“Jew tiġġieled biex tgħix jew tegħreq” - Mara bi problemi ta’ saħħa mentali minn ċkunita taqsam l-esperjenzi tagħha

  • Ott 19, 2019 12:37
  • Miktub minn Carmen Cachia
"

    “Inbati bl-attakki tal-paniku, ansjetà u n-nies kienu jgħajjruni miġnuna għax kont irrid kollox f’postu minħabba l-Obsessive Compulsive Disorder (OCD). L-ewwel sfida li kelli niffaċċja kienet dik li naċċetta lili nnifsi talli jien u li nsir inħobb lili nnifsi. Għandek żewġ għażliet - tista’ jew issir persuna aktar b’saħħitek u tkompli bil-vjaġġ tal-ħajja fuq din l-art, jew inkella tgħereq.” Dan huwa l-kliem ta’ mara, li għall-finijiet ta’ anonimità se nirreferu għaliha bħala Stephanie, li qasmet l-esperjenza tagħha fil-konferenza ‘Mental Health and Community Inclusion’, dwar l-isfidi u l-problemi li kellha tiffaċċja minħabba mard mentali.

    L-għan prinċipali ta’ din il-konferenza kien li jitwassal għarfien dwar il-kura tas-saħħa fil-komunità li hija kruċjali biex persuni b’diffikultajiet ta’ saħħa mentali jkunu inklużi u jibqgħu integrati fil-komunitajiet tagħna. L-Istrateġija Mentali 2020-2030, li ġiet imnedija f’Lulju li għadda, toffri pjan għall-iżvilupp tas-servizzi tas-saħħa mentali fejn wieħed mill-aktar pilastri importanti f’din l-istrateġija hija proprju l-kura fil-komunità. Is-saħħa mentali hija essenzjali biex ikollna kwalità ta’ ħajja tajba u biex inħossuna magħna nfusna. F’Malta għandna diversi servizzi fil-komunità fosthom ċentri u hostles. Wieħed minnhom hu f’Raħal Ġdid li fih Stephanie sabet ħafna għajnuna għall-problemi tas-saħħa mentali tagħha.

    Stephanie rrakkontat kif f’ħajjitha għaddiet minn ħafna tbatija u ila ssofri bil-problemi ta’ saħħa mentali minn età tenera għax hi kundizzjoni hija ġenetika. Barra dawn l-isfidi hija ta’ kuljum issofri minn uġigħ fiżiku minħabba li tbati bl-artrite. Hija, iżda, tgħid li minkejja l-problemi kbar tagħha baqgħet tiġġieled biex tgħix ħajjitha u tisħaq li l-fidi u t-tama huma importanti ferm biex wieħed jirbaħ il-battalja kontra l-mard mentali.

    Il-mara qalet li l-għażla li wieħed jiġġieled u jirbaħ il-kundizzjoni tiegħu hi f’idejh stess għax, “l-ebda professjonist ma jgħix ħajtek u trid tiffaċċja l-isfidi tiegħek. Jgħinu ħafna u fil-fatt jien sibt ħafna għajnuna mill-Haven ta’ Raħal Ġdid. Huwa tajjeb li tfittex l-għajnuna minn persuni li jistgħu jgħinuk u jifhmuk, iżda ma jistgħux ikunu miegħek il-ħin kollu”. 

    Stephanie tgħix waħidha u hija temmen li ħafna drabi, anke minħabba l-esperjenza tagħha stess, l-ansjetà, id-dipressjoni u l-attakki ta’ paniku fost l-oħrajn jirriżultaw minħabba jew trawma, biża’ jew inkella rabja. Hija qalet li hemm tendenza li nibqgħu niggranfaw mal-biżgħat tagħna u ta’ kuljum nibqgħu newdnu fuq l-istess problema bil-konsegwenza li jkun hemm mard kemm fil-ġisem kif ukoll fil-moħħ.

    “L-istess jiġri f’każi ta’ rabja lejn il-ħajja jew lejn persuni, jew inkella minħabba xi sitwazzjoni. Wara jkun hemm il-mibgħeda bil-konsegwenza li tibda tobgħod il-ħajja, lin-nies u lilek innifsek. Huwa proprju hawn li titlef moħħok u ruħek,” spjegat il-mara. Hija temmen li huwa tajjeb li wieħed ikollu ħsibijiet pożittivi u li jkollu l-ħolm tiegħu kif ukoll li jibża’ għax fl-aħħar mill-aħħar kulħadd uman, iżda twissi li wara wieħed irid ikompli b’ħajtu u jieħu tagħlima fis-sitwazzjonijiet li jgħaddi minnhom.

    “Ċerti affarijiet ma tistax tikkontrollahom. Għalxejn toqgħod tewden fuqhom. Itlaq kollox warajk,” saħqet Stephanie. Hija qalet li veru li dan mhux dejjem faċli iżda temmen li mit-tbatija persuna toħroġ aktar b’saħħitha u li dawn huma l-isfidi tagħna. Il-mara qalet li huwa importanti li persuna tagħmel kuraġġ biex tkompli tiġġieled u li meta l-problemi jkunu se jirkbuna tajjeb li wieħed jiftakar li kollox jgħaddi. Għalhekk f’dawk il-mumenti iebsa persuna għandha tipprova dderri billi taqra xi ktieb, tara xi film jew inkella tisma’ ftit tal-mużika.

    “Sibu gruppi fuq il-Facebook fejn uħud minnhom tista’ titgħallem ħafna u anke tista’ tgħin lil ħaddieħor ukoll mill-esperjenza tiegħek billi tikteb dwar il-problemi u kif solvejthom,” qalet Stephanie. Il-mara temmen li l-mard mentali trid tiġġilidlu u li l-affarijiet fil-ħajja jiġru għal raġuni - dik li ssir aktar b’saħħtek. Hija żiedet tgħid li, “li nkunu umani jfisser li nbatu, nidħku u jkollna l-isfidi”.

    Hija rrakkontat esperjenza iebsa ferm li kellha meta l-qattus għażiż tagħha marad u minħabba problemi finanzjarji li kellha tiffaċċja għall-kura tiegħu beda jkollha attakki ta’ paniku. Barra l-weġgħa li kienet qiegħda tħoss hija u tara lill-qattus tagħha jsofri, Stephanie kellha ħafna ġiri u bdiet tibża’ li se jmutilha. Il-mara qalet li talbet ħafna għal soluzzjoni u rriżulta li s-soluzzjoni aħħarija kellha tkun li jaħrabilha l-qattus, ħaġa li qasmitilha qalba iżda tgħallmet li hekk kellu jkun u aċċettaha.

    Stephanie hi mara b’fidi kbira f’Alla u temmen il-pjan Tiegħu li fl-aħħar mill-aħħar dejjem ikun għall-ġid tagħna. Hija tinkoraġġixi lill-persuni li jinsabu f’diffikultajiet biex jippruvaw jgħixu ħajjithom bl-isfidi kollha li din toffrilhom. “Xi drabi se tibku, drabi oħra tkunu tridu toqogħdu waħidkom u xi kultant ikollkom bżonn tistrieħu. Imma dan minħabba li aħna umani u mhux għax aħna morda. Anke persuni b’karattri b’saħħithom u sodi jagħmlu dawn l-affarijiet,” spjegat il-mara.

    Hija qalet li l-aħħar stadju ta’ fejqan hu li naqsmu l-esperjenzi tagħna biex ngħinu lil ħaddieħor u l-messaġġ tagħha hu, “żommu ‘l bogħod mill-persuni negattivi li jwaqqgħulkom il-moral. Żommu l-fidi, it-tama u itolbu, irrelevanti mit-tip ta’ reliġjon li tħaddnu. Komplu ħobbu u minkejja li xi drabi tħossukom bla kontroll, l-importanti hu li filgħodu tqumu u tkomplu b’ħajjtkom.

     

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0