Il-mużika bħala espressjoni tal-karattru u l-emozzjonijiet tal-individwu

  • Aww 26, 2019 08:00
  • Miktub minn Christian Muscat
"

    Maestro Christopher Muscat - direttur tal-mużika ewlieni f'pajjiżna, bil-mużika tkun essenzjali f'ħajtu hekk kif tabilħaqq iqisha bħala riflessjoni tal-karattru u l-emozzjonijiet tal-individwu.L-iskop tiegħu bħala direttur huwa li jagħti l-aħjar interpretazzjoni possibbli tax-xogħolijiet li jkun qed jinterpreta. Iżda jistqarr li jekk, permezz tal-mużika, jirnexxielu jqanqal lil xi ħadd spiritwalment hemmhekk ikun verament laħaq l-iskop aħħari.

     

    Wieħed mill-aktar aspetti affaxinanati tax-xogħol tiegħek żgur li għandu jkun dak li tikkordina x-xogħol ta' mitt mużiċista. Kif taħdem magħhom bħala tim?

    Ix-xogħol ta’ direttur mużikali mhux wieħed faċli proprju minħabba l-fatt li quddiemek ikollok numru, żgħir jew kbir, ta’ strumentalisti jew kantanti li tajjeb u ħażin kollha jkollom l-idea tagħhom dwar kif irid jiġi nterpretat dak ix-xogħol. Tista’ jew iġġiegħel jew inkella tikkonvinċi lil kulħadd biex jinterpretaw ix-xogħol kif tixtieq int ...il-preferenza tiegħi hija t-tieni. Iżda apparti minn hekk, jien inħobb immur pass aktar u fejn narah li jagħmel sens, nipprova nżewweġ l-ideat li joħorġu mill-mużiċisti mal-interpretazzjoni tiegħi.

     

    Kif tikkomunika eżattament l-ideat tiegħek rigward xogħol partikolari?

    Il-provi jsiru propju biex id-direttur jwassal l-interpretazzjoni tiegħu lill-mużiċisti u kantanti. Ħafna drabi, il-ġest tal-id ikun biżżejjed biex tikkomunika l-ideat tiegħek. Meta din ma tkunx biżżejjed ikollok tuża l-kelma.  

     

    Huwa minnu li xi mużiċisti jippruvaw jiddominaw lill-oħrajn?

    Il-mużiċisti mhumiex perfetti u jista’ jkollhom xi difett żgħir.

     

    Ġeneralment int ikollok madwar ġimgħatejn jew xahar ċans biex tagħmel il-provi ma' artisti li xi darbi jista' jkun li qatt ma tkun rajthom qabel. Kif jirnexxielek tagħmel dan?

    Matul il-karriera tiegħi ġieli ħdimt xhur fuq produzzjoni, ġieli ġimgħa waħda, ġieli prova waħda u addirittura ġieli mingħajr provi xejn. Dawn tal-aħħar ħafna drabi jkunu kunċerti żgħar jew servizzi liturġiċi iżda fil-verità dawn huma l-aktar nerve-racking għalija bħala direttur peress li ma jkollokx iċ-ċans li tikkomunika u tiżviluppa l-ideat tiegħek waqt il-provi. F’każi bħal dawn kollox jiddependi mill-ġest tal-idejn ... u l-espressjoni tal-wiċċ. 

     

    Huma jaċċettaw it-tmexxija assoluta tiegħek?

    Nassumi li iva peress li r-riżultat hu dak li jgħodd fl-aħħar mill-aħħar. Pero’ xi jkollom fil-fond ta’ qalbhom ma nkunx naf.

     

    Li sservi lill-kompożitur huwa dak li jixpruna il min ikun qed idoqq? Kif tqis eżattamet ir-rwol tiegħek? Li tispira lill-kantanti? Jew li twassal il-viżjoni tal-kompożitur?

    L-ewwel regola assoluta għandha tkun dejjem li sservi ’l-kompożizzjoni. Għalija mhix diffiċli ħafna li nżomm din quddiem għajnejja peress li jiena stess kompożitur u għaldaqstant nifhem li d-dover ta’ min qed jesegwixxi huwa li jagħti l-ħajja lil dawk in-noti li hemm miktubin fuq il-karta. Iżda, sfortunatament, kemm-il darba rajna mużiċisti, kantanti jew diretturi li bl-aġir tagħhom ikunu qed jiġbdu l-attenzjoni fuqhom aktar milli fuq il-kompożizzjoni.  

     

    Il-konduttur huwa l-ogħla persuna tal-ġerarkija f'orkesrta jew kor?

    Meta bdejt nistudja d-direzzjoni fl-Università ta’ Malta kelli ktieb li kien jittratta l-aspett tekniku tad-direzzjoni.L-aħħar sentenza tal-ktieb, li dak iż-żmien kienet iddiżżapuntatni ħafna, kienet “only 5% of conducting is conducting.” Dak iż-żmien ma fhimtix ... jew ma xtaqtx nifimha. Meta bdejt il-karriera ta’ direttur indunajt kemm kellu raġun! Fil-verità xogħol id-direttur huwa ħafna aktar minn dak li jaraw in-nies. Għal direttur li jagħmel ix-xogħol tiegħu b’passjoni u b’dedikazzjoni, il-ġerarkija mhix importanti.

     

    Il-lingwa teknika tal-mużika u l-vokabularju naturali tal-konduttur kemm jinkoraġixxu jew jimmotivaw lin-nies?

    Il-mużika hija lingwaġġ għalih u l-iktar li tapprezzah huwa metatara mużiċisti jikkomunikaw ma’ xulxin permezz ta’ dak il-lingwaġġ biss. Mhux l-ewwel darba li nitkellem bil-Malti jew bl-Ingliż u ma niftehimx iżda mbagħad nidderieġi mużiċisti jew kantanti li anqas biss ngħidu kelma waħda bejnietna iżda niftehmu perfettament permezz tal-lingwaġġ mużikali. Bl-istess mod li xi kultant ma jkunx possibbli li tittraduċi kelma minn lingwa għal oħra, daqstant ieħor mhux faċli li titkellem fuq il-mużika jekk mhux b’dak l-istess lingwaġġ.

     

    Tħoss differenza meta tikkonduċi sinfonija? Jezisti forom fiiferenti ta' sensittività għall-opri jew ħidmiet sinfoniċi?

    Għalkemm it-teknika u l-iskop huma dejjem l-istess, naturalment jeżistu differenzi kunċettwali għal kull xogħol differenti li tidderieġi(mod, ngħidu aħna, qiegħed tidderieġi innu liturġiku u mod qed tidderieġi opra).Iżda xogħol id-direttur ma jinbidel qatt: dak li, l-ewwel u qabel kollox, ikun il-mezz li permezz tiegħu kompożizzjonitingħata l-ħajja. 

     

    X'inhuma l-kriterji kruċjali biex tistabilixxi l-kredibiltà tiegħek mal-orkestra jew kor?

    Matul is-snin diversi diretturi addottaw metodi differenti, skont l-epoka u l-kultura li trabbew fiha, sabiex jiksbu l-kredibilità. Naħseb jistgħu jinkitbu volumi sħaħ dwar dan. Iżda naħseb l-aħjar mod li tkun taf jekk ksibtx il-kredibilità tal-kor jew orkestra huwa jekk ir-riżultat finali jkunx resaq viċin ta’ dak li kellek f’moħħok.

     

    Huwa sigur li tassumi li l-mużiċisti kollha jikkondividu l-istess imħabba għall-mużika u l-istess sens ta' motivazzjoni għax-xogħol tagħhom?

    Assolutament li mhux il-każ. L-ebda mużiċist mhu bħall-ieħor u għaldaqstant l-imħabba, il-gosti u l-motivazzjoni ma tista’ qatt tkun l-istess. L-istorja tgħallimna li kien hemm diversi każi ta’ mużiċisti li kellhom problemi, ħa ngħidilhom hekk, extra-mużikali ma’ xulxin li mbagħad b’mod kważi maġiku kienu jisparixxu malli jibdew idoqqu flimkien. Fl-aħħar mill-aħħar, li jgħodd huwa r-riżultat mużikali aħħari. 

     

    Mużiċisti tal-orkestra kemm jaffordjaw li jkunu individwalisti? Kif issib il-bilanċ meħtieġ bejn wirja individwali u wirja ta' tim?

    Jiddependi mill-istrument u mill-pożizzjoni. Vjolinist tal-fila xogħolu huwa li jdoqq ma’ sezzjoni u allura importanti li jkollu d-dixxiplina meħtieġa għal dan. Mill-banda l-oħra prim vjolin, prim obwe jew prim klarinett, li ħafna drabi jkollom solijiet kbar, importanti ħafna li ikollom natural individwalista u t-teknika meħtieġa biex tgħinhom jagħtu l-aħjar interpretazzjonijiet tagħhom. Biss xi kultant id-direttur jista’ jkollu bżonn jintervjeni sabiex jinstab il-bilanċ tajjeb bejn eżekuzzjonijiet individwalisti u dawk kollettivi.  

     

    Tħallihom jispirawk?

    Assolutament iva. Jien nispira ruħi kontinwament minn kollox u minn kulħadd iżda naturalment niffiltra kollox u nżomm biss dak li narah kompatibbli mal-interpretazzjoni tiegħi.

     

    Ma' liema strumenti jew vuċijiet, il-konduttur ikollu l-iktar relazzjonai ta' xogħol intensiva?

    Ma’ kulħadd iżda fil-każ tiegħi ma’ dawk li l-inqas normali li taħseb fihom. Ħafna drabi l-aktar sezzjonijiet li jingħataw importanza huma dawk li jkunu qed jagħmlu l-melodija (il-primi vjolini fl-orkestra jew is-soprani fil-korijiet) jew il-baxx (ċelli u kuntrabaxxi fl-orkestra jew baxxi fil-kor). Jien nagħti ħafna aktar mportanza lill-‘vuċijiet’ interni (bħal sekondi vjolini, vjoli, alti u tenuri) u dejjem sibt li r-riżultat globali jitjieb aktar ma dawn is-sezzjonijiet ikunu tajbin. 

     

    Eżattament il-mużiċist lejn xiex ikun qed iħares meta jħolli rasu għal ftit minn fuq l-istrument tiegħu?

    Mużiċist ma jħarisx biss lejn id-direttur għat-temp tal-mużika. Aktar importanti minn hekk, mużiċist ikun jistenna li jifhem il-karattru tal-mużika meta jħares lejn id-direttur peress li dan ma jiftiehemx b’mod awtomatiku mill-karta stampata. Iżda għajnejn id-direttur jagħtu ħafna aktar minn hekk: jistgħu jagħtu sigurtà, komfort, kumpliment ... u kultant xi twiddiba wkoll.

     

    Membru tal-Orkestra Filarmonika ta' Vjenna darba qal li f'xi punt mużiċist jista' jdoqq mingħajr konduttur li jmexxih. Hemm xi verità f'dan? 

    Bit-tradizzjoni li għandhom il-Vienna Philharmonic Orchestra nemmen li jistgħu jagħmluha. U għal dawk il-ftit diretturi ta’ klassi mondjali li jkollom ix-xorti jaslu s’hemm nemmen li ftit tagħmel differenza meta jkollok quddieme orkestra bi tradizzjoni li tmur lura sa Brahms u Strauss infushom. Però fid-dinja hemm ħafna aktar eluf ta’ diretturi li jaħdmu fuq diversi livelli edukattivi, amatorjali u anke professjonali li x-xogħol tagħhom jagħmel ħafna differenza u fil-fatt ikun kruċjali għas-suċċess jew nuqqas tiegħu ta’ grupp mużikali. 

     

    Ġieli esperjenzajt sitwazzjoni fejn ħassejt li ma stajtx toħroġ l-aħjar mill-orkestra?

    Id-direttur kbir Herbert von Karajan kien jgħid li waqt il-kunċert jingħalaq ġo fih innifsu (fil-fatt anke kien jidderieġi kunċerti sħaħ b’għajnejh magħluqa) sabiex jisma’ biss l-interpretazzjoni ta’ ġo fih. Dan għaliex kien iħoss li l-ebda orkestra jew kor qatt ma setgħu ituh eżattament dak li kien qed jimmaġina. Filwaqt li dan huwa argument dibattibbli ħafna, għal min hu perfezzjonista bħali, huwa normalissimu li l-ebda eżekuzzjoni qatt ma tkun kollha kemm hi ‘perfetta’. Allura nittamaw li noqorbu kemm jista’ jkun.

     

    Daniel Barenboim kien qal li l-kondutturi għandhom jassumu li minn tal-inqas terz tal-mużiċisti jkunu jobgħoduh.

    Ma nafx eżattament ir-rata ta’ mużiċisti li ‘jobgħoduni’ imma biex Barenboim wasal biex jgħid hekk nassumi li kellu xi tip ta’ esperjenza personali. Waqt id-daqq dejjem nipprova nfittex l-aħjar u allura jista’ jkun li forsi tidher xi ftit antipatku ... iżda altrimenti, dejjem ippruvajt inżomm rapport personali u amikevoli mal-mużiċisti.

     

    Tipikament, kemm itulu relazzjonijiet bejn konduttur u orkestra?

    M’hemm l-ebda formola għal dan peress li, bħal kollox fil-ħajja, hemm bosta fatturi għal żwieġ feliċi. 

     

    Tiddeskrivi lilek innifsek bħala persuna fis-servizz tal-mużiċisti, bħal donnok arkitett soċjali biex tgħinhom jiżviluppaw fil-mużika?

    Mhux dejjem huwa l-każ. Meta nidderieġi korijiet / orkestri bħala guest xogħoli jkun biss mużikali: li noħroġ l-aħjar mill-mużiċisti li jkolli quddiemi u nagħti l-aħjar interpretazzjoni possibbli ta’ dak ix-xogħol. Dik hija n-norma fid-dinja professjonali u ma tkun qed tonqos lil ħadd b’daqshekk. Iżda bħala direttur mużikali tal-Kor Jubilate Deo, il-kor residenti fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann u fil-Parroċċa tan-Naxxar, l-istorja hija waħda kompletament differenti. Għalkemm il-mużika sagra tibqa’ ċ-ċentru tal-ħidma tagħna, xogħoli bħala direttur mużikali hawnhekk imur ħafna aktar minn hekk. Naf lin-nies tiegħi b’mod individwali; naf il-preġji u d-difetti tagħhom bħal ma huma jafu tiegħi. Maż-żmien ksibna l-fiduċja ta’ xulxin u r-rapport ma jibqax biss ta’ direttur u kantant. Matul dawn l-aħħar 15-il sena rajt koristi li bdew tfal u llum adulti, rajt nies jiġu għall-audition mbeżżgħin u llum saru vuċijiet importanti fil-kor, rajt nies jitwieldu u sfortunament rajt nies imutu. Flimkien nifirħu ma’ min jifraħ u nibku ma’ min jibki. L-ambjent huwa wieħed eqreb ta’ familja milli ta’ għaqda mużikali.   

     

    Kemm huwa diffiċli li żżomm l-istess standard waqt kunċerti differenti?

    Tant hemm ċirkustanzi li jistgħu jaffettwaw eżekuzzjoni li huwa prattikament impossibbli li żżomm l-istess livell minn kunċert għal ieħor jew minn ġurnata għall-oħra. Kull kunċert huwa storja, anke jekk tkun diġa esegwejtu mitt darba qabel. Hemm fatturi li huma esterni bħall-udjenza, l-akustika, t-temperatura u l-umdità biex insemmi ftit. Imbagħad hemm fatturi individwali bħall-istat fiżiku u l-istat mentali ta’ dik il-ġurnata. Issa, immaġina biss jekk timmultiplika dawn b’daqs kemm għandek mużiċisti quddiemek!    

     

    X'inhu l-għan aħħari tiegħek bħala direttur tal-mużika?

    L-iskop bħala direttur huwa li nagħti l-aħjar interpretazzjoni possibbli tax-xogħolijiet li nkun qed ninterpreta. Iżda jekk, permezz tal-mużika, jirnexxieli nqanqal lil xi ħadd spiritwalment hemmhekk inkun verament qed nilħaq l-iskop aħħari.

     

    Int persuna reliġjuża? Temmen f'Alla?

    Nemmen ħafna f’Alla u, bin-nuqqasijiet kollha tiegħi, nipprova ngħix kemm jista’ jkun ħajja tajba. Jien għandi fidi ferma li jien ma jien xejn li kieku Alla ma tanix it-talenti mużikali u li jien fid-dover li nħaddem bl-aħjar mod possibbli. Bħala kompożitur nemmen li jien sempliċiment mezz f’idejn il-Mulej sabiex inwassal il-messaġġ spiritwali tiegħU. Kull min jaf il-mużika tiegħi jaf li fil-maġġor parti tal-kompożizzjonijiet tiegħi nibni soundscape spiritwali li tittraxxendi l-barrieri tar-reliġjon, taż-żmien jew tas-soċjetà. 

     

    Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek?

    Nispera li b’ħafna mużika imma l-kumplament m’għandix idea. Inħalli f’idejn il-Bambin.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0