Tanalizza l-ħolm... temmen li dan jista' jkollu tifsir kbir għall-ħajja ta' kuljum

  • Aww 25, 2019 19:55
  • Miktub minn iNews
"

    Nadia Borg Bonaci - personalità magħrufa f'pajjiżna li tanalizza l-ħolm hekk kif skont hi dan jista' jkollu tifsir kbir għall-ħajja ta' kuljum.

    Kif beda l-interess tiegħek li tanalizza l-ħolm?

    Kollox beda bla ħsieb. Kelli interess li nagħmel programm fuq Radju Live FM. Kelli kotba fuq il-ħolm u ġietni idea li nipprova ninterpreta dak li joħolmu n-nies. Niftakar li kellimt lill-mibki iżda qatt minsi Joe Grima iżda ma sibtux hemm u għalhekk kien ikkuntattjani Gordon Caruana. Għedtlu bil-proposta tiegħi u jidher li ntgħoġbot mit-tmexxija tal-istazzjon tant li għaxart ijiem wara kont qed nippreżenta dan il-programm. Wara l-ewwel programmi bdew iċemplu n-nies u l-parteċipazzjoni min-naħa tagħhom bdiet tiżdied. Jien bdejt ninteressa ruħi tant li xtrajt kotba u anke dizzjunarju fuq il-ħolm. Bdejt nattendi seminars u anke għamilt kors tal-komunikazzjoni. Għalkemm għaddew 22 sena, is-suġġett għadu jogħġobni ferm. 

    Iżda fuq kollox x’definizzjoni tagħti tal-ħolm?

    Nista’ nagħti definizzjoni tal-ħolm billi ngħid li hi definizzjoni ċara ta’ thewdin, tqanqil u turbolenzi psikoloġiċi li jridu jiġu pproċessati. Hu wkoll mod ieħor ta’ kif naħsbu fejn waqt l-irqad isir proċess bl-informazzjoni li aħna niġbru matul il-ġurnata skont l-importanza tagħha. Mill-ħames sensi li għandna hemm informazzjoni importanti u oħra inqas u hawnhekk fejn il-moħħ iqassamha. Niltaqa’ ma’ ħafna persuni li jgħiduli li joħolmu b’dak li jkun seħħ matul il-ġurnata.

    Imma aħna għaliex noħolmu?

    Għad m’hemmx raġuni xjentifikament ċara għalfejn noħolmu. Meta saru xi esperimenti fuq il-qtates hemm dik li bl-Ingliż isejħulha rapid eye movement li ma jħalluhomx joħolmu. U meta jiġri hekk jibdew juru sinjali ta’ diżorjentazzjoni.

    Għalhekk nasal biex ngħid li l-ħolm jgħin u jibbilanċja l-bniedem. Wara kollox aħna mmorru norqdu għax ikollna bżonn u fuq kollox biex nistrieħu wara ġurnata għaddejjin. 

    Kulħadd jista’ joħlom?

    Iva tista’ tgħid li kull ħlejqa kapaċi toħlom. Anke l-annimali. Mhux kulħadd jiftakar il-ħolma tiegħu. Jista’ jkun hemm diversi raġunijiet. Fost l-oħrajn hemm sitwazzjonijiet li wieħed ma jridx jaffaċċja u li jispiċċa joħlomhom. Il-bniedem għandu mod kif jimblokka dak li ma jridx jara għalkemm l-impatt joħroġ snin wara. 

    Kemm tidħol il-psikoloġija fix-xogħol tiegħek?

    Jien ma studjajtx psikoloġija għalkemm bħala bnedmin nużawha kuljum. Eżempju ta’ dan hu kif nitkellmu jew nagħdru lil xulxin. 

    Kemm idum il-ħolm?

    Mhux dejjem xorta. Jaf idum ftit minuti u tkun qisek qed tara film. Taf tagħmel nofs siegħa u siegħa toħlom. Xjentifikament huwa ppruvat li bniedem kapaċi joħlom erba’ darbiet matul il-lejl. 

    Għaliex ma niftakrux il-ħolm?

    Kif għedtlek hemm min ma jridx jiftakar. Hemm min m’għandux għalfejn jiftakar. Persuna li tiltaqa’ ma’ bnedmin oħrajn taf ikollha emozzjonijiet diversi ma’ kull wieħed minnhom. 

    Għaliex noħolmu mumenti negattivi?

    Nista’ nikkonferma li jiġuni nies li jgħiduli li iktar joħolmu ikrah milli sabiħ. U meta jiġri hekk bħal qisu nixxukkjaw ruħna. Min jaf kemm il-darba tkun qomt f’nofs ta’ lejl b’nifsek maqtugħ għax tkun ħlomt xi ħaġa tal-biża’. Hi xi ħaġa normali għalkemm l-emozzjoni xejn ma tkun sabiħa. 

    Kif jirnexxielek tassoċja l-ħolm mal-esperjenzi tal-ħajja?

    Ifhem tidra u xi kultant tuża’ wkoll il-loġika. Il-ħolm narah bħala lingwa simbolika li kapaċi timraħ ħafna. Eżempju ta’ dan minn joħlom fuq il-baħar, ikun qed jara aktar mill-viċin dak li nħossu ġewwa fina.  Madankollu mhux dejjem nassoċjaha oġġett jew kreatura kif suppost. Għalkemm il-kelb huwa l-ikbar ħabib tal-bniedem, min ikun ġarrab xi ħaġa tal-biża’ ser jara dan l-annimal b’lenti differenti. Min jaf forsi t-tali persuna ġie attakkat minn kelb u għalhekk ser jibqa’ jibża’ minnu. 

    Meta xi ħadd joħlom li jaqa’ mill-għoli x’ikun ifisser dak?

    Tfisser ansjeta’, inċertezza u dubju. Meta int qed taqa’ mill-għoli ma tafx fejn ser tiġi. U għalhekk m’hemm l-ebda konvinzjoni ċara dwar x’ser jiġri minnek dak il-ħin tal-ħolma. 

    U jekk noħlom li waqgħuli snieni matul il-lejl?

    Anke hemmhekk nara li hemm ansjeta’ kbir au nuqqas ta’ fiduċja fik innifsek. Ma tħossokx komdu bis-sitwazzjoni. 

    Hawn min joħlom bid-djar ukoll hux hekk?

    Il-ħalliem, iġifieri l-individwu li joħlom, iħares lejh innifsu b’diversi modi. Għalhekk meta joħlom fuq id-dar, ikun qed juża’ dik il-viżjoni biex jirrelata miegħu nnifsu. Meta joħlom li għandu d-dar ser taqa’ biċċiet, iċ-ċansijiet huma li dak il-bniedem ma jiħux ħsieb tiegħu nnifsu. Dar sabiħa bil-kontra, jfissru li bniedem kuntent bid-dehra tiegħu. Imbagħad ikun hemm kmamar fid-dar li ma kinux jafu bihom. Jekk tkun qed tirrifletti ftit tinduna li dawn għandhom talenti jew kwalitajiet moħbija. Hawn min sab ukoll kamra vojta waqt ħolma. 

    Jgħidu li waqt il-lejl il-moħħ iktar jaħdem. Veru dan kollu?

    Verissimu. Moħħna jibqa’ għaddej jaħseb u matul il-lejl ma jkunx imxekkel bl-attivitajiet li jkollna matul il-jum. Il-konxju jkollu ċans jaħdem iktar. U għalhekk dak li ma kellekx ċans taħseb matul il-ġurnata ssibu quddiem matul il-lejl permezz tal-ħsibijiet jew ħolm. 

    X’inhu s-sodisfazzjon li tħoss f’dan ix-xogħol?

    Inħoss ħafna sodisfazzjon. Meta bniedem jibki, jien nibki miegħu. Imbagħad inħossni aħjar. Fil-verita’ għalija dan lanqas narah bħala xogħol iżda kważi kważi l-passatemp favorit tiegħi. Inħobb ħafna niltaqa’ man-nies u fuq kollox ngħinhom għall-aħjar. 

    Ġieli smajt li jaqraw ħolm mal-ispirti?

    Jien ma narax spirti. Jien la jien medium u lanqas ma naqra l-futur. Jien ngħin u ninterpreta l-ħolm ta’ min jiġi għandi. 

    Kemm huma viċin tagħna dawk in-nies li jiġu minnha iżda m’għadhomx magħna?

    Il-ħolm hu mezz sabiex il-maħbubin tagħna jiġu jżuruna meta jridu huma u hemm inġeddu mhux biss il-memorji iżda r-rabta magħhom. Huma jinkwetaw għalina minkejja li mietu u l-ispirtu tagħhom jgħix fina għal dejjem.

    X’tip ta’ ħolm ieħor jeżisti u li hu relatat mal-persuna?

    Ikun hemm ħafna tipi ta’ ħolm u fażijiet meta dawn iseħħu. Il-ħolm komuni hu bil-ġrieden u anke dan kollu huwa simboliku. Meta toħlom b’dan l-annimal, trid toqgħod attent għax jaf jidħol inkissinkiss. Il-ġurdien minnu nnifsu hu makakk. Dan jista’ jissimbolizza nies li huma viċin tagħna u li lesti jagħmlulna l-ħsara. Ġieli l-ġurdien ikun il-ħalliem innifsu minħabba li jassedja ruħu b’ħafna suspetti u dubji fuqu nnifsu. Dan jindika wkoll nuqqas ta’ kunfidenza. Il-bniedem faċli jipponta subgħajh lejh speċjalment jekk ikun introvert u magħluq fih innifsu. 

    Ix-xogħol tiegħek ilaqqgħek ukoll ma’ ħafna tbatija. Kif tibqa’ daqshekk pożittiva?

    Mill-esperjenza tgħallimt li għandi nkun pożittiva. Minkejja li jien inħoss dak li tħoss il-persuna l-oħra, tgħallimt li kif titlaq minn ħdejja jien nitlob għaliha iżda fl-istess ħin ma nittaqqalx bil-problemi tagħha. Meta nkun qed nitlob għaliha nkun nixtiqilha ħafna ġid. 

    Kemm temmen f’Alla?

    Nemmen ħafna f’Alla u anke l-anġli. Issa jien mhux xi bniedma li mmur quddies ta’ spiss iżda għandi talba favorita li hi l-Missierna. Jien nitkellem miegħu u Hu jkellimna lura permezz tat-talb. 

    Kemm hu importanti li l-bniedem ikollu t-tama u l-fidi f’ħajtu?

    Hu ferm importanti li dawn iż-żewġ elementi jkunu f’ħajjet il-bniedem. Jekk ma jkollokx dawn x’tagħmel? Importanti li jkollok it-tama u l-fidi mhux biss f’Alla iżda wkoll fl-enerġija tiegħek. Hawn min ma jemmen f’xejn iżda għandu dawn iż-żewġ kwalitajiet fih.

    Nixtieqek tgħaddili l-aħħar messaġġ dwar kemm hu importanti li tkun pożittiv fil-ħajja. 

    Kun pożittiv, emmen fik innifsek u twaħħalx fik innifsek. Kun lest li tbiddel ħajtek għax li tkun kuntent bik innifsek hi l-aqwa mediċina għal ħajja aħjar. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0