Żagħżugħ Ingliż isir famuż “b’kumbinazzjoni” fil-Malażja

  • Set 12, 2019 18:27
  • Miktub minn Melvin Farrugia
"

    Kif joħroġ mid-dar tiegħu fil-belt kapitali tal-Malażja, Mohammed Kareef Daniel Abdullah mal-ewwel jisma’ lin-nies jgħajtulu bil-laqam tiegħu, filwaqt li oħrajn saħansitra jitolbuh biex jieħdu ritratt miegħu. 

    Il-laqam tiegħu hu Mat Dan u fil-Malażja sar xi ħaġa pjuttost magħrufa, kemm minħabba l-programm tiegħu dwar l-ivvjaġġar, kemm minħabba l-programm fuq ir-radju u anke minħabba li jidher spiss fir-reklami. Iżda din hi xi ħaġa kemmxejn rari biex tiġri lil żagħżugħ Ingliż li proprja twieled bħala Daniel Tyler. 

    Tyler kiber fir-raħal ta’ Cheltenham fl-Ingilterra, fejn kellu trobbija normali. Ma tantx kien iħobb l-iskola, filwaqt li bħal żgħażagħ oħrajn kien iħobb id-diski u anke d-divertiment. 

    Kien imbagħad fl-2008 meta hu faddal biżżejjed flus biex imur fuq vjaġġ fl-Ażja flimkien ma’ xi ħbieb minn tiegħu. Wara xi xahrejn hu reġa’ lura l-Ingilterra, iżda ddeċieda li jerġa’ jmur f’dan ir-reġjun aktar tard dik is-sena. 

    Bl-ebda mod ma kien jaf li din id-deċiżjoni kienet se tibdillu ħajtu għal dejjem. Hu mar fil-gżira żgħira ta’ Palau Kapas fil-kosta tal-Lvant tal-Malażja. Iddeċieda li minflok joqgħod idur ma’ turisti oħrajn, hu jgħix man-nies tal-lokal fuq din il-gżira. 

    Ma damx ma beda jitgħallem il-lingwa tal-lokal li sa dak iż-żmien hu kien jaħseb li hi l-lingwa prinċipali tal-Malażja u li tissejjaħ bahasa Malay. Madankollu, waqt li kien fuq vjaġġ għal Kuala Lumpur, ħaddiem f’ħanut ma setax jifhem dak li kien qed jgħid. Sar jaf li dak li kien tgħallem hu djalett lokali msejjaħ Terengganu li hu mitkellem minn miljuni ta’ indiġeni fl-istat ta’ Terengganu. 

    Għall-bidu, Dan kien imħasseb għax beża’ li ma seta’ jmur imkien aktar peress li ma bdewx jifhmuh. Iżda, dan kien proprju dak li ġabu famuż għax kien irnexxielu jitgħallem dan id-djalett.

    Minnufih bdiet tiġri l-kelma fl-istat ta’ Terengganu li żagħżugħ Ingliż kien tgħallem il-lingwa lokali u l-mod kif jgħixu. L-agħa kompla żdied meta student minn Kuala Lumpur ġibed vidjo b’mod sigriet ta’ Dan waqt li kien qed jitkellem it-Terengganu. Il-vidjo fuq YouTube rawh mijiet ta’ eluf minn madwar il-Malażja.

    Kien wara li tim tat-televiżjoni marru jħabbtulu u staqsewh jekk xtaqtx jipprova jaħdem fuq it-televiżjoni. Indunaw li kellu l-ħiliet ta’ preżentatur u għalhekk ġie offrut l-ewwel sensiela televiżiva fl-aqwa ħin dwar l-ivvjaġġar. Is-sensiela kien jisimha Haramain Backpackers - Trans Siberian. 

    Meta beda jixxandar il-programm, tista’ tgħid li ħajjet Dan inbidlet mil-lejl għan-nhar. Illum jagħrfuh kull fejn imur u għandu 838,000 segwaċi fuq Instagram. Wara t-tieni sensiela, Dan iddeċieda li jinqata’ u jagħmel ix-xow tiegħu tat-tisjir, minkejja li hu mhux kapaċi jsajjar. Għamel ukoll programm fuq ir-radju u sar preżenza kontinwa fuq il-programmi ta’ diskussjoni. 

    Sħabu jgħidu li kull fejn jidħol, jew imur jiekol, kullimkien tisma’ lin-nies jgħidu li dak hu Mat Dan. Filwaqt li fil-bidu kien kuntent b’din il-fama li kiseb, Daniel qal li wara ftit taż-żmien bdiet tgħejjieh. Sostna li dik l-attenzjoni kollha bdiet taħlilu l-ħin u ġieli kien ikun qed jagħmel xi affarijiet importanti. 

    L-uffiċjal tad-distrett ta’ Marang fl-Istat ta’ Terengganu, Tun Faisal qal li ma kienx biss l-użu tal-lingwa li ddistingwa lil Daniel minn nies oħra minn barra l-pajjiż. Sostna li kien il-fatt li fehem kemm il-lingwa, kif ukoll il-kultura li jagħmluh personlità unika fil-Malażja. Spjega li s-suċċess tiegħu hu li rabat lilu nnifsu tant ma’ Terengganu, li n-nies jaraw fih dan l-istat. 

    Fiż-żmien tiegħu fil-Malażja, Daniel ikkonverta għall-Iżlam u ltaqa’ mal-mara Musulmana tiegħu Nurnadifa. Ma jiħux xogħlijiet li jidħlu f’kunflit mar-reliġjon tiegħu. Fil-fatt, ma aċċettax li jaħdem ma’ ditta tal-alkoħol u lanqas ma ried jieħu sehem f’xena romantika ma’ mara oħra. 

    Filwaqt li hu maħbub ħafna, min-naħa l-oħra jirċievi wkoll kritika minn dawk imsejħa bħala “keyboard warriors”. Daniel jgħid li ħafna minn dawn in-nies isemmu li mijiet ta’ ħaddiema barranin imorru l-Malażja u fi ftit xhur jitgħallmu l-lingwa iżda ma jsirux personalitajiet. Jistaqsu x’differenza hemm bejn Mat Dan u ħaddiem mill-Bangladesh li kapaċi jitkellem bil-lingwa wkoll. Ikun hemm oħrajn li huma Musulmani u jikkritikaw il-konverżjoni tiegħu għall-Iżlam. Saħanistra jiddubitaw minnu u anke jibagħtu jgħidu lil ħutu li hu Lhudi. Filwaqt li Daniel jaċċetta l-kritika li ssirlu, mhux l-istess fejn tissemma r-reliġjon u dak li jkun jiġi mblokkat minnufih. 

    Filwaqt li ġieli jmur lura lejn l-Ingilterra, hu m’għadux iħossux aktar f’postu meta jmur hemm. Min-naħa l-oħra, anke peress li nbidillu l-aċċent li jitkellem bih, anke nanntu bilkemm għarfitu u meta ċemplilha biex jawguralha f’għeluq sninha hi qatgħetlu għax ħasbitu xi ħadd qed jipprova jbigħilha xi prodott. 

     

    Għal ommu Nicola kienet xi ħaġa ta’ barra minn hawn li binha sarilha personalità magħrufa fin-naħa l-oħra tad-dinja. Madankollu, tħoss li dejjem binha Daniel jibqa’ u tapprezza li ntlaqa’ daqstant tajjeb min-nies tal-Malażja. Illum Daniel għandu tifel Zayne ta’ sena u qiegħed jara kif jitbiegħed minn programmi televiżivi li joħdulu ħafna ħin. 

     

    Għalhekk qed jaħdem bħala ambaxxatur turistiku għal Terengganu, filwaqt li mistenni jniedi ditta tal-ħwejjeġ. Barra minn hekk, hu mistenni jidher fl-ewwel film. Hu ngħata r-residenza permanenti mid-deputat Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Ahmad Zahid Hamidi. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0