Is-Sindku Belti fost dawk favur li t-Teatru Rjal jissaqqaf

  • Ott 16, 2019 09:38
  • Miktub minn iNews
"

    Anke ċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Jason Micallef u dak tal-Kunsill Malti għall-Arti u l-Kultura Albert Marshall jaqblu ma' dan il-pass

    Għalkemm il-konsultazzjoni dwar jekk it-Teatru Rjal għandux jissaqqaf jew le bosta huma dawk li diġa ħarġu favur dan il-pass.

    Dan is-sit ħa r-reazjoni tas-Sindku tal-Belt Valletta Alfred Zammit, iċ-Ċermen tal-Aġenzjija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef u ċ-Ċermen tal-Kunsill Malti għall-Arti u l-Kultura Albert Marshall dwar x'jaħsbu bit-tlieta li huma jaqblu li għandu jsir xi tip ta' saqaf.

    Zammit qalilna li bħala sindku tal-belt kapitali l-interess tiegħu huwa r-residenti fl-inħawi.

    “Naturalment naqbel li għandu jiġi msaqqaf pero importanti bħala belt kapitali li nipproteġu l-wirt storiku u l-estetika biex id-daħla tal-Belt iżżomm il-prestiġju tagħha”.

    Is-Sindku Belt żied ukoll li l-proġett għandu jsir f'dak li huwa sejjaħ “l-ispirtu tal-viżjoni oriġinali ta' Renzo Piano”.

    Min-naħa tiegħu, Micallef sostna li meta tqis it-talbiet biex isiru xogħlijiet artistiċi fil-Belt u n-nuqqas ta' spazju, inkluż fit-teatru stess, huwa jaqbel li s-sit għandu jissaqqaf.

    Fl-istess waqt għamilha ċara li ma jaqbilx li t-Teatru Rjal għandu jerġa' jinbena kif kien oriġinarjament u kif iriduh ħafna imma jista' jsir b'tip ta' soqfa kif isiru barra fosthom tal-ħġieġ waqt li jinżammu l-partijiet l-antiki.

    Micallef żied li l-kwistjoni kollha hija jekk irridux li t-Teatru Rjal ikun disponibbli għall-erba' staġuni jew għar-rebbiegħa u s-sajf biss u nsista li la hemm domanda tul is-sena kollha saqaf ikun ideali.

    Marshall qalilna li huwa jaqbel li t-Teatru Rjal għandu jissaqqaf għal żewġ raġunijiet: waħda għax ikun jista' jintuża s-sena kollha u b'hekk jiġġenera sostenibilita finanzjarja u għax ikun jista' jikber il-kalendarju kulturali li jkun jista' akkomodat fl-ispazju tas-sit.

    “Nara wkoll li jekk jissaqqaf jittaffew darba għal dejjem l-ilmenti minħabba tniġġis tal-ħoss li dan qed ikun ta' skumdita għall-ġirien. Inklużi lmenti mill-Parlament”.

    Waqt li sostna li wieħed irid jikkunsidra l-lat finanzjarju u estetiku, Marshall għamilha ċara li jkun żball jekk jerġa' jinbena fuq il-pjanti ta' Barry għax trid tikkunsidra n-nefqa konsiderevoli biex isir dan u jaf ma jkunx hemm spazju biżżejjed biex jakkomoda l-arti performattiva li tinħtieġ illum.

    L-istorja tat-Teatru Rjal

    It-Teatru Rjal oriġinali kien iddisinjat mill-artikett Ingliż Edward Middleton Barry u beda jinbena fl-1862.

    Ix-xogħol dam erba' snin u meta kien inawgurat fl-1866 kien jesa 1,095 persuna bilqiegħda u 200 bilwieqfa.

    Fl-1873 il-parti nterna kienet inħakmet min-nirien għalkemm il-qoxra ta' barra ma ġralha ebda ħsara.

    It-Teatru Rjal ġie restawrat fl-1877 imma 65 sena wara, jiġifieri fl-1942, sofra l-ikbar ħsara fl-istorja tiegħu meta ntlaqat minn bombi mitfugħa mill-ajruplani Ġermaniżi.

    Fis-snin 50 twaqqgħu partijiet li kienu meqjusa bħala ta' periklu u għal diversi snin is-sit baqa' abbandunat u anke spiċċa ntuża bħala maħżen u anke parkeġġ.

    Għalkemm minn żmien għal żmien kien hemm pjani biex jerġa' jinbena, kien fl-2006 li l-gvern tal-ġurnata ħabbar li t-Teatru Rjal kien se jiġi rranġat.

    Kien sentejn wara li taħt l-Prim Ministru Lawrence Gonzi ġie deċiż li jitqabbad l-arkitett Taljan Renzo Piano biex jirranġa d-daħla ta' Bieb il-Belt.

    Għalkemm għall-ewwel kien hemm ċertu xettiċiżmu dwar id-disinn ta' Piano kienu bosta dawk li fl-aħħar aċċettaw il-binja tal-Parlament.

    Mhux l-istess fir-rigward tat-Teatru Rjal fejn huma ħafna li sal-lum għadhom ma jistgħux jaċċettaw li dan huwa bla saqaf u bosta jiddeskrivuh bħala sit li d-dehra tiegħu tagħti l-impressjoni li x-xogħol għadu għaddej.

    Ix-xewqa ta' ħafna li s-sit jissaqqaf tidher li se tinqata' hekk kif il-Gvern jidher inklinat li jimxi f'din it-triq għalkemm l-ewwel se ssir il-konsultazzjoni pubblika biex jara kif jaħsibha l-poplu.

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0