SIMSHAR: IL-FILM

  • Lul 04, 2013 16:05
  • Miktub minn

    Fl-ewwel kwart tas-sena d-dieħla għandu joħroġ għall-wiri l-film Simshar, imnebbaħ mit-traġedja li ġrat ħames snin ilu. Il-film huwa produzzjoni ta’ Kukumajsa Productions. Tkellimt ma’ Rebecca Cremona, li minbarra li kitbet l-iscreenplay tal-film flimkien ma’ David Grech, hija wkoll id-direttriċi tal-film. B’ħin ta’ madwar sagħtejn, dan huwa l-ewwel film twil tad-direttriċi żagħżugħa.

    Kif spjegatli Rebecca, il-film se jirrakkonta żewġ stejjer paralleli ma’ xulxin li b’xi mod fl-aħħar jingħaqdu. Storja minnhom hi dwar bastiment Malti tas-sajd li jisplodi f’nofs ta’ baħar, filwaqt li l-ġrajja l-oħra tiffoka fuq bastiment mimli migranti Afrikani li qed jistennew lil Malta u l-Italja jiddeċiedu min minnhom se jaċċettahom.

    Il-ġbid tax-xeni beda f’Novembru li għadda, b’disat ijiem sħaħ fit-tankijiet tar-Rinella. Dawn kienu segwiti minn tliet ġimgħat ta’ ġbid f’diversi postijiet f’Malta. Il-film huwa kollu bl-ilsien Malti, għalkemm f’xi waqtiet jinstema’ ftit Ingliż, Għarbi u Taljan. Huwa film li involva bosta nies, kemm Maltin kif ukoll barranin, tant li xi drabi fuq is-sett kien hemm mal-225 ruħ fl-istess ħin.

    L-atturi prinċipali tal-film jinkludu lil Lotfi Abdelli bħala Simon, Sekouba Doucoure bħala Moussa, Jimi Busuttil bħala Karmenu, Pierre Stafrace bħala Pawlu, Adrian Farrugia bħala Theo u Clare Agius bħala Sharin.

    Meta saret din l-intervista kien għad fadal biss xena waħda, qasira ħafna, x’tinġibed u bħalissa l-film jinsab fil-fażi tal-postproduzzjoni. Rebecca temmen li l-film se jintlaqa’ tajjeb, anke għax it-teaser trailers li ħarġu s’issa rċevew kummenti pożittivi ħafna mill-pubbliku. Minbarra l-ġrajja tal-film innifisha u l-mod artistiku kif il-film hu miġbud, lill-Maltin għandu jogħġobhom ukoll il-fatt li f’Simshar se jaraw cameos minn personalitajiet popolari, bħal Justin Haber, Ivan Grech u Chrysander Agius

    “Dawk li se jaraw dan il-film se jaraw ukoll ħafna minn Malta, bit-tradizzjonijiet u l-istil ta’ ħajja li jgħixu niesha,” qalet Rebecca. “Barra minn hekk il-film hu ispirat minn traġedja li tqanqal ħafna emozzjonijiet u għalhekk hu ffokat ħafna fuq l-aspett uman. It-tama tiegħi hi li kull min jarah japprezza s-sengħa li biha hu maħdum u x-xogħol kbir li involva f’dawn l-aħħar erba’ snin u nofs.”

    L-għan tal-produtturi huwa li Simshar jintwera wkoll barra minn Malta u jkun ambaxxatur tal-kultura Maltija kif ukoll xhieda tal-ħiliet tal-Maltin fil-qasam tal-films.

    RITRATT: JOSEF BONNICI PHOTOGRAPHY

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0