Dun Ġorġ ma riedx titli

  • Aww 17, 2019 20:12
  • Miktub minn Robert Aloisio
"

    “L-unuri lill-knejjes u t-titli lill-kleru mhumiex se jaqtgħu l-għatx ta’ dawk li qegħdin ifittxu l-Aħbar it-Tajba f’dinja ta’ aħbarijiet ħżiena. Jitimgħu biss il-kburija vojta, il-preżunzjoni u r-rivalità tal-poplu ta’ Alla.”

    “Li ninkoraġġixxu jew nittoleraw tip ta’ saċerdozju, anke fost rekluti żgħażagħ, bħala t-triq għal pożizzjoni soċjali, poter, titli u insinji se jkompli biss jipperpetwa t-tip ta’ klerikaliżmu li jagħmel il-Knisja irrilevanti. L-istess jista’ jingħad għal liturġija u prietki mwaħħlin f’lingwaġġ glorifikat imma bla sens f’isem ‘ortodossija’ falza jew ‘fedeltà’ għal tradizzjonijiet mejta.”

    Hekk kiteb tliet ġimgħat ilu fis-Sunday Times of Malta, Pawlu Chetcuti, il-Ġiżwita anzjan b’qalb żagħżugħa, f’artiklu qasir imma jaqta’ fil-laħam il-ħaj, bl-isem “A San Damiano moment for the local Church”. 

    Il-Klerikaliżmu

    F’dawn l-aħħar snin, fil-Knisja Maltija qegħdin naraw ruxxmata titli ġodda lil knejjes u saċerdoti. Bażiliċi, knejjes arċipretali u l-bqija. U numru mhux żgħir ta’ qassisin żgħażagħ jedhew fl-ilbiesi u ċ-ċerimonji. Tendenza li tmur kontra dak li jipprietka u jgħix il-Papa Franġisku. Papa li ma jarawhx ħelu dawk li huma ankrati fil-passat medjevali. Iżda, fuq kollox, tendenza li tmur kontra dak li pprietka u għex Ġesù Kristu, li ħabb u għex il-faqar u li żgur ma kienx jiddeletta bit-titli u l-ilbies sabiħ.

    Papa Franġisku, f’intervista li kellu s-sena l-oħra, irrakkonta kif isqof qallu, “li mar Euroclero – ħanut ta’ ħwejjeġ tal-qassisin ħdejn Pjazza San Pietru, fil-Vatikan – biex jixtri qmis, u hemm sab qassis żagħżugħ li lanqas kellu 25 sena... Kien qed jipprova xi affarijiet, bħal mant klerikali b’żewġ medaljuni tal-fidda, u jara lilu nnifsu fil-mera biex jara kif jidher. L-Isqof baqa’ jħares lejh u ma riedx jemmen.”

    “Il-qassis żagħżugħ imbagħad ipprova kappell, cappello romano, u l-isqof kien għadu ma jridx jemmen lil għajnejh. Sewwa, dak il-flien, b’dak il-ħwejjeġ klerikali fuqu, kien iktar mundan minn kwalunkwe qassis ieħor li jħobb lil Ġesù anke jekk dan ikun liebes qmis.” (Il-Qawwa tal-Vokazzjoni)

    Perverżjoni tal-Ħajja tal-Knisja

    Papa Franġisku jkompli jgħid fl-istess intervista li, “waħda mill-konsegwenzi ta’ formazzjoni skorretta li tinkwetani l-iktar hija l-klerikaliżmu. Bla dubju, din hija waħda mill-iktar perverżjonijiet serji... fil-ħajja tal-Knisja; għalhekk irridu noqogħdu attenti ħafna minnha... fil-formazzjoni tas-seminaristi fid-djoċesijiet... Tipperverti dik li hi n-natura tal-Knisja, tal-Poplu qaddis u fidil ta’ Alla, kif tistqarr il-Kostituzzjoni Konċiljari Lumen Gentium. Din hija kbira għax lill-Poplu ta’ Alla se jaqdu.”

    “Wieħed mhemmx bżonn ikun membru tal-kleru biex ikun klerikali. Hemm klerikaliżmu li jimmanifesta ruħu f’nies li jgħixu b’attitudni ta’ ‘segregazzjoni’, b’imneħirhom imxammar, jissegregaw b’mod ħażin. Jgħixu bħallikieku għandhom irwol aristokratiku fejn l-oħrajn. Il-klerikaliżmu huwa artistokrazija... Dan jidher fl-attitudnijiet ta’ min jikkunsidra ruħu ’l fuq mill-Poplu qaddis u fidil ta’ Alla.”

    “Meta jkun hemm il-klerikaliżmu, l-‘aristokratiżmu’, l-‘elitiżmu’, il-Poplu ta’ Alla mhuwiex hemm, u dan hu li fl-aħħar mill-aħħar jorjentak... Hija dik il-qrubija man-nies fil-parroċċa; dawk fl-iskola, il-ġenituri tat-tfal, kif ukoll it-tfal infushom; dawk fl-isptar, il-morda, dawk li jorjentawk. Ir-reliġjuż klerikali mhuwiex inserit. U hemm qiegħda ċ-ċavetta. Il-kelma ‘inseriment’ hija ċ-ċavetta... Il-klerikaliżmu huwa l-oppost tal-inseriment. Il-klerikalista huwa parti minn elite, u ma jarax lilu nnifsu fin-nies. U dak jista’ jkollu konsegwenzi, speċjalment meta l-poter jitħaddem ħażin.”

    “Kif naraw, il-klerikaliżmu huwa l-għerq ta’ ħafna problemi. Anke wara l-każijiet ta’ abbuż, barra l-immaturità u n-nevrożi, hemm il-klerikaliżmu. Wieħed irid joqgħod attent ħafna minn dan matul il-formazzjoni. Jenħtieġ tiddixxerni u tgħinhom jiċċaraw l-immaturità u takkumpanjahom fi żvilupp san.” (Il-Qawwa tal-Vokazzjoni)

    Dun Ġorġ ma fittixx unuri

    Patri Alexander Bonnici jgħid li s-saċerdot qaddis Malti “Dun Ġorġ Preca kien iħossu mimli bil-hena għall-fatt li Alla sejjaħlu biex ikun ministru tiegħu bħala saċerdot. L-hena ma kienx fid-dinjità tiegħu imma fis-servizz li kien qed jagħti. Hu kien jidħak b’dawk il-boloh li jixxennqu għad-dinjità u għall-unuri fihom infushom.” (Dun Ġorġ Preca, Ħajja-Xhieda-Dokumenti, Vol. III, 1989)

    Is-soċju Indrì Cortis jirrakkonta li darba, Dun Ġorġ mar jagħmel lezzjoni fil-Museum tal-Ħamrun u wara l-lezzjoni d-diskors waqa’ fuq l-unuri li tagħti d-dinja. Bid-daħka fuq fommu, Dun Ġorġ kien qal: “Mur ara kieku l-Papa kellu jibgħatli n-nomina ta’ kardinal... Reverendus Georgius Preca, electus Cardinalis”! Waqt li reġa’ beda jidħak, qalilhom: “U jien lill-Papa nibgħat ngħidlu: ‘Santità, nirringrazzjak ħafna, imma kardinal agħmel lil ħaddieħor’.”

    Minkejja dan, ħafna, speċjalment qrabatu kienu jistagħġbu kif kważi l-qassisin kollha kienu laħqu xi ħaġa, u Dun Ġorġ, bniedem li għamel tant ġid, qatt ma laħaq xejn. Ma nafux jekk lil Preca qattx offrewlu xi dinjità fid-djoċesi, jew inkarigu, imqar ċkejken fil-parroċċa. Ħuh Albert, biex jinkih xi ftit, kien jgħidlu: “Sħabek kollha laħqu xi ħaġa. Imma int mank sagristan maġġur ma lħaqt!”

    Meta lil Dun Ġorġ għamluh Monsinjur

    Imbagħad fl-1952, meta Dun Ġorġ kellu 72 sena, l-Arċisqof Mikiel Gonzi għamel rikors lill-Papa Piju XII biex Preca jingħata l-ġieħ ta’ Kamrier Sigriet tal-Papa bit-titlu ta’ Monsinjur b’apprezzament għall-ħidma kbira tiegħu fil-katekeżi. Dun Ġorġ ma kien jaf xejn b’dan ir-rikors u kieku kien jaf bih ma kienx jaċċetta li jsir.

    Il-Vatikan laqa’ r-rikors ta’ Gonzi fit-2 ta’ Ottubru 1952 u l-biljett tan-nomina jġib il-firma ta’ Mons. Giovanni Battista Montini, Sostitut għas-Segretarju tal-Istat. Dan Montini, ħdax-il sena wara, sar Papa Pawlu VI. L-isem ta’ Dun Ġorġ Preca ġie ppubblikat uffiċjalment fid-Djarju tal-Kurja Rumana u beda jidher fl-Annuario Pontificio li kull sena jiġi ppubblikat mill-Vatikan.

    Ġimagħtejn wara, fl-20 ta’ Ottubru, lil Dun Ġorġ ċemplulu biex imur sal-Kurja kemm jista’ jkun malajr. Hu li kien dejjem jibża’ jersaq lejn il-Kurja – ma tantx kellu esperjenzi sbieħ fil-passat – beda jaħseb fiex seta’ żbalja jew x’seta’ għamel xi wieħed mis-soċji tal-Museum. Biex ma jonqosx lill-Arċisqof, Dun Ġorġ qabad karozza tal-kiri ħalli jasal il-Kurja malajr.

    “Neħħejtli l-feliċità li kelli!”

    Dun Ġorġ sab lil Gonzi jistennieh bi tbissima fuq xufftejh u filwaqt li urieh il-biljett tan-nomina qallu: “Dun Ġorġ, meta konna s-seminarju, dejjem niftakrek dilettant tal-Latin. Ara hawn x’għandi għalik”. Mal-ewwel daqqa t’għajn, Dun Ġorġ fehem x’kien ifisser dak il-biljett. Iżda minflok feraħ, huwa ħassu mnikket, u lil Gonzi qallu: “Eċċellenza, neħħejtli l-feliċità li kelli”. 

    Huwa kien iħobb jgħid, "Lili d-dinja ma offrietli xejn, imma Alla fawwarli qalbi bil-hena." Dun Ġorġ xtaq ma jaċċettax dik l-onorofiċenza, u ma kien jaċċetta qatt li kieku Gonzi ma qallux li dik in-nomina ġiet minn Ruma, u ma kinitx ħaġa ħafifa li tintbagħat lura. 

    Dun Ġorġ ħareġ imħawwad minn quddiem l-Arċisqof. Fil-Kurja, iltaqa’ wkoll mal-isqof qaddis Emmanuel Galea u qallu: “L-Arċisqof sewwidli qalbi u tellifni l-feliċità li kelli”. Dan bi tbissima wieġbu, “Mhux sewwidhielek, imma ħammarhielek, għax issa tista’ tilbes ta’ Monsinjur” u beda jidħak. Galea dar ukoll lejn xi sorijiet li kienu fil-Kurja u qalilhom: “Għidulu benedizzjoni lill-Monsinjur Dun Ġorġ Preca.”

    Fil-konfużjoni, Dun Ġorġ lanqas ftakar jieħu miegħu l-biljett Papali. Imma dan bagħtuhulu f’daru iżjed tard. Kif wasal lura d-dar mill-Kurja, oħtu Karmena u Bertu staqsewh x’kien ġara. B’wiċċ imnikket, qalilhom, “Ilħaqt monsinjur”. Dak il-ħin, ħutu nfexxew jidħku!

    Qatt ma libes ta’ Monsinjur

    Dun Ġorġ, li kulħadd kien jafu b’suttana qadima u bla eleganza, b’kappell li l-pil kien qed jaqagħlu, u b’żarbun goff, issa fi xjuħitu, kien se jkollu bżonn jibdel l-ilbies tiegħu f’ieħor addattat għal Monsinjur. Bħala membru tal-“familja nobbli tal-Papa”, illum magħrufa bħala l-Kamra Pontifiċja, Dun Ġorġ kellu dritt jilbes suttana vjola fis-servizzi liturġiċi, b’faxxa u firjolun vjola, kalzetti suwed, żarbun b’bokkla tal-fidda u kappell b’kurdun bi ġmiemem suwed. Imma minn dan kollu, Dun Ġorġ qatt ma libes xejn!

    Dun Ġorġ mhux biss ma tax kas li jagħmel l-ilbies ta’ monsinjur, talli ġieli ċċajta fuqu. Is-soċja Mary Azzopardi tgħid li “meta sar Monsinjur, ġie fil-Qasam tagħna tal-Bniet f’Birkirkara, u b’dik is-solita umiltà tiegħu, qalilna: ‘Għamluni monsinjur ta’ sold. Taqtgħux fejn mort nagħmilha l-libsa?’” Is-superjuri tal-Museum offrietlu li tidħol hi għall-ispejjeż tal-ilbies ta’ monsinjur imma Dun Ġorġ ma ried b’ebda mod.

    Darba, waqt laqgħa tal-kleru fl-oratorju ta’ San Ġwann, wieħed mill-monsinjuri, b’nofs ċajta, qallu: “Ma jmissekx għallinqas iżżid biċċa ħamra taħt il-kullar?” Imma Dun Ġorġ la biċċa ħamra taħt il-kullar ma ried u ebda tiżjin żejjed ieħor.

    Leħja ta’ Monsinjur

    Darba, qassis missjunarju fl-Indja, li kien qed ikellem lis-soċji tal-Museum waqt il-laqgħa ġenerali tal-Erbgħa, qalilhom: “Kif qalilkom Dun Ġorġ...”. Minnufih, Dun Ġorġ tah daqqa t’għajn u bid-daħka qallu: “Isma’, jekk jogħġbok, jiena monsinjur!” U kull min kien preżenti infaqa’ jidħak.

    Darb’oħra biex jiċċajta, waqt laqgħa ġenerali, lis-soċji qalilhom: “Tridux nibdew insejħu lil xulxin ‘Monsinjur’?” Waqt laqgħa oħra, qalilhom, “Kont għaddej minn Strada Rjali l-Ħamrun, u wieħed raġel qalli: ‘X’leħja għandek Sur Dun Ġorġ!’, u jien għedtlu: ‘Dik leħja ta’ Monsinjur’. Imma, meta tkellem bis-serjetà, Dun Ġorġ qatt ma ried li jsejħulu bit-titlu ta’ monsinjur.

    Kif Dun Ġorġ spiċċa minn Monsinjur

    Fl-1976, Patri Alexander Bonnici kien kiteb artiklu propju f’it-TORĊA, bl-isem “Kif Dun Ġorġ spiċċa minn Monsinjur”. F’dan l-artiklu, Bonnici fakkar li mal-mewt tal-Papa li jkun għamlek monsinjur int tispiċċa minn monsinjur, u jekk tkun tixtieq tibqa’ trid tagħmel supplika lill-Papa l-ġdid għal dan il-għan, xi ħaġa li ovvjament Dun Ġorġ ma għamilx.

    Papa Piju XII miet fid-9 ta’ Ottubru 1958. Bonnici jgħid: “Jiena kont ċert li Dun Ġorġ, mingħajr ma tkellem xejn, ħataf din l-okkażjoni biex ma jibqax iżjed monsinjur... Jiena nnifsi tkixxift ma’ Mons. Arthur Bonnici, is-segretarju ġenerali tal-arċidjoċesi biex inkun naf jekk saritx xi supplika għal Dun Ġorġ, u ġejt aċċertat li ma saritx. L-Arċisqof Gonzi, la ma ġiex mitlub minn Dun Ġorġ innifsu, ma ftakarx biex jieħu ħsieb li jiġġedded dak it-titlu li kien tħabat għalih hu stess.”

    Bonnici jtemm jgħid hekk: “Dan hu argument ieħor biex jipprova l-umiltà ta’ Dun Ġorġ... Li kieku hu tkellem li ma kienx se jitlob biex il-Papa Ġwanni XXIII jerġa’ jaħtru Monsinjur, ir-rinunzja tiegħu kienet issir magħrufa mill-Arċisqof, li żgur kien jitlob il-konferma tiegħu.”

    “F’dinja, li fiha tant bnedmin jitħabtu għall-unuri fiergħa, il-figura ta’ Dun Ġorġ li ssokta jirbaħ lilu nnifsu biex ma jiġġarrabx b’dan, tkompli tikber dejjem iżjed. Fi żmien li matulu, tant bnedmin li ma għamlu xejn speċjali, għadhom jitħabtu u saħansitra jixtru titli ta’ kavallieri li ma jiswew xejn, Dun Ġorġ fehem tajjeb li ġieħ veru mhux qiegħed fit-titli li jagħtuk il-bnedmin.”

    Hekk, fl-aħħar erba’ snin ta’ ħajtu, hu ma baqax iżjed Monsinjur Preca imma reġa’ sar sempliċiment Dun Ġorġ, kif kulħadd kien jafu u kif baqgħu jsejħulu anke wara li ġie ddikjarat qaddis fl-2007.

    Bħal San Filippu Neri

    Il-qaddis popolari, San Filippu Neri (1515 –1595), magħruf bħala l-Appostlu ta’ Ruma, kellu ħbiberija ma’ nies għoljin fil-ġerarkija tal-Knisja, ħbiberija li hu nnifsu qatt ma fittixha. Hekk ma naqsulux l-opportunitajiet biex jieħu onorifeċenzi. Il-Kardinal Ippolito Aldobrandini kien l-għaxqa tiegħu iqatta’ ħin informali mal-qaddis. Kif dan sar Papa Klement VIII, fl-ewwel udjenza li ta lil Filippu, qallu: “Issa ma tistax taħrab iżjed il-Kardinalat!” 

    Filippo, li ma riedx jisma’ b’unuri, ma wiġbux u fittex skuża biex joħroġ ’il barra, għax beża’ li l-Papa, bħal ta’ qablu, jinsisti li jagħmlu kardinal. Sħabu tal-Kongregazzjoni li kien waqqaf, xtaquh jaċċettah il-kardinalat imma hu ma riedx bis-saħħa. Jingħad li l-Papa, jew xi qaddej tiegħu, poġġa fuq ras Filippu l-kappell ta’ kardinal, imma Filippu bid-daħka fuq fommu għolla l-kappell fl-arja u għajjat: “Nippreferi l-Ġenna” (Preferisco il Paradiso!)

    Din l-invokazzjoni spontanja u vivaċi għall-unika glorja tassew li għandu jixtieq Nisrani veru, saret tant magħrufa fost id-dixxipli ta’ Filippu Neri li minn dakinhar ’il quddiem saret il-motto tagħhom biex jirbħu kull vanità u suppervja. 

    Sa mill-ewwel snin tas-Soċjetà tal-MUSEUM, is-soċji dejjem osservaw xebh bejn Dun Ġorġ u San Filippu Neri. Is-soċju anzjan John Formosa jgħid: “Lil Dun Ġorġ, kont għedtlu kemm nara xebh bejnu u San Filippu Neri. U Dun Ġorġ qalli, ‘Il-ħajja ta’ San Filippu Neri studjajtha ħafna’, bla ma qal jekk jixbhux jew le.” 

    Fi kliem Alexander Bonnici, il-bijografija ta’ Neri li kellu Dun Ġorġ “tidher sewwa kemm intużat għax tħalla fiha l-kallu ta’ subgħajh.” Irridu ngħidu li kemm Neri kif ukoll Dun Ġorġ għallmu lill-popolin, lill-foqra u s-sempliċi u tawhom is-saħħa jgħallmu huma ukoll lill-oħrajn. It-tnejn li huma kienu “boloh għal Kristu”,  u kellhom imħabba speċjali lejn it-tfal, jilagħbu magħhom, jiċċajtaw magħhom, u jgħallmuhom bil-paċenzja u bil-ħlewwa. 

    Papa Franġisku biddel ir-regoli dwar il-Monsinjuri

    Inqas minn sena wara li nħatar Papa, nhar is-7 ta’ Jannar 2014, Franġisku biddel ir-regoli fejn jidħlu ħatriet ta’ monsinjuri, mossa li tqieset minn ħafna bħala parti mill-ġlieda tal-Papa kontra l-karrieriżmu fil-Knisja u l-ambizzjonijiet personali. Is-Segretarjat tal-Istat tal-Vatikan ħareġ stqarrija li fiha ddikjara li fid-djoċesijiet, it-titlu ta’ “monsinjur” se jibda jingħata biss lil qassisin minn 65 sena ’l fuq. Fl-1968, Papa Pawlu VI diġà kien irriforma s-sistema ta’ unuri ekkleżjastiċi u naqqashom, u Franġisku kompla ssimplifika.

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0