Niki Lanzon, li llum għandu 39 sena, rebaħ dak kollu li joffri l-waterpolo lokali u ilu xejn inqas minn 25 sena jilgħab ma’ Neptunes.
Huwa meqjus bħala leġġenda ħajja għall-club u wieħed mill-aqwa players taż-żmien tiegħu fejn fl-aħħar snin serva ta’ ispirazzjoni għal diversi żgħażagħ speċjalment dawk ta’ Neptunes.
Huwa fforma parti mis-snin glorjużi ta’ Neptunes bir-rebħ ta’ 10 kampjonati li ħamsa minnhom kienu konsekuttivi bejn l-2010 u l-2014, sitt darbiet in-Knock-Out, disa’ darbiet it-Tazza tal-President u tmien darbiet il-Kampjonat tax-Xitwa.
Dan filwaqt li fuq bażi personali, rebaħ darbtejn il-Player tas-Sena tal-ASA fl-2001 u fl-2004 u kien il-captain tat-team Malti li kkwalifika għall-Kampjonat Ewropew li sar f’Belgrade, fl-2016, fejn wara dan it-tournament kien iddeċieda li jirtira mit-team nazzjonali wara karriera twila.
Kif għażilt il-waterpolo fost sport ieħor?
Meta konna tfal konna ninżlu ngħumu fil-pitch tan-Neptunes u għalhekk kienet xi ħaġa naturali li kont nipprova nilgħab il-waterpolo.
X’ifisser għalik il-club ta’ Neptunes?
Ħafna – Neptunes huma parti kbira mill-ħajja tiegħi fejn għandi ħbieb u t-team huwa ferm għal qalbi. Għaldaqstant huma t-tieni familja tiegħi.
... u t-team nazzjonali?
Dejjem kien ta’ unur għalija li nirrapreżenta lil Malta. Inħossni kburi li domt żmien twil nifforma parti minn dan it-team.
Kif kien jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol professjonali tiegħek u mat-taħriġ ta’ kuljum tal-waterpolo?
Jiena jirnexxieli nagħmel dan kollu b’sagrifċċju u bit-tqassim tal-ħin, jiġifieri time-management tajjeb.
Barra minn hekk, l-appoġġ tal-mara u tat-tfal kien u għadu importanti ħafna għalija.
Ġieli kien hemm xi interess fik minn clubs oħra ewlenin tal-waterpolo f’pajjiżna? U jekk iva għaliex m’aċċettajtx?
Meta kont iżgħar ... iva. Iżda dejjem bqajt nittama li nirbaħ ma’ Neptunes u issa nista’ ngħid li kuntent ħafna li qatt ma bdilt it-team u dejjem bqajt leali lejn dan il-club.
X’kien ifisser li int kont il-captain ta’ team bi storja tant glorjuża f’pajjiżna bħal m’huma Neptunes? Dan il-fatt kien joħloqlok xi tip ta’ pressjoni?
Kburi ħafna li ilni tant żmien immexxi lit-team bħala captain.
Pressjoni fi club daqshekk ambizzjuż dejjem ikun hemm u saħansitra tħossha anke jekk ma tkunx captain.
Kull darba li kont nitla’ fuq il-catwalk bħala captain ta’ Neptunes kont inħossni onorat.
X’kienet u għadha r-relazzjoni tiegħek mal-amministarazzjoni ta’ Neptunes speċjalment mal-president Matthew Bonello?
Kelli u għad għandi relazzjoni tajba ħafna kemm mal-membri tal-kumitat u anki mal-president, Matthew Bonello. Bħala captain tat-team naħseb li hekk għandu jkun!
X’emozzjonijiet kont tħoss kull darba li kont tilgħab mat-team nazzjonali u tkun il-captain tal-istess team?
Kont inħoss emozzjonijiet kbar kull darba li nkuncaptain ta’ Malta għax din hija xi ħaġa importanti ħafna.
Xi jfisser għalik il-coach nazzjonali Karl Izzo u x’relazzjoni għandek miegħu?
Għandi relazzjoni tajba ħafna miegħu. Huwa coach li jħobb ħafna l-logħba tal-waterpolo u għalhekk naħseb li se jkompli jġib iktar suċċessi għat-team nazzjoanli tal-waterpolo.
X’fisser għalik u għal Neptunes bħala team dan ir-rebħ tal-kampjonat?
Dan il-kampjonat ifisser ħafna kemm għalija kif ukoll għall-club tan-Neptunes.
Għalija l-fatt li kienet l-aħħar sena tiegħi kien importanti li nispiċċa bir-rebħ tal-kampjonat.
Għall-club ukoll kien importanti għax dan kien is-26 kampjonat u l-għaxar wieħed f’14-il sena.
X’ifisser għall-fatt li kien is-26 wieħed fl-istorja glorjuża tal-club?
Dan ifisser li l-club ta’ Neptunes huwa wieħed mill-iktar clubs glorjużi fl-istorja tal-waterpolo Malti.
Kif tiddeskrivi dan il-kampjonat? Kien l-iktar wieħed sabiħ u difficli?
Dan il-kampjonat kien wieħed diffiċli ħafna bħalma jkunu l-kampjonati kollha. Fil-veritá qatt ma jkun hemm kampjonat faċli.
Dan kien diffiċli għall-fatt li kellna nilagħbu ħafna logħbiet fi żmien qasir. Ġieli lgħabna tliet logħbiet f’sitt ijiem.
Iżda kollox ma’ kollox kampjonat diffiċli fiżikament u anke mentalment.
Qbilt mas-sistema tal-play-offs?
Is-sistema tal play-offs fiha t-tajjeb u l-ħażin bħal kull ħaġa oħra.
Għal min ikun konsistenti matul il-kampjonat, il-play-offs jistgħu jkunu idea ħażina.
Però, għal min ikollu staġun inkonsistenti, il-play-offs jagħtu ċans biex dan xorta jista’ jirbaħ il-kampjonat.
X’kien is-sigriet ta’ dan is-suċċess matul din is-sena?
Sigrieti ma kienx hemm. Aħna dejjem konna nemmnu li jekk nilagħbu kif nafu nilagħbu, kien se jkollna ċans nirbħu dan il-kampjonat.
Bqajna naħdmu matul il-kampjonat kollu b’serjetà kbira u rnexxielna nirbħuh.
X’tikkummenta rigward il-Kroat Petar Muslim u s Serb Darko Brguljan?
Muslim u Brguljan kienu tajbin ħafna f’dan l-istaġun. Huma żewġ players ta’ kwalità kbira u ta’ fama mondjali.
X’sehem kellu l-coach Jovan Popovic fir-rebħ ta’ dan il-kampjonat?
Il-coach Jovan Popovic kellu sehem kbir fir-rebħ tal-kampjonat.
Kien bravu biżżejed biex iżomm it-team magħqud matul il-kampjonat kollu. Tattikament kien bravu wkoll biex sab sistema li ħadmet għal kull logħba.
Hu wkoll utilizza ħafna players li hija xi ħaġa tajba ħafna.
... u x’sehem kellu l-president Matthew Bonello u l-kumitat ta’ Neptunes?
Il-president u l-kumitat dejjem huma importanti ħafna fil-ħidma tagħhom.
Ir-rebħ tal-kampjonat jasal meta l-club kollu jiġbed ħabel wieħed u b’hekk it-team jimxi ‘l quddiem ukoll.
Is-Sur Bonello u l-kumitat kellhom sehem kbir fejn sar ħafna xogħol minn wara l-kwinti. Mingħajr dawn in-nies li tant jaħdmu għall-club diffiċli li jkollok team ta’ suċċess.
... u l-players żgħażagħ?
Il-players żgħażagħ din is-sena kienu tajbin ħafna. Sabu ruħhom ippreparati ħafna u b’hekk kellhom sehem kbir f’dan ir-rebħ tal-kampjonat.
Hemm xi loghba li tibqa’ tiftakar iktar minn oħrajn kemm ma’ Neptunes kif ukoll man-nazzjonal?
Hemm ħafna logħbiet li nibqa’ niftakar matul il-25 sena li lgħabt. Però, il-finali tal-2011 kontra Sliema meta konna 2-2 fil-play-offs u rbaħna 3-2, hija waħda minn dawk il-logħbiet li nibqa’ niftakar.
Man-nazzjonal ukoll kien hemm ħafna logħbiet li nibqa’ niftakar fosthom ir-rebħa kontra t-Turkija għall-midalja tal-bronż fi Stokkolma, fl-2002, kif ukoll il-logħba kontra l-Polonja qabel l-ewwel kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej.
... u xi goal importanti?
Goals li niftakar hemm ħafna u għaldaqstant diffiċli nsemmi wieħed biss.
Però kien hemm goal li skurjajt meta kien għad kelli biss 15-il sena kontra Sirens li dejjem jibqa’ l-favorit tiegħi.
Liema kien l-aqwa player barrani li qatt lgħabt miegħu?
Hija diffiċli biex insemmi player wieħed barrani għax lgħabt ma’ players li huma meqjusa bħala l-aqwa fid-dinja. Barra minn hekk kien unur kbir li lgħabt magħhom kollha.
... u bħala avversarju?
Din diffiċli wkoll għax hawn Malta jiġu players tal-ogħla kwalità.
Lgħabt kontra wħud mill- aqwa players tad-dinja u ma nistax nagħżel wieħed.
Liema kien l-aqwa coach li kellek filkarriera tiegħek?
Coaches kelli ħafna matul il-25 sena li lgħabt. Naħseb li ma jkunx ġust li nsemmi wieħed biss.
Tgħallimt minn kull coach li kelli u nibqa’ nirrispetta lil kull wieħed minnhom.
Għaliex iddeċidejt li tirtira? Ma taħsibx li kien għad fadallek x’toffri lill-waterpolo lokali?
Kienet deċiżjoni diffiċli ħafna li nieqaf nilgħab, però naħseb li kienet deċiżjoni tajba.
Ħassejt xi ħaġa ġewwa fija li dan kellu jkun l-aħħar staġun tiegħi ma’ Neptunes.
Nemmen li fiżikament stajt nagħmel sena oħra però naħseb li kien il-mument opportun li nieqaf.
Bħala prodott ta’ Neptunes, kif tqis il-futur ta’ dan it-team?
Konxju mill-fatt li l-club tagħna dejjem ipproduċa players żgħażagħ tajbin u għadu qed jagħmel dan fejn hemm numru ta’ tfal u żgħażagħ li jidhru li se jispikkaw ferm fil-futur qrib.
Neptunes dejjem kellhom nurseries tajbin u għalhekk dejjem ħarġu players ta’ ċertu livell minn dan il-club. Il-futur għall-club jidher wieħed sabiħ għax jipproduċi ħafna players.
U l-futur tiegħek? Għad narawk coach jew amministratur ta’ Neptunes?
Nixtieq nibqa’ nvolut ma’ Neptunes però wieħed għad irid jara kif. Neptunes huma l-club li nħobb u nibqa’ nħobbu ... għalhekk ikun ġust li nkompli magħhom f’xi rwol ieħor.
Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.
Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra.
Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub.
Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett.
Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju,
inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.
Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek,
se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih.
F'din l-imejl se tirċievi security code.
Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni.
Din hija proĊedura li ssir darba.
Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek.
Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.