“Min jieħu gost jorqod u jqum mad-dud?”... Daħlu f’dan il-post b’kiri fl-aħħar ta’ April li għadda

  • Set 12, 2019 18:58
  • Miktub minn Carmen Cachia
"

    “Wara ftit ġimgħat li dħalt f’post bil-kera sibt dud ġo kull kamra, inkluż fil-borom u fil-cupboard, fuq is-sodda u anke fuq il-ħwejjeġ. Il-ħin kollu nnaddaf u niġbed it-trab. It-tifla tbati bl-ażma u lanqas għadha trid tidħol fil-kamra waħidha għax il-ħin kollu tridni magħha,” stqarret omm li tkellmet ma’ inewsmalta dwar is-sitwazzjoni preżenti iebsa li tinsab fiha. Dan minħabba li l-mara qiegħda tiffaċċja diffikultajiet kbar bħala kerrejja ta’ post invażat b’dud tat-tip ‘Psocids’ li jgħix f’postijiet b’livell għoli ta’ umdità.

    Il-persuna li għamlet kuntatt ma’ dan il-ġurnal qalet li hi u bintha daħlu f’dan il-post b’kiri fl-aħħar ta’ April li għadda. F’inqas minn ġimgħa li daħlet fih kellha tagħmel spejjeż kbar oħra biex irranġat affarijiet li ma kienux qegħdin sew fosthom irrikorriet għand kumpanija speċjalizzata fil-kontroll tal-insetti. “Sibt ħafna insetti li ovvjament fil-ftit ħin li mort nara l-post ma rajthomx. Sid il-post jikri jrid imma ma jinteressahx mill-problemi li jinqalgħu u kull darba jgħidli biex nitkellem lill-persuna li kien ġie jurini l-proprjetà biex jieħu ħsieb hu,” qalet din l-omm.

    Fost il-ħsarat li sabet fir-residenza l-ġdida tagħha, din il-mara sabet li l-makna li taħsel il-ħwejjeġ ma taħdimx sew tant li l-ħwejjeġ minflok nodfa, bdew jispiċċaw imdensin. Hija qalet li meta rat il-post kienet innotat ftit moffa mat-twieqi, iżda ħasbet li kienet titnaddaf. Iż-żebgħa qalet li kienet tidher friska u fl-irkejjen ma ratx moffa u allura ħasbet li daħal xi ftit ilma mat-twieqi biss. 

    Il-mara qaltilna li f’dawn l-aħħar ġimgħat waqt it-tindif bdiet issib ħafna dud li skont il-kumpanija li qabbdet għall-kontroll tad-dud, dan huwa “Psocids”, dud li jgħix f’postijiet bl-livell għoli ta’ umdità f’temperatura ta’ aktar minn 60 gradi celcius. Hija staqsiet lil din il-kumpanija x’jista’ jsir u qalulha li l-aħjar soluzzjoni hi li tpoġġi dehumidifier f’kull kamra fejn tara d-dud u li tneħħi t-trab il-ħin kollu. 

    “Hawn lanqas xbieki kontra l-insetti m’hawn. Niftaħ ma nistax, għax tidħol kull dubbiena daqs x’hiex u anke nemus,” stqarret l-omm. Hawnhekk hi b’sogħba tgħid li mhux sew li persuna jkollha tgħix f’dawn il-kundizzjonijiet bid-dud iqum u jorqod magħhom.

    Din il-mara qalet kif sid il-post ma jista’ jagħmel xejn u meta pprovat tkellmu, l-unika triq li offrilha kienet dik li jwaqqgħu l-kuntratt ta’ ftehim li għamlu għall-kera. “M’offrix almenu sakemm ngħix hawn, li jagħmel nets jew jixtri dehumidifier. Mhux talli hekk, talli fil-bidu li għidtlu b’din il-problema, akkużani li d-dud ġibtu jien għax għandi l-għasafar,” kompliet l-omm iddisprata.

    Hija stqarret li bintha għandha l-ażma u l-umdità mhix tajba għall-kundizzjoni tagħha tant li b’xi mod se jkollha titlaq minn dan il-post mikri. “Ma nistax naqbad u nitlaq minn hawn lanqas,” kompliet il-mara. Hija qalet li postijiet tal-kiri b’żewġt ikmamar tas-sodda, li jaċċettaw l-annimali u bil-klima, jiswew aktar minn €850 fix-xahar. “Qiegħda nsemmi l-aircondition minħabba li fejn qiegħda bil-fan biss qegħdin u ngħixu miżerja għax kif nidħlu mill-bieb qisna dħalna ġo forn,” spjegat il-mara.

    Hija qaltilna li taħdem bir-reduced hours u l-paga tagħha fix-xahar hija inqas minn €700 tant li, “biex nikri post ta’ €800 fl-ewwel xhur se nissallab u jkolli noħroġ minn ġewwa l-ftit flus li kont ġemmajt għal li jista’ jinqala’. Dan għax barra l-kera hemm id-depożitu u l-ħlas tal-aġent li jiġu jammontaw għal madwar €2,000,” spjegat l-omm. 

    Hija qalet li tapplika għas-sussidju tal-kera u meta joħroġ tkun mhux ħażin avolja jekk il-post ikun jiswa €800 hija jkollha tħallas mill-inqas €400 f’kera. “Taqta’ dawk mill-paga għandi xorti jibqali €280 għalija u għal binti. Meta nfittex biex nikri jkolli noqgħod nistaqsi jekk is-sid tal-post huwiex reġistrat. U jien għalfejn għandi nistaqsi ħaġa bħal din? Suppost hi ovvja li s-sidien ikunu reġistrati,” sostniet din il-mara. 

    “Irid ikun il-gvern li jieħu passi”

    Hawnhekk hija qalet li, “dwar din il-kwistjoni, irid ikun il-gvern li jieħu passi. Mhux inkellem lil min inkellem, niġi injorata”. Il-mara qalet li tkellmet ma’ ħafna sidien, iżda kull darba jgħidulha li lil Maltin ma jikrux għax bilfors ikollhom jirreġistraw il-proprjetà tagħhom b’kiri. 

    Diffikultà oħra kbira li qiegħda ssib hi dik minħabba li hi ġenitur single. Dan minħabba li s-sidien tal-postijiet għall-kiri kull darba jistaqsuha min se jkun jgħix fil-post. Barra minnhekk din l-omm qalet li self mill-bank ma tingħatax u lanqas l-iskema tal-Gvern ta’ self sussidjat mill-bank ma tikkwalifika u “din hija daħka fil-wiċċ”. Hija hawnhekk qalet li, “allura biex inħallas €700 kera tajjeb u biex inħallas loan ta’ €500 ma nlaħħaqx. Ma tagħmilx sens hux?”

    L-omm qalet li hemm drabi li jirrifjutaw li jikrulha residenza minħabba li għandha l-annimali domestiċi - żewġ għasafar u żewġt iqtates. “Binti tħobbhom wisq u f’din l-aħħar sena kellha wisq tibdil negattiv f’ħajjitha. Ma nistax inċaħħadha minnhom u ħadd ma jrid jgħinni,” qalet imbikkma din il-mara.

    Hija qalet li l-ommijiet waħidhom li jaħdmu bla heda bħalha, qegħdin jiġu mkasbra talli jippruvaw u dan minflok jiġu ppremjati b’għajnuna mqar mill-banek. “Allura jien qatt ma jista’ jkolli proprjetà tiegħi għax waħdi, għax bla raġel? Jekk ma sibtx raġel lest li jkun responsabbli li jieħu ħsieb lil bintu jew li jaqsam ħajtu miegħi, allura għalfejn għandi jien niddependi minn raġel biex ikolli dari?” tistaqsi l-omm bid-dmugħ f’għajnejha.

    Hija temmet tgħid li qegħdin ġo Malta, f’art twelidha u hi la tista’ tikri u lanqas tista’ tixtri post u sfortunatament, “din hija r-realtà li ninsabu bħalissa fiha f’pajjiżna”.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0