Ezio Bosso jħabbar li ma jistax jibqa’ jdoqq il-pjanu

  • Set 28, 2019 16:13
  • Miktub minn Melvin Farrugia
"

    Il-pjanist, kompożitur u direttur tal-orkestra, Ezio Bosso, li ftit taż-żmien ilu kien anke ta esibizzjoni f’pajjiżna, ħabbar li ma jistax ikompli jdoqq il-pjanu hekk kif minħabba l-marda li ħakmitu għandu żewġt iswaba’ li mhumiex jaħdmulu sew. 

    Ħafna jkunu dawk li meta jarawh jidderieġi l-orkestra jitolbuh ukoll biex idoqq il-pjanu. Fil-fatt, anke fl-esibizzjoni tiegħu fit-Teatru Giordano ta’ Foggia qam entużjażmu kbir hekk kif kien qiegħed jidderieġi l-Orkestra Filarmonika Europe waqt is-sinfoniji “L’Italiana” ta’ Mendelssohn u s-Seba’ Sinfonija ta’ Beethoven. In-nies bdew iħeġġuh biex idoqq u għalhekk ħabbar pubblikament li jekk in-nies vera jħobbuh, allura għandhom jieqfu jitolbuh għax vera ma jistax.  

    Bosso spjega li fost l-effetti li qiegħda tħalli fuqu l-kundizzjoni li laqtitu, issa żdiedu wkoll żewġt iswaba’ li mhumiex qegħdin jaħdmulu sew. Għaldaqstant, hu qal li jekk ma jistax l-aqwa tiegħu fuq il-pjanu, allura l-aħjar li ma jibqax jipprova. 

    Fuq il-midja soċjali wkoll tkellem dwar dan u talab biex ħadd ma joqgħod jitħassru. Spjega li kulma qal hu li ma jistax jagħmel aktar kunċerti waħdu fuq il-pjanu għax inkella żgur li ma jmurx tajjeb. Madankollu, għamilha ċara li se jkompli jagħmel mużika u aktar tajba minn ta’ qabel. Għamilha ċara li mhux se jkun qed jirtira. 

    Dan kollu kien ilu mistenni hekk kif fl-aħħar snin Bosso kien anke ddeċieda li ma jagħmilx aktar kunċerti bħala solist. Jidher li kien qed ikollu ħafna uġigħ fil-ġogi, minħabba l-kundizzjoni newroveġetattiva li ilu jsofri minnha mill-2011. Biex jirnexxielu jdoqq, kien qed juża faxex taħt il-ponot ta’ subgħajh u kien qed idoqq fuq pjanu Steinway bin-noti mħaffin ħalli ma jagħmilx daqstant pressjoni b’subgħajh. Iżda issa jidher li dan kollu mhux biżżejjed u għalhekk diffiċilment narawh jerġa’ jdoqq fuq dak il-pjanu. 

    Filwaqt li għas-segwaċi tiegħu, din hi aħbar kerha ħafna, jidher li mhux l-istess għal Ezio Bosso nnifsu. Hu sostna li dejjem ikkonsidra lilu nnifsu li sar pjanist b’kumbinazzjoni u l-vokazzjoni tiegħu hu li jidderieġi u li jikteb il-mużika. Għalhekk matul dawn l-aħħar snin qed jiddedika aktar ħin għad-direzzjoni tal-mużika ta’ awturi ċelebri bħal Beethoven, Schubert, Bach u Mendelssohn. 

    Fit-13 ta’ Settembru, Ezio Bosso għalaq 48 sena u għalih din hi l-bidu tat-tieni ħajja, iddedikata kompletament għall-orkestra li stqarr li bena ċerta rabta u kompliċità magħha. Qal li hu ma jħossux direttur dittatur u li l-mużika trid tinħoloq b’mod kollettiv billi jipparteċipa fiha kulħadd. Sostna li min jidderieġi qiegħed hemm biex jgħin lil ħaddieħor idoqq aħjar. 

    Ezio Bosso jgħid li biex tagħmel dan ix-xogħol irid ikollok il-passjoni u d-dedikazzjoni. Jgħid li trid tissuġġerixxi kif għandha tiġi interpretata l-mużika, mingħajr ma timponiha. Din il-lezzjoni jgħid li tgħallimha mingħand il-maestro Abbado li kien jidderiġieh meta kien idoqq il-kuntrabaxxa maċ-Chamber Orchestra tal-Ewropa. 

    Dan il-maestro m’għallmux biss kif jinterpreta l-mużika, iżda anke kif jiffaċċja l-marda li ħakmitu. Jgħid li l-mużika tgħin biex immorru lil hinn mit-tbatija u nkunu aktar konxji minna nfusna u mid-dimensjoni spiritwali tal-ħajja. 

    Barra minn hekk, jgħid li l-mużika klassika mhix xi torri tal-Ivorju li jistgħu jiskopruha biss xi erba’ solisti. Jgħid li tant hi mużika kbira, li tista’ tiġi sfruttata minn kulħadd u tibqa’ patrimonju komuni li tkebbes fir-ruħ tal-komunita. Jgħid li din il-mużika hi l-lingwa universali li tmur lil hinn mill-istorja u mid-diversità kulturali. 

    Intant, it-tour ta’ Bosso jinsab għaddej fl-aqwa tiegħu fejn se jkun qiegħed jesebixxi ruħu f’Lecce, imbagħad f’Jannar għandu jumejn ta’ maratona fil-Konservatrju ta’ Milan u r-ritorna fl-Arena ta’ Verona fejn mistenni jidderieġi d-disa’ sinfonija ta’ Beethoven. 

    Fuq kollox, Boss jistqarr li kieku jħossu li m’għadux f’saħħtu biex jidderieġi, anke f’dan il-każ jirtira. Iżda jsostni li s’issa s-saħħa qiegħda tippermettilu li jagħmel dan. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0