L-istorja tal-Parroċċa Marija Reġina miġbura fi ktieb ġdid

  • Aww 22, 2019 10:24
  • Miktub minn iNews
"
    Kien Patri Feliċjan Bilocca OFM Cap li meta kien Kappillan tal-Parroċċa Trinità Qaddisa ra l-ħtieġa li l-parti tan-naħa ta’ fuq tal-Marsa tkun milħuqa pastoralment aħjar. Huwa ħa l-inizjattiva biex, waqt li bħala miżura temporanja f’Lulju tal-1956 beda jintuża garaxx fi Triq Isouard misluf apposta biex jintuża bħala kappella, inġabru l-flejjes meħtieġa minn fost l-abitanti Marsin biex tinbena knisja ġdida biex taqdi l-ħtiġijiet spiritwali u soċjali tagħhom.
     
    Din il-ħolma twettqet nhar l-10 ta’ Diċembru 1961 bl-inawgurazzjoni ta’ knisja li ġiet iddedikata lill-Madonna tad-Dmugħ. Wara biss ħames snin li kienet ilha miftuħa, b’digriet maħruġ minn Mons Arċisqof Mikiel Gonzi fil-25 ta’ Jannar 1967, il-Knisja tal-Madonna tad-Dmugħ ġiet imwaqqfa uffiċjalment bħala parroċċa b’seħħ mill-1 ta’ Frar 1967. Wara l-ewwel festa titulari li saret fit-3 ta’ Settembru 1967, inħass li t-titular ma kienx wieħed adattat. Għalhekk saret talba biex jinbidel it-titular u flok tal-Madonna tad-Dmugħ isir dak ta’ Marija Reġina. Din it-talba ntlaqgħet fis-26 ta’ Ġunju 1968.
     
    Minn dakinhar għadda nofs seklu ta’ ġrajjiet li sawwru l-istorja tal-poplu Marsi. Dawn il-ġrajjiet ġew iddokumentati għall-ewwel darba fi ktieb ġdid li hu frott ta’ riċerka fil-fond li tmur sa mill-bidu tat-twaqqif tal-parroċċa. Il-ktieb ‘Storja tal-Knisja u tal-Paroċċa Marija Reġina - Marsa’, miktub mill-istoriku Marsi Pawlu Dimech, jagħti l-isfond storiku flimkien ma’ dettalji dwar il-bini tal-knisja, in-nies li kienu pijunieri fit-twaqqif tagħha u anke dawk li żammew dan it-tempju u l-poplu tiegħu ħajjin fi spirtu Nisrani u ta’ Komunità.
     
    Dan il-ktieb ifakkar il-50 Anniversarju mit-twaqqif tal-Parroċċa Marija Reġina (1967-2017), u l-50 Sena mill-bdil tat-titular minn dak tal-Madonna tad-Dmugħ (1968-2018). Jagħmel ukoll tentattiv biex jiżviluppa perspettiva fuq l-iżvilupp u l-bidliet li għaddiet minnhom il-Marsa, it-territorju tal-parroċċa u l-knisja nnifisha. Il-pubblikazzjoni hija maqsuma fi tliet partijiet.
     
    L-ewwel parti tagħti ħarsa fuq il-Marsa inġenerali kif ukoll il-Kult Marjan sa minn żminijiet ferm ’il bogħod qabel it-twaqqif tal-parroċċa; saħansitra jmur lura sal-kappella magħrufa bħala Ta’ Ċeppuna li tmur lura sal-1500. F’din it-taqsima l-awtur jitkellem ukoll dwar il-ħsieb primarju tal-bini tal-knisja; kif il-ħolma saret realtà u l-ewwel ħidmiet fil-knisja l-ġdida. Jagħti wkoll ħarsa lejn l-anniversarji importanti ċċelebrati matul is-snin kemm ilha mwaqqfa.
     
    Fit-tieni taqsima tingħata ħarsa lejn il-ħidma bla heda li l-Patrijiet Franġiskani Kapuċċini wettqu fil-knisja permezz ta’ bosta opri artistiċi, kif ukoll jagħti dettalji dwar binjiet oħra li l-parroċċa għandha fis-servizz tagħha u l-ħidma pastorali mwettqa.
     
    It-tielet taqsima tal-ktieb tittratta dwar il-ħajja parrokkjali madwar l-għaqdiet fi ħdanha, kemm dawk reliġjużi kif ukoll soċjali. Il-ħidma u l-għanijiet tagħhom, u kif permezz tagħhom il-parroċċa tista’ tibqa’ ħajja u tkabbar iktar ħidma fost il-poplu tagħha. Il-ktieb jagħlaq permezz ta’ bosta innijiet u poeziji miktubin matul is-snin biex jagħtu ġieħ lil Sidtna Marija Reġina.
     
    Kopji tal-ktieb ‘Storja tal-Knisja u tal-Parroċċa Marija Reġina - Marsa’ jistgħu jinkisbu mis-Sagristija, mill-Ufiċċju Parrokkjali, kif ukoll mingħand il-Fraternità tal-Patrijiet Kapuċċini tal-istess parroċċa. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0