“Irridu naraw għaliex hemm nuqqas ta’ għalliema qabel nirrikorru għall-barranin”

  • Set 17, 2019 07:56
  • Miktub minn Carmen Cachia
"

    In-nuqqas ta’ għalliema u l-iżvilupp sostenibbli… 

    “Il-prinċipju mhux jekk iġġibx għalliema minn barra jekk dawn għandek bżonnhom. Li qiegħed jiġri fil-pajjiż hu, li peress li għandna tkabbir ekonomiku kbir, dan qiegħed iġib żieda fil-popolazzjoni u din iż-żieda kien hemm bżonnha biex isir it-tkabbir ekonomiku inkella ma kien ikollna xejn.” Sostna dan John Bencini, l-eks President tal-Malta Union of Teachers (MUT) fejn f’intervista li għamilnielu qalilna li bħala eks edukatur ukoll, il-problema kif jaraha hu u ħafna oħrajn, hi li f’Malta wasalna f’punt li t-tkabbir irid ikun sostenibbli u wissa li, “jekk mhux se niddeċiedu li narawha din il-problema, dan il-pajjiż se jkollu jiffaċċja ħafna reperkussjonijiet”. 

    Ftit ta’ żmien ilu sar survey mill-ETUCE fejn għalliema Ewropej ġew mistoqsija hekk jikkonsidrawx jibdlu x-xogħol tagħhom. Fost l-għalliema rġiel 53% qalu ‘le’ u 49% qalu ‘iva’. Għalliema nisa wieġbu hekk - 59% qalu ‘le’ u 41% qalu ‘iva’. F’Malta diġà bdejna naraw għalliema jfittxu impjieg ieħor. Barra minnhekk f’dawn l-aħħar ġranet qamet kontroversja minħabba li hemm diskussjonijiet għaddejjin dwar l-ingaġġ ta’ għalliema barranin bil-għan li titaffa l-problema ta’ nuqqas ta’ ħaddiema f’dan is-settur.

    Bencini spjega li meta jiġi investitur irid l-art, irid jibni u jrid jara fejn se jagħmel uffiċċju kbir meta l-ispazju fl-art limitata tagħna qiegħed jonqos u m’għandx hemm. Barra minnhekk żied jgħid li l-investitur irid il-ħaddiema u fost il-Maltin m’hawnx għax dawn kważi ġew eżawriti kollha. Allura jkollhom jiġu n-nies minn barra. Hawn tidħol il-kwistjoni tat-tkabbir ekonomiku sostenibbli. Huwa wissa li, “jekk se nkomplu nikbru b’dan ir-rittmu, jista’ jagħtina gambetta f’affarijiet oħra, kif diġà qiegħed jiġri fosthom problemi tat-traffiku, sptarijiet, is-sistema tad-drenaġġ, il-proprjetà u l-kera”. 

    Riperkussjonijiet għall-għalliema…

    “Li tinvesti huwa tajjeb, imma jekk l-investiment jibda jikber wisq, dan isir insostenibbli. Dan għax meta jiġu l-ħaddiema minn barra, ħafna minnhom jista’ jkun li jġibu l-familja. Kif fil-fatt qiegħed jiġri,” kompla l-ex President tal-MUT. Huwa qal li rigward is-settur tal-edukazzjoni, in-numru ta’ tfal barranin qiegħed jiżdied. 

    John Bencini waqaf mill-kariga ta’ President tal-MUT fl-2011 u anke lura dak iż-żmien, kien diġà ra tinbet din l-problema ta’ nuqqas ta’ għalliema. Huwa qal li din bdiet tidher, iżda ma kinitx tinħass daqs kemm qiegħda tinħass illum. Huwa qal li din il-bidla saret minħabba li dak iż-żmien ma kienx hemm dan it-tkabbir ekonomiku u investimenti daqs kemm hawn illum il-ġurnata. Semma’ kif fil-fatt, f’ħafna skejjel in-numru ta’ studenti barranin qiegħed jiżdied ħafna bil-konsegwenza ta’ riperkussjonijiet fuq l-għalliema. “Naf biċ-ċert li hemm ħafna tfal li qegħdin jiġu hawn u la jkunu jafu bil-Malti u lanqas bl-Ingliż. Allura dawn it-tfal trid tara x’se tagħmel għax anke l-għalliema m’humiex preparati biżżejjed għal din ir-realtà l-ġdida.”  

    L-eks edukatur qal li din l-aħħar kwistjoni li qamet dwar jekk għandhomx jinġiebu għalliema barranin jew le, huwa kien ilu mill-2011 jgħid li se tiġi fuqna. Bencini rrealizza dan meta kien idur l-iskejjel fiż-żmien li kien għadu President tal-MUT u hawn stqarr, “aħseb u ara llum il-ġurnata kif inhi s-sitwazzjoni… wara dan l-iżvilupp fil-pajjiż u l-investimenti kbar li qegħdin jiġu”. 

    Bencini qal li, “huwa proprju għalhekk li ngħidu sostenibbli. Diġà hemm imsieħba soċjali li qegħdin jgħidu l-istess kliem. Dan hu pajjiż żgħir wisq u ma jiflaħx għal popolazzjoni kbira għax inkella se jkollna niffaċċjaw problemi serji u din hi s-sitwazzjoni li għandna bħalissa”. Fl-opinjoni tiegħu, kif ukoll ta’ xi msieħba soċjali, is-soluzzjoni hi li jibdew ikunu limitati l-investimenti l-ġodda fil-pajjiż. “Issa għandna ngħidu li bħala tkabbir, s’hawn nistgħu naslu. Diġà huwa l-aħjar fl-Unjoni Ewropea u m’hemmx għalfejn aktar. Imma jekk għandek erba’ fabbriki kbar li jridu jiġu hawn u se naċċettawhom l-erbgħa li huma, mod, mentri jekk ngħidu li tnejn biss jiġu, naslu f’punt fejn l-affarijiet jibdew jinnormalizzaw u jirregolarizzaw ruħhom,” qal Bencini.

    L-eks edukatur qal li din is-sitwazzjoni mhix taffettwa biss lill-għalliema, iżda anke setturi oħra. “Però b’differenza tal-infermieri, għalliema dejjem kien ikun hawn tant li niftakar kif kien hemm lista ta’ stennija biex ikunu impjegati u dan mhux 100 sena ilu, iżda sa ftit ilu. Issa b’dan l-iżvilupp, il-bżonn ta’ għalliema se jiżdied ukoll u ma nistgħux inħallu l-istudenti mingħajr għalliema. Dak żgur”.

    Għalliem irid jiekol, jgħix u jtella’ familja…

    Bencini qal li huwa għalhekk importanti ħafna li l-iżvilupp u t-tkabbir sostenibbli rridu nieħdu ħsiebu llum qabel għada. Huwa qal li l-Università ilha turi li ż-żgħażagħ m’għandhomx interessati f’din il-professjoni, b’mod speċjali l-ġuvintur u r-raġunijiet huma ħafna. B’differenza tal-imgħoddi fejn kien hemm nuqqas ta’ għalliema nisa tant li nħasset in-nuqqas tal-figura tal-omm, illum is-sitwazzjoni nqalbet fejn 80% l-għalliema issa huma nisa. 

    L-eks President tal-MUT qal li minflok noqogħdu nistaqsu jekk għandniex nġibu lill-barranin jew le, id-domanda li rridu neħduha bil-qruna hi - għala l-ġuvintur mhux qegħdin jinteressaw ruħhom iżjed u jfittxu professjonijiet oħra minflok?

    “Ma rridx nibda bil-flus għax jgħidu li għalliem irid ikollu l-vokazzjoni, imma għalliem irid jiekol, irid jgħix u jrid itella’ familja. Illum professjonijiet oħra fil-pajjiż għandhom is-salarju ħafna u ħafna aħjar minn dak ta’ għalliema.” Bencini qal li hemm professjonijiet oħra, kif ukoll impjiegi tas-sengħa (vokazzjonali), li għandhom pagi aħjar u li meta ngħidu li hawn problema, rridu nistaqsu ‘għaliex?’.

    Huwa elenka li l-ewwel hemm is-salarji baxxi tal-għalliema meta kkomparati ma’ pajjiżi oħra. “L-irġiel imorru għal professjoni li tħallas iżjed u dan b’differenza tan-nisa li jafu li l-ħinijiet tal-iskola jippermettu li jieħdu ħsieb ukoll tal-familja,” sostna l-eks għalliem. Fl-opinjoni tiegħu, kieku l-Gvern kellu jgħid li mis-sena d-dieħla l-iskejjel jispiċċaw fl-4.30 ta’ wara nofsinhar, żgur li jibdew itiru n-nisa minn din il-professjoni u jmorru għal xi ħaġa oħra. 

    Raġunijiet oħra liskont Bencini qegħdin iwasslu biex ma jkollniex biżżejjed għalliema huma li l-għalliem Malti għandu wisq xogħol klerikali; nuqqas ta’ rispett b’differenza għal dawk fil-pajjiżi Nordiċi u l-iskrutinju kontinwu li jgħaddu minnu l-istess għalliema. “Jekk hemm professjoni li hi skrutinata f’Malta hija proprju dik tal-għalliema u din iddejjaqhom ħafna. Tara tobba skrutinati? L-avukati u l-periti? Tajjeb li jkun hemm ċertu skrutinju, iżda hemm bżonn ta’ bilanċ,”  sostna Bencini. Huwa qal li hemm bżonn ikun hemm rispett u r-rispett fis-sens li l-għalliema jiġu fdati bħalma huma fil-Finlandja, li hija fl-ewwel post fl-edukazzjoni fl-Ewropa. 

    Skont l-ex President tal-MUT, dan l-iskrutinar żejjed qiegħed iwassal għal sitwazzjoni fejn inqas żgħażagħ jidħlu għal din il-professjoni. “Li hemm bżonn li jsir f’dik il-klassi l-għalliema, kors fl-Università għamlet, ieħor fil-pedagoġija għamlet u x’inhu l-aħjar għat-tfal f’dik il-klassi, li mhux bilfors ikunu bħall-oħra jew bħal skola oħra, taf tagħmlu hi. M’għandux ikun hemm dak li nsejjħu one size fits all u din irridu nieħdu ħsiebha,” issuġġerixxa Bencini. Huwa jemmen li l-għalliema għandha tinżamm responsabbli għax-xogħol li tagħmel u li tkun ikkoreġuta jekk hemm bżonn bħal kif isir fi professjonijiet oħra.

    L-eks President tal-MUT qal li problema oħra li jiffaċċjaw l-għalliema, li hi l-imġieba ħażina tal-istudenti, fejn l-għalliem iħossu kompletament “impotenti”. Dan minħabba li anke l-manaġiment tal-iskola ma jasalx għall-konklużjoni dwar x’jistgħu jagħmlu f’każi ta’ mġieba ħażina ħafna minn studenti li jħarbtu l-bqija tal-klassi. Bencini qal li fin-Norveġja għamlu sistemi tajbin ħafna biex jikkontrollaw dawn is-sitwazzjonijiet u jemmen li dawn għandhom jitħaddnu anke f’Malta.

    “Min se jiġi Malta b’din il-paga?” 

    Rigward is-supply tal-għalliema barranin dawn jew se jitħallsu fi Skala 12 (jibda b’€17,000 u jispiċċa b’massimu ta’ €19,000) jew jekk ikunu gradwati fi Skala 10 (jibda b’€19,000 u jispiċċa b’massimu ta’ €21,000). Bencini staqsa, “tista’ timmaġina jiġi għalliem mill-Ġermanja jew minn Franza? Lanqas Taljan jew Ċiprijott ma jiġi. Aħseb u ara!” L-argument tiegħu hu li bil-paga baxxa ta’ supply, dan il-barrani jrid jiġi hawn u jikri u bil-problema tal-kiri fejn jekk jibda b’€19,000 fis-sena u jħallas €1,000 fix-xahar, dan se jispiċċa jrid jgħaddi b’€9,000 fis-sena. 

    “Din defenittivament mhix se tinkoraġixxi għalliema mill-Unjoni Ewropea jiġu jaħdmu Malta. Jekk wieħed jara s-salarji li hemm fl-Ewropa żgur li tara li dawn huma fatti anke jekk wieħed jieħu inkonsiderazzjoni tal-għoli tal-ħajja. Veru li barra għandhom aktar taxxi u l-proprjetà ogħla, imma meta tara Malta ħdejhom, għalliem kwalifikat huwa fi skala 9, jibda b’€21,000 u ħadd ma jibda b’din il-paga hekk baxxa,” kompla l-eks għalliem. 

    Bencini qal li l-problema ta’ nuqqas ta’ għalliema mhix qiegħda tinħass biss f’Malta. Fil-maġġoranza tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, din ma tantx qiegħda tinħass, speċjalment fil-pajjiżi Nordiċi, iżda qiegħda tinħass l-aktar fil-Portugal b’nuqqas ta’ 7% ta’ studenti fl-Università li jistudjaw għal għalliema, l-Iżlanda b’6% inqas, mentri l-Ungerija u l-Belġju rreġistraw tnaqqis ta’ 5%. 

    “F’Malta, fil-livell primarju s-sitwazzjoni ma tidhirx daqshekk gravi, però fil-livell sekondarju hi, speċjalment f’ċerti suġġetti fosthom l-Ingliż, il-Malti u l-Matematika. Meta wieħed jara l-pagi ta’ barra jien naħseb li mhux se jkun hemm applikanti biex jiġu Malta,” qal imħasseb l-eks President tal-MUT. Huwa jemmen li jekk se jkun hemm applikazzjonijiet, dawn se jkunu minn pajjiżi tat-tielet dinja li forsi jitkellmu bl-Ingliż fosthom dawk membri tal-Commonwealth li jinkludu l-Pakistanti u l-Indjani. 

    “Iżda dawn xorta trid tattirahom u jekk ikollhom bżonn jikru mhux la kemm tgħid. Jekk wasalna f’dan l-istat gravi, ma naħsibx li għandna alternattiva oħra, għax ma tistax tħalli klassijiet bla għalliema. Però jien ma naħsibx li din hija soluzzjoni fit-tul għax it-tkabbir ekonomiku se jġib aktar ħaddiema bil-familji tagħhom u nidħlu aktar f’dan iċ-ċirku vizzjuż,” wissa Bencini.  

    Huwa qal li punt importanti hu li jekk se nġibu għalliema minn barra, li m’għandu ebda oġġezzjoni fir-rigward, se tinqala’ problema oħra. “Hawnhekk għandna t-tfal bil-kultura lokali u oħrajn li ġejjin minn reġjuni b’ħafna problemi fosthom dawk familjari. L-għalliem Malti jifhem eżatt x’inhuma dawn il-problemi li qegħdin jiffaċċjaw dawn l-istudenti u jekk se ġġib għalliem minn barra, dan il-pass jista’ joħloq problemi sakemm jitgħallem il-kultura u r-realtajiet tagħna,” sostna l-eks għalliem. 

    Filwaqt li saħaq li ma jridx ikun kif jgħidu ‘l’uccello di mal augurio’, fl-aħħar kumment tiegħu John Bencini qal li jifhem is-sitwazzjoni, iżda jaħseb li din il-problema kellna nieħdu ħsiebha qabel. Huwa temm jgħid li, “issa importanti li nieħdu azzjoni immedjata billi nkunu sostenibbli għax dan huwa l-punt kruċjali tal-problema kollha”.

    Is-salarji tal-għalliema gradwati fl-Ewropa: 
    Malta -  jibda €21,000 u jispiċċa €27,000;
    Italja -  jibda €29,000 u jispiċċa €42,000;
    Franza -  jibda €24,000 u jispiċċa €50,000;
    Belġju -  jibda €32,000 u jispiċċa €55,000;
    Danimarka -  jibda €49,000 u jispiċċa €54,000;
    Awstrija - jibda €31,000 u jispiċċa €62,000;
    Ġermanja -  jibda €46,000 u jispiċċa €62,000;
    Lussemburgu -  jibda €51,000 u jispiċċa €113,000

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0