Umberto Pelizzari lura f'Malta biex jippromwovi l-apnea

  • Set 20, 2019 16:18
  • Miktub minn iNews
"

    Il-baħar Mediterran li jdawwar il-gżejjer Maltin joffri wħud mill-aqwa ambjenti ta’ taħt il-baħar fid-dinja kollha.

    B’197 kilometru ta’ kosta u iktar minn 30 sit tal-għaddasa, mhux ta’ b’xejn li mijiet jekk mhux eluf ta’ persuni kull sena jfittxu lil pajjiżna għal dik l-esperjenza indimentikabbli taħt il-baħar. Filwaqt li diversi jinżlu taħt il-baħar biċ-ċilindri, hemm min iħobb ikun iktar avventuruż u jinżel taħt il-baħar bin-nifs.

    Din l-attivita, li anke hija sport tissejjaħ apnea, jew freediving.

    F’dan l-isfond, bejn is-26 u d-29 ta’ Settembru se naraw f’pajjiżna lil Umberto Pelizzari, wieħed mill-aqwa freedivers fid-dinja u li kiser diversi rekords f’dan l-isport.

    L-apnea tinvolvi l-għadds lejn qiegħ il-baħar mingħajr ċilindru tal-ossiġnu. Biex jirnexxilu jinżel f’distanzi notevoli b’suċċess u mingħajr riskju għas-saħħa, wieħed irid jikkombina s-saħħa fiżika flimkien mat-taħriġ fl-użu tan-nifs.

    Fil-fatt it-Taljan Pelizzari kiser diversi rekords dinjin: fl-1990 huwa kiser l-ewwel rekord dinji b’għaddsa ta’ 65 metru fil-baħar tal-gżira ta’ Elba. Disa’ snin wara huwa mar lil hinn minn kull freediver ieħor, meta rnexxielu jinżel sa’ 150 metru fond. Fl-2001 flimkien mat-tim nazzjonali Taljan tal-apnea, inkiser ir-rekord b’piż varjabbli meta niżel f’fond ta’ 131 metru.

    Pelizzari huwa magħruf ukoll għall-mod eleganti ta’ kif jogħdos.

    Illum Pelizzari jaqsam l-esperjenzi u t-teknika tal-apnea bħala President tal-Apnea Accademy li twaqqfet fl-Italja fl-1986. Din hi waħda mill-aqwa akkademji tal-apnea fid-dinja, u għandha ‘l fuq minn 600 għalliem madwar id-dinja u 6,000 student.

    Pelizzari se jkun f’pajjiżna propju biex ikompli jaqsam l-esperjenzi ta’ dan l-isport li għalkemm huwa xi ħaġa eżotika, fih il-perikli tiegħu ukoll.

    Fid-dawl li l-apnea f’pajjiżna dejjem qiegħda tikber, Pelizzari se jorganizza kors dwar miżuri ta’ sigurtà li wieħed jista’ jieħu fl-Apnea fis-26 ta’ Settembru fil-lukanda db San Antonio fil-Qawra fis-6 ta’ filgħaxija. 

    Tul dan il-kors Pelizzari se jispjega l-aħjar modi u miżuri li wieħed jista’ jieħu biex jwettaq l-apnea mingħajr riskju. Dawk preżenti ser ikollhom l-opportunità li jagħmlu l-mistoqsijiet tagħhom ukoll. Id-dħul għal dan il-kors huwa bla ħlas.

    Pelizzari se jtella’ wkoll workshop dwar l-apnea bejn is-27 u d-29 ta’ Settembru, li se jittella’ fl-istess lukanda.

    Din mhix se tkun l-ewwel darba li rajna lil Pelizzari f’Malta, hekk kif huwa kien diġa żar pajjiżna fl-2013, fl-2016 kif ukoll is-sena li għaddiet.

    Fl-aħħar snin Apnea Academy ħarrġet mijiet ta’ persuni f’pajjiżna fl-Apnea, filwaqt li fl-aħħar tliet snin madwar 250 persuna f’pajjiżna saru għalliema tal-Apnea grazzi għat-taħriġ ta’ din l-akkademja.

     

    F’dan l-isfond, Apnea Academy qed twettaq il-ħolma tagħha li minn pajjiżna toħloq bażi fejn jiġu organizzati korsijiet internazzjonali f’dan l-isport.

     

    L-attivita ma’ Pelizzari qed tittella’ minn Divebase Malta u appoġġjata mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-Ministeru għat-Turiżmu.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0