L-ewwel flyovers tal-Marsa Junction Project jinfetħu fi tmiem il-ġimgħa

  • Set 18, 2019 14:59
  • Miktub minn iNews
"

    B’dawn iż-żewġ strutturi ta’ flyovers, li magħqudin flimkien ikopru distanza ta’ madwar nofs kilometru, dawk li jużaw it-toroq se jkollhom rotta diretta bejn il-Marsa u Ħal Luqa, lejn l-Ajruport u l-mini ta’ Ħal Kirkop, flok dik eżistenti mit-traffic lights ħdejn iċ-Ċimiterju tal-Addolorata. Għall-ewwel, sakemm kmieni s-sena d-dieħla jinfetħu wkoll it-tielet u r-raba’ flyovers ta’ dan il-proġett, din il-konnessjoni b’żewġ korsiji se tintuża bil-kontra fid-direzzjoni lejn in-nofsinhar, minn Triq Aldo Moro (Marsa) lejn Triq Giuseppe Garibaldi (Ħal Luqa).

    Dan se jsir biex Infrastructure Malta tkun tista’ tagħlaq temporanjament il-korsiji li bħalissa qegħdin iservu għal din ir-rotta, fl-inħawi tal-parkeġġ tal-Addolorata, ħalli tkompli tibni l-istruttri l-oħrajn tal-proġett. Dawn jinkludu l-istrutturi tat-tielet u r-raba’ flyovers, li qed jinbnew taħt iż-żewġ flyovers li Infrastructure Malta se tiftaħ fi tmiem il-ġimgħa, biex jiffurmaw iż-żewġ korsiji li finalment se jgħaqqdu r-rotta tan-nofsinhar, minn Triq Aldo Moro lejn Triq Garibaldi. L-ewwel żewġ flyovers imbagħad jibdew jintużaw fir-rotta lejn it-tramuntana, biex b’hekk tkun kompluta l-konnessjoni f’żewġ direzzjonijiet, bejn dawn iż-żewġ toroq arterjali. 

    B’mod simili, l-istrutturi tal-flyovers l-oħrajn u l-korsiji ġodda li Infrastructure Malta qed tibni bħala parti minn dan il-proġett se joħolqu konnessjonijiet diretti bejn Triq Aldo Moro u t-toroq l-oħrajn li jingħaqdu fit-traffic lights tal-Addolorata, li jinkludu Vjal Sir Paul Boffa (lejn Kordin u Raħal Ġdid), Vjal Santa Luċija (it-Telgħa tal-Addolorata) u Triq il-Marsa (lejn Ħal Qormi).

    Dawk li se jivvjaġġaw minn din il-junction fil-jiem li ġejjin għandhom isegwu s-sinjali sofor li jiggwidawk għar-rotta ġdida fid-direzzjoni tan-nofsinhar, minn fuq il-flyovers. Il-limitu ta’ veloċità mnaqqas ta’ 30 kilometru fis-siegħa, li japplika għal sewqan sigur fejn ikunu qed isiru xogħlijiet fit-toroq, se jibqa’ fis-seħħ għall-inħawi kollha tal-Marsa Junction Project, inkluż meta tgħaddi minn fuq l-istrutturi ġodda tal-flyovers. 

    Qabel kull tibdil li tagħmel fil-korsiji, Infrastructure Malta toħoloq mudelli kompjuterizzati u tagħmel testijiet permezz ta’ programmi apposta biex tanalizza kif dawn ikunu se jolqtu l-andament tal-ivvjaġġar fl-inħawi. Jiġu eżaminati għażliet differenti biex fl-aħħar mill-aħħar tintuża l-aħjar soluzzjoni, li jkollha l-inqas impatt fuq aktar minn 100,000 persuna li ta’ kuljum jivvjaġġaw minn din iż-żona. 

    Waqt l-implimentazzjoni tal-proġett, Infrastructure Malta qed tikkollabora wkoll mal-Pulizija u Transport Malta biex toffri assistenza lil dawk li jkunu għaddejjin mill-inħawi. Pulizija mit-Taqsima tat-Traffiku u uffiċjali ta’ Transport Malta qegħdin ikunu stazzjonati fl-inħawi biex isegwu dak li jkun għaddej fit-toroq li jwasslu għall-junction tal-Addolorata u jieħdu azzjoni immedjata f’każ li jinqalgħu diffikultajiet. Is-sewwieqa jistgħu jċemplu lil Transport Malta fuq 8007 3399 sabiex jużaw is-servizz ta’ rmonk offrut għal dawk il-vetturi li jinqalgħulhom ħsarat waqt li jkunu għaddejjin mill-inħawi. 

    Is-seba’ flyovers tal-Marsa Junction Project, li se jeliminaw it-traffic lights ta’ ħdejn l-Addolorata, u aktar minn 12-il kilometru ta’ korsiji ġodda li se jgħaddu b’mod separat minn fuq xulxin fi tliet livelli differenti, se joħolqu konnessjonijiet diretti kemm lejn it-tramuntana kif ukoll lejn in-nofsinhar bejn it-toroq arterjali li jingħaqdu f’din il-ħolqa. B’hekk se jiġu eliminati l-ħin ta’ stennija li kien ikun hemm tul din ir-rotta prinċipali lejn in-naħa t’isfel ta’ Malta u jonqsu l-emissjonijiet ikkaġunati mill-konġestjoni fil-Marsa u lokalitajiet oħrajn fil-madwar. Bil-proġett se jiġu introdotti wkoll faċilitajiet ġodda għal mezzi alternattivi ta’ trasport, fosthom bankini u korsiji għar-roti, pontijiet għall-mixi, waqfiet u korsiji għall-karozzi tal-linja, żona ta’ park and ride u żoni ġodda msebbħin bis-siġar u l-pjanti, fost infrastruttura oħra ġdida. 

    L-ewwel żewġ fażijiet tal-proġett, li kienu jinkludu l-bini mill-ġdid ta’ Triq Aldo Moro u toroq oħrajn fil-madwar, tlestew is-sena l-oħra. F’Diċembru li għadda, Infrastructure Malta bdiet it-tielet fażi, li prinċipalment tikkonsisti fil-bini tal-flyovers. S’issa tlestew aktar minn 35 fil-mija minn dan il-proġett ta’ €70 miljun. 

    Il-Marsa Junction Project huwa kofinanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni u mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa tal-Unjoni Ewropea. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0