“Din mhijiex kwistjoni ta’ pika!” - Għaqda Mużikali San Leonardu

  • Aww 19, 2019 15:06
  • Miktub minn iNews
"

    “Huwa tassew diżappuntanti meta l-istess mexxejja tal-Knisja tagħna, li sa ftit ilu kienu sensittivi biżżejjed li jikkritikaw l-iżvilupp żejjed u l-qerda tal-patrimonju kulturali, mhux biss ikkunsidraw imma saħansitra approvaw il-kummissjoni ta’ kwadru ġdid li ser jieħu post ieħor storiku minkejja li dan tal-aħħar għadu integru u ma jinsab fl-ebda riskju li ser tiġrilu l-ħsara fejn qiegħed. Qegħdin nirreferu għad-digriet infeliċi u insensittiv imħabbar mill-Kappillan ta’ Ħal Kirkop Fr Martin Cardona l-Ħadd 14 ta’ Lulju, u li bih il-Kurja Arċiveskovili approvat l-introduzzjoni ta’ kwadru ġdid għas-skapitu ta’ kwadru tas-seklu 18 mill-kuntest ta’ Francesco Zahra. B’konsegwenza ta’ dan il-kwadru storiku ser jinqala’ minn postu u jitneħħa mill-kuntest oriġinali tiegħu sabiex jitwarrab fi knisja filjali oħra.”

    Dan iddikjaratu l-Għaqda Mużikali San Leonardo ta’ Ħal Kirkop. Komplew jgħidu li “aktar diżappuntanti minn hekk hu l-fatt li hawn min qiegħed jaħseb li l-protesti tagħna għal dan kollu hu frott il-pika parrokkjali u li t-talba tagħna għal kunsiderazzjonijiet etiċi ġew interpretati mill-imħuħ magħluqa bħala tixrid ta’ nofs veritajiet bl-iskop li jinħoloq tfixkil fit-tkomplija ta’ dan il-proġett. M’huwiex minnu li opponejna għax ser tidher xbieha ta’ San Ġużepp, tant li fl-istess stqarrija kkonfermajna bla tlaqliq li m’għandniex problema li jiġi introdott kwadru li jirrappreżenta lil San Ġużepp, ma naqblux biss li dan għandu jsir għas-skapitu ta’ kwadru storiku. Jiddispjaċina imma l-pika mhix il-logħba tagħna, u b’xorti tajba ħarġu fil-pubbliku esperti ‘indipendenti’ mill-oqsma tal-istorja tal-arti u minn dak tal-patrimonju kulturali sabiex jesprimu d-diżappunt totali tagħhom. Id-Dipartiment tal-Arti u l-Istorja tal-Arti tkellmu ċar, bħalma għamlu professjonisti oħra fis-settur. Bosta kienu dawk l-artisti u saħansitra nies f’oqsma varji tal-Knisja li wrew sensittività għat-talbiet tagħna, u qablu magħna li hemm bżonn urġenti li jerfgħu isiru r-rikonsiderazzjonijiet tal-każ għaliex din kienet deċiżjoni mgħaġġla u mhux infurmata biżżejjed. Bosta huma dawk li jistgħu jitkellmu b’bażi soda, imma għadhom m’esprimewx ruħhom fil-pubbliku. 

    “Nixtiequ nfakkru lill-qarrejja li l-Kurja Arċiveskovili approvat li jsir kwadru t’altar ġdid għal wieħed mill-altari laterali tal-Knisja ta’ Ħal Kirkop. L-artist fdat b’dan il-proġett huwa t-teknikament bravu Manuel Farrugia li ser ikun qiegħed ipitter il-Mewt ta’ San Ġużepp. Id-diffikultà li aħna, u l-esperti li tkellmu, qegħdin insibu li naċċettaw dan bħala talba fil-parametri tal-konvenzjonijiet tal-konservazzjoni li jiggarantixxu l-aqwa prattiċi tal-]arsien tal-wirt kulturali, ġejja mill-fatt li dan il-kwadru l-ġdid ser jieħu post kwadru storiku tal-Madonna tad-Duluri mill-kuntest ta’ Francesco Zahra – li hu meqjus bħala l-aktar pittur Malti importanti ta’ nofs is-seklu 18. Dan il-kwadru ser jinqala’ minn postu b’kapriċċ. Huwa databbli għas-snin bejn l-1740 u l-1750, u kien ġie kkummissjonat proprju għall-altar fejn jinsab sabiex jimmanifesta devozzjoni lejn id-Duluri li minn tal-anqas tmur lura g]all-21 ta’ Novembru 1721, meta Marozza Ellul b’kuntratt quddiem in-nutar Marc Antonio Brincat, waqqfet fondazzjoni għaċ-ċelebrazzjoni tal-festa tal-Madonna tad-Duluri ġewwa Ħal Kirkop. Dan il-proġett il-ġdid ser iġenneb għal kollox din id-devozzjoni storika li sawret parti mill-identità reliġjuża tal-kommunità Koppija, tant hu hekk li lanqas it-tema oriġinali m’hi ser tiġi rispettata fil-kwadru l-ġdid. 

    “Id-digriet tal-Arċisqof jindika li dan il-kwadru tad-Duluri ta’ nofs is-seklu 18 “ser ikun ippreservat” fil-knisja filjali tal-Lunzjata, u hawn fejn qegħdin iżidu l-melħ mal-ferita. Kif tistà tgħid li ser “tippreserva” pittura storika billi tneħħija mill-kuntest oriġinali tagħha? Meta konvenzjonijiet fundamentali tal-ħarsien tal-patrimonju, bħalma hu l-Venice Charter (1964), li hu meqjus bħala l-omm ta’ kull konvenzjoni internazzjonali tar-restawr, u l-konvenzjonijiet kollha li ġew wara, jenfasizzaw kif ir-rabta bejn l-opra tal-arti u kuntest storiku u fiżiku awtentiku tiegħu hija sagrosanta u m’għandom qatt jiġu separati għall-ebda raġuni (The Venice Charter, 1964, artikli 6, 7, 8; The Burra Charter, 2013, artiklu 9). Għaldaqstant il-lokazzjoni u l-post oriġinali tal-opra tal-arti hi parti integrali mill-valur kulturali u storiku tal-istess opra, u għaldaqstant ir-rilokazzjoni (meta opra tinqala’ minn postha u tittieħed post ieħor) hija altament inaċċettabli ħlief għal okkażjonijiet meta din tkun f’xi periklu u għalhekk iċ-ċaqliq tkun l-unika soluzzjoni li tiggarantixxi s-sopravivenza tal-istess opra (The Venice Charter, 1964, artikli 7, 8; The Burra Charter, 2013, artiklu 10). 

    “Kull tip ta’ xogħol ġdid jista’ biss jiġi aċċettat dment li jirrispetta u jsaħħaħ, u mhux jiskura jew jgħawweġ il-valur storiku u kulturali (The Burra Charter, 2013, artiklu 22). Dan kollu ma jfisser xejn għal min iddeċieda. Il-kwadru ta’ Francesco Zahra “ser jiġi ppriservat” ‘il bogħod mill-kuntest storiku awtentiku tiegħu, fi knisja oħra (u hawn nisħqu li din hija knisja oħra li tintuża għal adorazzjoni u mhux mużew parrokkjali) fejn fiżikament ma fadal l-ebda spazju fejn din tista’ tiġi apprezzata mingħajr xkiel. U mingħajr ma nkunu tekniċi żżejjed dan l-ispazju joffri ambjent inferjuri ta’ “preservazzjoni” mill-knisja parrokkjali. 

    “Xi ħaġa bħal din tista’ biss isseħħ Malta, dan għax fil-maġġor parti tal-pajjiżi Ewropej l-entitajiet regolatorji tal-wirt kulturali ma jiddistingwux bejn il-Knisja u l-istat, dan sabiex jiggarantixxu li lkoll jimxu mal-aħjar prattiċi fis-settur, fl-interess tal-istess patrimonju storiku kulturali. L-Att Dwar il-Patrimonju Kulturali ta’ Malta (Cultural Heritage Act) f’ artiklu 52 (1) jg]id li “sa dak iż-żmien li jista’ jkun hemm ftehim bejn l-awtoritajiet kompetenti ċivili u dawk ekklesjastiċi, proprjetà kulturali li tkun 

    tappartjeni lill-Knisja Kattolika inkluż lill-Ordnijiet Reliġjużi Kattoliċi u intiża jew użata għal finijiet reliġjużi għandha taqa’ taħt ir-regolament u s-sovrintendenza esklużivi tal-Kummissjoni għall-Patrimonju Kulturali Kattoliku”. Fi kliem ieħor is-sovrintendenza tal-opri relġjjużi fil-knejjes taqa’ f’idejn il-Knisja. Is-sabiħa hi li f’dan il-każ il-Kummissjoni għall-Patrimonju Kulturali Kattolika ma’ taf xejn għax lanqas biss ġiet ikkonsultata dwar it-tneħħija tal-kwadru storiku tad-Duluri mill-knisja. Din hi tassew inkwetanti u tal-mistħija. Ninsabu ċerti li l-membri ta’ din il-Kummissjoni saru jafu bir-rilokazzjoni tal-kwadru mill-gazzetti. It-talba għal kwadru ġdid waslet biss għand il-Kummissjoni l-oħra tal-Kurja, il-Kummissjoni Arti Sagra li l-kompetenzi tagħha huma dawk li jikkunsidraw opri ġodda tal-arti mhux li jħarsu u jsaħħu l-patrimonju artistiku reliġjuż tagħna. Huwa probabbli li din il-kummissjoni lanqas biss kienet taf li dan il-kwadru l-ġdid ser isir għas-skapitu ta’ ieħor tas-seklu 18 ta’ Francesco Zahra, għax inkella dan jista’ biss jitqies bħala bord insensittiv u irrisponsabbli, jew bord li jċedi għall-pressjonijiet tas-superjuri. 

    “Deċiżjoni bħal din żgur li ser ikollha riperkussjonijiet mhux biss fuq il-wirt artistiku ta’ Ħal Kirkop, imma anke f’diversi parroċċi oħra. Dan għax sfortunatament ser jinħoloq preċedent li ser jippermetti lil dawk kollha li għalihom il-pika hi aktar importanti mill-għarfien artistiku, jressqu it-talbiet tagħhom għal bdil ta’ kwadri storiċi. X’għandom anqas minn ħaddieħor? Din ser tikkawża t-tneħħija ta’ aktar kwadri mill-kuntest storiku u oriġinali tagħhom b’detriment xejn feliċi għall-valur artistiku ta’ pajjiżna. Minkejja li jistgħu ma jkunux l-iprem kwadri tad-dinja, dawn il-kwadri tal-altari huma l-patrimonju tal-parroċċi u xhieda tal-identità storika u devozzjonali tal-kommunitajiet tagħna. Dawn jistgħu biss jiġu apprezzati b’mod sħiħ fil-kuntest oriġinali tagħhom”, tgħid l-Għaqda Mużikali San Leonardu.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0