“Il-komunità internazzjonali kompliċi fil-krimini Torok fuq il-Kurdi”

  • Ott 13, 2019 16:20
  • Miktub minn iNews
"

    “Nemmen li l-komunità internazzjonali hi kompliċi f’dawn il-krimini. Kemm jekk jinvolvu bejgħ ta’ armi lit-Turkija, kif ukoll bis-silenzju tagħhom jew l-inabbiltà li jieħdu azzjoni issa meta n-nies qed imutu”.  Dan iddikjaratu magħna Hawzhin Azeez, akkademika Kurda fil-qasam tax-xjenza politika u r-relazzjonijiet internazzjonali. 

    Hi tkellmet magħna wara li bdiet l-aggressjoni u l-invażjoni mit-Turkija. L-invazjoni waslet wara li l-President Amerikan Donald Trump saħaq li l-Istati Uniti kienet se tirtira t-truppi tagħha mill-pożizzjonijiet viċin il-fruntiera u abbandunaw lill-ġellieda Kurdi Sirjani li kienu alleati tagħhom fil-ġlieda kontra l-Istat Iżlamiku (ISIS). L-Unjoni Ewropea u diversi pajjiżi ikkundannaw l-aggressjoni Torka. L-Unjoni Ewropea għamlitha ċara li mhux lesta tiffinanzja ‘żoni siguri’ fis-Sirja, b’konsegwenza tal-attakki mit-Turkija.

     

    Hawzhin Azeez, enfasizzat li “nemmen li din il-mossa mill-amministrazzjoni ta’ Trump hi ovvjament  żball strateġiku kbir. Il-mod kif aġixxa mhux biss se jkun qed ipoġġi lill-organizazzjoni tal-Istat Iżlamiku f’pożizzjoni aħjar biex terġa’ tqum fuq saqajha, xi ħaġa li diġa qed narawha hekk kif diversi ċelloli ta’ din l-organizazzjoni li kienu reqdin reġgħu ħadu l-ħajja fil-belt ta’ Raqqa, Kanya u Tel Abyad.  Din il-mossa ta’ Trump se tkun qed twassal li din l-invażjoni li ilha ippjanata, isseħħ fuq iż-żoni tal-Kurdi, xi ħaġa li se twassal għal telf ta’ ħajjiet u anke għal persuni ċivili li se jkollhom jaħarbu minn fejn jgħixu.  Sfortunatament diġa rajna dan iseħħ f’Afrin, fejn kien hemm qtil tal-massa, ħtif, torturi, massakri u għadd kbir ta’ nies kellhom jaħarbu. Rajna lil Yazidis u Kristjani maqtulin sempliċiment għax ma ridux jikkonvertu għal Iżlam.  In-nies ta’ Rojava kienu mhedda mit-Turkija sa mill-bidu tal-kunflitt.  It-traġedja hi li l-Istati Uniti rat il-massakri tal-Kurdi u minoritajiet oħra u m’għamlet xejn. Nemmen li l-komunità internazzjonali hi kompliċi f’dawn il-krimini. Kemm jekk jinvolvu bejgħ ta’ armi lit-Turkija, kif ukoll bis-silenzju tagħhom jew l-inabbiltà li jieħdu azzjoni issa meta n-nies qed imutu”.

    Saħqet li “l-uniku mod kif jiġu protetti iċ-ċittadini Kurdi fil-mument hu billi jkun hemm żona bla titjir fuq iż-żona Rojava, bħal ma kien il-każ fis-sena 1991 fin-nofsinhar tal-Kurdistan u fit-Tramuntana tal-Iraq.   Billi jiġi żgurat li tkun implementata żona bla titjir, il-Kurdi ikunu protetti  minn attakki kontinwi mill-ajru mit-Turkija. Dan iwassal biex it-Turkija ikollha tagħmel offensiva mill-art, fejn sa issa jidher mill-attakki li saru fuq Afrin li l-forzi Kurdi huma ħafna aktar effettivi, sakemm it-Torok temmew ir-reżistenza billi attakkaw skejjel, sptarijiet u l-provvisti tal-ilma u l-elettriku flimkien ma’ infrastruttura oħra. Żona bla titjir tibgħat messaġġ ċar ħafna lill-komunità internazzjonali, u li tista’ twassal biex tieqaf l-aggressjoni Torka.  Irridu niftakru li l-Kurdi f’Rojava qatt ma kienu ta’ theddida għat-Turkija.  It-Turkija kienet bniet ħajt ta 800 kilometru biex iżżomm refuġjati u persuni ċivili milli jaqsmu lejn it-Turkija. Infakkar li din l-aħħar aggressjoni mit-Turkija qed issir meta ma’ kien hemm ħadd minn naħa tal-Kurdi li għamel xi aggressjoni”.

    Min huma l-Kurdi?

    Il-Kurdi huma nies li jgħixu fiż-żoni muntanjużi li hemm mal-fruntiera tat-Turkija, l-Iraq, is-Sirja, l-Iran u l-Armenja. Huma jiffurmaw ir-raba’ l-akbar grupp etniku fil-Lvant Nofsani. Illum huma jiffurmaw komunità magħquda, allavolja għandhom reliġjonijiet differenti. Fis-seklu għoxrin kien hemm movimenti biex huma isiru nazzjon. Wara l-ewwel gwerra u t-telfa li ġarrab l-imperu Ottoman, l-alleati tal-punent kien għamlu proviżjoni għal Stat Kurd.  Dan kien sar fit-Trattat ta’ Sevres fis-sena 1920. Dawn it-tamiet imma sfumaw fix-xejn meta tlett snin wara fit-Trattat ta’ Lausanne, li ffissa l-fruntiera Torka, ma daħħal ebda proviżjon għal Stat Kurd u b’hekk dawn dawn baqgħu bl-istatus ta’ minorità fil-pajjiżi li kienu qed jgħixu fihom. Fit-80 sena ta’ wara kull tentattiv għal Stat indipendenti ġew imwarrrbin.

    Il-Kurdi fil-kunflitt Sirjan kienu spiċċaw jiġġieldu lis-suldati tal-Istat Iżlamiku wara li dawn kien tefgħu għajnehom fuq tlett ibliet Kurdi  fosthom Kobane.  Il-Kurdi offrew reżistenza kbira. L-Istati Uniti għenet lill-Kurdi b’attakki mill-ajru u li finalment waslu biex il-Kurdi reġgħu ħadu kontroll ta’ dawn l-ibliet. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0