Futsal: Intervista ma’ Mark Zammit

  • Aww 17, 2019 16:17
  • Miktub minn minn Cris Muscat
"

    Kif bdiet l-imħabba tie­għek lejn il-futsal?

    Din l-imħabba bdiet seba’ snin ilu meta bdejt nilgħab fil-kampjonat tar-Raba’ Diviżjoni tal-futsal. Niftakar li kien kellimni sieħbi u qalli biex nippruvaw nilagħbu in­door.

    Dak iż-żmien kien hawn ħafna timijiet li kienu jikkompetu. Tista’ taħseb ... kellna erba’ diviżjonijiet f’dan il-kampjonat.

    Meta ppruvajt nilgħab indoor għoġobni x-xogħol u minn hemm  qatt ma ħarist lura.

    Flimkien ma’ Nicola del Re kont nilgħab ma’ team imsejjaħ “Tal-Werqa” u tant kellna konsistenza li bqajna telgħin sal-Ewwel Diviżjoni.

    Imbagħad meta nbidlu r-regoli u ġiet iffurmata l-FMA konna qlibna bħala Qormi FC fil-Premier. Minn hemm ingħaqadt ma’ Hibernians biex eventwalment lgħabt ukoll ma’ Balzan u mbagħad Luxol.

    Għadek kif għedt li kellkom team li kien jismu “Tal-Werqa”. Tippreferi din is-sistema fejn timijiet jagħtu isem li jridu jew inkella aħjar tkun marbut ma’ xi club?

    Ifhem meta jkollok il-kunċett ta’ team marbut ma’ club hemm iktar serjetá. Hemm ukoll il-kwistjoni ta’ faċilitajiet, finanzi, flokkijiet u ħafna affarijiet oħra.

    Qabel konna noħorġu l-flus aħna u llum li żdiedet il-kompetizzjoni hemm xi timijiet li qegħdin jarmaw sew.

    Iżda inti konxju mill-fatt li diversi clubs ma jipprovdux il-flokkijiet?

    Iva sfortunatament kon­xju wkoll minn din is-sitwazzjoni. Mhux kulħadd għan­du kumitat b’saħħtu.

    Huma forsi l-ewwel erba’ jew ħames timijiet li għand­hom din il-faċilitá filwaqt li l-oħrajn iridu jaħsbu għal kollox huma.

    Għoġbok kif ġie l-format tal-kampjonat?

    Naħseb il-fatt li jkun hemm round fejn kulħadd jilgħab kontra kulħadd hi xi ħaġa normali.

    Għoġbitni ħafna l-idea li jkun hemm finali fost l-aqwa ħamsa jew best of five għax hemm verament turi x’taf.

    Iżżid ukoll dik id-doża ta’ eċċitament li tħalli r-ri­żultat inċert sal-aħħar.

    Huwa veru li f’dan l-ista­ġun irbaħna l-ewwel tliet logħbiet iżda persważ li fil-futur dan il-format se jkun wieħed interessanti.

    Semmejtha int stess li rbaħtu l-ewwel tliet finali. Kontu tistennew li ser tik­sbu suċċess mill-ewwel b’ċer­ta dominanza?

    Le lanqas xejn ... ma stennejniex dan kollu. Huwa veru li konna qed nitħarrġu sew għal din il-fażi  hekk deċiżiva.

    Konna team magħqud u kellna skwadra tassew kbira.

    Fejn qabel konna ftit Maltin issa nġiebu players lokali ta’ kwalitá u flimkien mal-barranin għenuna biex nil­ħqu t-tragwardi tagħna.

    Kellkom ukoll barranin ta’ ċertu kalibru li għe­nukom sabiex tirbħu d-double ...

    Iva kellna livell tajjeb din is-sena. Kellna diġá players stabbiliti bħal Celino Alves, Emil Raducu u Zvezdan Vukovic li ilhom magħna u draw is-sistema ta’ logħob sew.

    Imbagħad fil-bidu tas-sena akkwistajna lil Maicon li flimkien mal-players il-ġodda li ġibna f’Jannar, bħal Leanderson Coriolano u Marwan Terlisi, tawna saħ­ħa kbira.

    Dawn tal-aħħar integraw sewwa mat-team u b’hekk wasal dan is-suċċess.

    X’inhuma l-ħsibijiet tie­għek dwar l-esperjenza li kellek mat-team nazzjo­nali Malti?

    F’dawn l-aħħar snin in­ħossni onorat li nirrap­preżenta lil Malta fil-logħba li tant inħobb.

    Riċentament kellna l-lo­għob ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja fejn ġejna fi grupp mill-aktar diffiċli u sofrejna telfiet kontra l-Armenja, il-Belġju u anke l-Isvezja.

    Minkejja kollox, kienet esperjenza għal kulħadd li lgħabna kontra dawn l-avversarji. Qabel dan il-logħob kellna wkoll il-partiti ta’ ħbiberija kontra l-Irlanda ta’ Fuq.

    Ġew introdotti xi wċuh ġodda fl-iskwadra u dan jawgura tajjeb għall-futur f’dan l-isport.

    Xi tgħidli dwar il-coach tat-team nazzjonali Malti Vic Hermans?

    Dawn huwa coach ta’ esperjenza kbira li għandu curriculum vitae tajba ħafna. Din mhux l-ewwel darba li jinsab fit-tmun tat-team u jrid jaħdem bil-livell li għandna. Nemmen li qed jagħmel xogħol tajjeb ħafna.

    X’responsabbiltá tħoss li tkun captain ta’ Malta?

    Dan l-irwol inqisu bħala importanti ħafna. Huwa wkoll unur li nkun il-captain ta’ Malta u din ir-res­ponsabbiltá ma ddejjaq­niex.

    Jien inħossni bniedem li kapaċi nġorr ir-responsabbiltá għax nidħol għal ċertu doveri b’ruħi u ġismi.

     

    U x’responsabbiltá tħoss li int ukoll captain ta’ Lu­xol?

    Din hi l-istess responsabbiltá li nħoss bħal meta nkun mat-team nazzjonali.

    Irrid nara li l-players ikunu magħqudin u fuq kollox li nkunu mentalment iffokati fuq il-logħba.

    Il-kumitat jgħinna ħafna sabiex inżommu atmosfera tajba bejnietna. Dan hu kumitat disponibbli li jaf x’irid u fuq kollox iżommna magħqudin flimkien.

    Barra minn hekk joħroġ il-finanzi u jikkonċentra 24 siegħa fuqna u fuq it-team in ġenerali. Il-kumitat bla dubju hu l-mutur ta’ Luxol.

    Kemm int kuntent bl-infrastruttura fejn jintlagħab il-futsal lokali?

    Aħna bħala club nit­ħarrġu fil-padiljun tal-iskola nazzjonali tal-isport.

    Ngħid li dan hu l-court ideali  minħabba li l-art hi parquet u mhux rubber bħal Padiljun Sportiv ta’ Kordin.

    Dan tal-aħħar huwa court żgħir filwaqt li l-ieħor hu full size. Fuq kollox ir-rubber ma jħallikx tilgħab kif tixtieq u ma jkunx hemm logħob veloċi bħal meta kieku jintlagħab fuq parquet.

    Huwa għalhekk li ġieli meta mmorru barra minn Malta nbatu xi ftit għax mhux imdorrijin b’dik it-tip ta’ art.

    Kemm int kuntent bis-si­gurtá offruta fil-courts fejn jintlagħab il-futsal lokali?

    Din is-sena żdiedet aktar is-sigurtá bil-preżenza qawwija tal-pulizija. Minkejja kollox ma jistax ikollok kontroll totali.

    Sabiħ li qed jitilgħu numru ta’ partitarji ta’ Luxol u Valletta għax tagħmel l-atmosfera aktar storbjuża u kulurita.

    Hawn ta’ min ifaħħar lill-MFA li ħasbet sew għas-sigurá tant li ma nqalgħux xi inċidenti partikolari.

    Qed ninnotaw li sena wara l-oħra qed jonqsu n-numru ta’ timijiet. Taħseb li hawn kriżi fil-futsal lokali?

    It-timijiet naqsu. Jista’ jkun li l-finanzi limitati qed jagħmlu d-differenza kol­lha. Per eżempju qabel kien hemm Hamrun li kellhom team tajjeb, ta’ kwalitá u ta’ kalibru.

    Minkejja kollox dawn sfaxxaw u l-players marru ma’ clubs oħra. Nisperaw li l-futsal jibqa’ għaddej fis-snin li ġejjin.

    Nerġgħu nduru fuq it-team nazzjonali. Taħseb li hemm bżonn ikun hemm aktar training camps?

    Din kienet waħda mill-proposti li l-coach nazzjonali Vic Hermans kellu mal-MFA.

    Qabel konna niltaqgħu biss ġimagħtejn qabel logħ­ba jew tournament partikolari. Issa qed isiru xi logħbiet ta’ ħbiberija u dawn iservuna sabiex naraw kif aħna u fuq kollox biex nintroduċu players ġodda.

    Fl-opinjoni tiegħi rridu niltaqgħu aktar ta’ spiss.

    Semmejt lill-MFA. Kif qed taraha t-tmexxija tal-viċi-president, Matthew Pa­ris, li taħtu jaqa’ dan l-isport?

    Jien qed nara li qed jaħdem ħafna u flimkien ma’ Vic Hermans qed jagħtu dimensjoni ġdida lil dan l-isport.

    Naf li kollox isir skond il-limiti tiegħu iżda nemmen li qed jagħtu kontribut kbir għall-iżvilupp tal-futsal f’pajjiżna.

    Ġieli avviċinawk it-team tal-football ta’ Luxol biex tilgħab magħhom?

    Le qatt m’avviċinawni. Jien qabel kont nilgħab ma’ San Ġwann FC fl-Ewwel Diviżjoni. Iżda mbagħad kont qlibt fuq il-futsal u llum il-ġurnata dan l-isport sar parti minni. Fi żmieni kien hemm min kien jilgħab futsal u football fl-istess ħin. Issa bil-kontra.

    Wieħed qiegħed jagħżel sport minn ieħor. Pajjiżi oħra bħall-Portugall, Spanja u Arġentina jibdew mill-futsal u jaqilbu 11-a-side. Fi żmieni ma kellniex din l-opportunita.

    X’inhi d-differenza bejn il-football u l-futsal?

    Hemm differenza kbira. Il-ballun huwa wieħed minn­hom. Fil-fatt il-ballun tal-futsal huwa iżgħar u itqal u dejjem trid tiġri ġo court mhux daqstant kbir.

    Huwa sport li fiżikament tkun dejjem għaddej. Il-futbol għandek ground kbir u jkollok ċans ta’ pawsa bejn azzjoni u oħra.

    Tista’ tilgħab il-futsal u l-football fl-istess ħin?

    Iva tista’ ... iżda diffiċli ħafna. It-tip ta’ taħriġ u grounds b’art differenti mhux li tant hi tajba għall-ġisem.

    B’hekk imbagħad isiru ħafna injuries. Li taqleb minn art għal wiċċ sintetiku u ġieli ħaxix naturali mhux ċajta!

    Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol u mal-futsal?

    Biex inżidlek ... jien in­doqq ukoll ma’ banda mużikali. Imbagħad għandi x-xogħol personali tiegħi, immur il-gym u naturalment nilgħab il-futsal.

    Jien insib ħin għal kollox u sakemm ġismi għadu jagħtini ma narax li m’għan­dix inkompli b’din ir-rutina.

    Kif qed tarah il-futur tie­għek?

    Jien għandi 33 sena. Nemmen li fadalli ftit snin oħra x’noffri lil futsal lokali. Imbagħad naħseb li nibda ninvolvi ruħi fil-coaching.

    Dan se nkun qed nagħm­lu meta ġismi jgħidli li daqs­hekk fadalli logħob.

    Kemm hu importanti li l-futsal jibda jiġi milgħub ta’ etá żgħira?

    Naħseb hija xi ħaġa ferm importanti minħabba li minn hemm tibda tidra l-ħiliet f’dan l-isport.

    Jien bdejt nilgħab il-futsal ta’ 25 sena u kien diġá tard wisq. Iktar ma tkun żgħir iktar se titgħallem, timmatura u tikseb l-esperjenza kollha meħtieġa.

    Qegħdin taħsbu fuq il-UEFA Futsal Cup?

    Iva qed naħsbu dwarha u fl-istess ħin nitħarrġu għa­liha. B’hekk nibdew naħ­dmu sabiex inkunu fiżi­kament lesti għaliha. Jien qed nistenniha ferm din il-kompetizzjoni.

    Nixtieqek tgħaddi mes­saġġ lill-partitarji ta’ Luxol ... li għalkemm żgħar fin-num­ru iżda għandhom qalb kbira.

    Nixtieq ngħi­dilhom grazzi mill-qalb talli dejjem ġew jagħtuna s-sapport. Dawn huma partitarji dedikati u dejjem ħolqu atmosfera sa­bi­ħa.

    Nixtieqhom jibqgħu magħna anke matul l-istaġun li ġej biex inkomplu din il-kontinwitá li bdejna.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0