolari fuq Facebook, huwa qal li min jikteb dawn il-kummenti ma jkunx jaf li jed jikser il-liġi u li l-mibegħda mhi tajba qatt. “Għandhom joqogħdu attenti x’jiktbu għax illum hemm il-liġi.”

    Dwar ir-rondi li jsiru mill-pulizija huwa qal li dawn huma importanti ħafna fid-dawl tal-fatt li żdied sew ix-xogħol għall-pulizija. Mill-banda l-oħra, f’dak li jirrigwardja l-proġett tal-community policing, li beda fil-lokalità tal-Mellieħa, il-President tal-POU-GWU qal li, “naħseb li dan kien suċċess u għandu jitkompla f’irħula oħra.”

    Fl-aħħar nett staqsejnih dwar x’inhi il-viżjoni tal-istess union, bis-Sur Zammit jgħid: “li nimxu ‘l quddiem anke mal-MPA. Diġa’ ltqajt mal-President tagħhom u tkellimna dwar x’għandu jsir. Li nkunu magħqudin magħhom biex inkunu nistgħu nġibu l-ewwel l-interess tal-pulizija.”

    Min hu Raymond Zammit? 

    Ħa l-ġurament tal-ħatra fil-Korp tal-Pulizija nhar il-21 ta’ Frar 1976. Wara xi tliet ġimgħat ġewwa d-Depot, kien ġie trasferit l-Għassa ta’ Tas-Sliema, dak iż-żmien magħrufa bħala l-Happy Station, ma ‘ grupp ta’ sebgħa oħra. 

    Wara xi xhur kien ġie trasferit għas-CID bħala xufier, fejn ħadem fost oħrajn mal-eks Kummissarji Calleja, Grech u Rizzo u mal-iSpeaker tal-Parlament Dr Anġlu  Farrugia.

    Fi Frar tal-1980 ġie promoss għar-rank ta’ Surġent fejn ġie trasferit fis-sezzjoni tal-Immigrazzjoni u iżjed tard ġewwa l-Fraud squad. Huwa mbagħad reġa’ ġie trasferit fis-sezzjoni tal-Immigrazzjoni. 

    Fis-sena 1981, ġiet iffurmata r-Riot Squad u sab ruħu fiha. Iżjed tard din l-iskwadra saret l-iSpecial Mobile Unit (SMU). Minn hemmhekk, fis-sena 1986 ġie trasferit ġewwa l-għassa ta’ Ħal Qormi fejn hemmhekk għalkemm kien għal qalbu, minħabba raġunijiet personali kellu jirreżenja.

    Fis-sena 1991, reġa’ daħal lura fil-Korp u fis-sena 2006 ġie promoss għar-rank ta’ Surġent Maġġur tat-tieni klassi inkarigat mis-6PD u għal xi żmien anke 6A PD. Filwaqt li fis-sena 2013 ġie promoss għar-rank ta’ Surġent Maġġur tal-ewwel klassi (RSM), kariga li għadu jokkupa sal-lum.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0