L-MGA tassigura andament normali fis-settur tal-iGaming

  • Ott 19, 2019 19:33
  • Miktub minn Melvin Farrugia
"

    L-aħħar rapporti juru li hemm aktar minn 700 post tax-xogħol vakant…

    Minkejja li fl-aħħar ġimgħat kien hemm numru ta’ kumpaniji fis-settur tal-gaming li naqqsu mill-ħaddiema tagħhom, l-Awtorità Maltija tal-Logħob (Malta Gaming Authority) stqarret ma’ IT-TORĊA li f’industrija li tħaddem mal-10,000 persuna, hu normali li bħalma jkun hemm kumpaniji li jżidu numru sostanzjali ta’ nies, hekk ukoll ikun hemm oħrajn li jnaqqsuhom minħabba raġunijiet differenti. 

    Fit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet ta’ IT-TORĊA, l-MGA qalet li għalkemm hi tinsab informata li kien hemm xi ftit kumpaniji li waqqfu xi ħaddiema, dan ma jirriżultax li sar neċessarjament biex dawn jiġu rilokati f’pajjiżi oħra. Spjegat li bħala industrija, il-qasam tal-gaming għandu numru kbir ta’ operaturi f’Malta, kif ukoll numru kbir ta’ kumpaniji li joffrulhom servizzi diretti u indiretti. 

    Il-kelliema tal-MGA spjegaw li f’din l-industrija jaħdmu b’kollox aktar minn 10,000 persuna u għalhekk hu normali li bħalma jkun hawn kumpaniji li jżidu n-nies b’numru sostanzjali, oħrajn inaqqsuhom u dan minħabba raġunijiet varji. Fost l-oħrajn, semmew il-possibbiltà li kumpanija tkun xtrat l-assi ta’ kumpanija oħra u għalhekk tispiċċa b’aktar ħaddiema milli jkollha bżonn. Raġunijiet oħra jistgħu jinkludu wkoll bidla fil-prodott jew inkella fis-swieq barra minn xtutna li fihom jaħdmu l-kumpaniji. 

    Madankollu, l-MGA qalet li dawn huma affarijiet normali li jseħħu f’kull industrija. Fil-fatt, spjegat kif mill-aħħar rapporti kkummissjonati, jirriżula li f’din l-industrija hemm aktar minn 700 post tax-xogħol vakanti. 

    Mistoqsijin dwar iż-żieda fir-regolamenti fis-swieq tal-gaming madwar id-dinja, il-kelliema qalulna li din iż-żieda tfisser li l-kumpaniji internazzjonali bbażati f’Malta għandhom ċerti sfidi. Madankollu, spjegaw li dan m’għandux x’jaqsam mal-liġi lokali, iżda jirrifletti l-iżviluppi internazzjonali f’dan il-qasam. 

    Dwar dan l-MGA qalet li l-prijorità tagħha bħala regolatur hi li jiġi żgurat li l-operaturi bbażati f’Malta jibqgħu konformi mal-liġi. Il-kelliema spjegaw li l-mod li bih il-liġi l-ġdida, li ġiet ippromulgata f’Awwissu tal-2018, hi ddisinjata, tiżgura li l-operaturi lokali jkunu suġġetti għal standard internazzjonali ta’ regolamentazzjoni u għaldaqstant tgħin lill-operaturi bbażati f’Malta biex jużaw lil pajjiżna bħala ġurisdizzjoni tal-istabbiliment prinċipali li jgħinhom jagħmlu n-negozju tagħhom madwar id-dinja. 

    Rigward dawk il-kumpaniji li ddeċidew li jċedu l-liċenzja tagħhom f’Malta, IT-TORĊA staqsiet x’inhi r-raġuni għal dan u anke jekk hux forsi li m’għadniex daqstant attraenti. Min-naħa tagħha, l-MGA qalet li mhu xejn minn dan. Spjegat li kull sena jkun hemm numru ta’ kumpaniji li jċedu l-liċenzja tagħhom, filwaqt li numru ta’ kumpaniji oħra li jiksbu liċenzja ġdida mill-MGA. Semmiet li bħalissa hawn 285 kumpanija li għandha l-liċenzja tal-MGA, kif ukoll numru kbir ta’ kumpaniji oħra li qegħdin japplikaw għal liċenzja ġdida. 

    Rigward il-kwistjoni tal-kumpanija Multilotto, li fl-aħħar ġimgħat ċediet il-liċenzja tagħha, il-kelliema tal-MGA qalu li bħala regolatur l-MGA ma tidħolx fil-mertu tad-deċiżjonijiet kummerċjali li jkunu ħadu l-operaturi. 

    Fl-aħħar ġimgħat, il-Multilotto ħabbret li kienet se twaqqaf għaxar ħaddiema li huma bbażati f’Malta. Dawn jammontaw għal nofs il-ħaddiema tal-kumpanija f’Malta. Min-naħa tagħha, il-kumpanija qalet li għamlet dan għax ċediet il-liċenzja tal-MGA u tal-UKGC. Jidher li kien hemm min esprima xokk għal din id-deċiżjoni, peress li ħadd ma kien qed jistenniha. Min-naħa tal-kumpanija ġie rrapportat li qalet li għaddejja bi proċess ta’ ristrutturar u minħabba f’hekk qegħdin jitnaqqsu l-ħaddiema. 

    Barra l-Multilotto, kien hemm anke kumpaniji oħra li ħadu passi simili. Fosthom kien hemm Stars Group li waqqfu xi ħaddiema f’Malta wara li waqqfu xi ħaddiema anke f’Isle of Man. Is-sidien ta’ Poker Stars qalu li waqqfu mal-50 ħaddiem b’kollox, minkejja li għamluha ċara li jridu jżommu preżenza f’Malta. Huma qalu li r-raġuni għal dan it-twaqqif ta’ ħaddiema hu dovut għall-mod kif l-industrija qiegħda tevolvi. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0