“L-istripper issuttata trattata bħala proprjetà” - L-attivista favur id-drittijiet tan-nisa, Lara Dimitrijevic

  • Aww 13, 2019 09:51
  • Miktub minn iNews
"

    Fl-aħħar jiem vidjow ta’ ‘stripper’ issuttata bil-bajd qajjem kontroversja hekk kif kien qiegħed jiċċirkola fl-applikazzjoni WhatsApp. Minkejja dan, din il-mara ċaħdet li f’din l-okkażjoni hija ġiet ‘abbużata’ għax kienet tat il-kunsens tagħha lil dawk preżenti. 

    Dan il-vidjow wera b’mod espliċitu grupp ta’ rġiel iwaddbu ammont sostanzjali ta’ bajd lil din il-mara waqt bachelors party li organizzaw. Fl-istess vidjow deher li kien hemm preżenza ta’ tifel taħt l-età, filwaqt li nstema’ l-leħen tal-istess mara tidgħi, tirrabja u tgħidilhom li hija kienet qiegħda tweġġa’. 

    Diversi nies ikkummentaw dwar dan il-każ fosthom Lara Dimitrijevic, l-attivista favur id-drittijiet tan-nisa fejn qalet li, “dawn il-ġuvintur ħassew li peress li ħallsu għas-servizz tagħha, huma kellhom il-privileġġ u ħassewhom intitolati biex jattakkaw u jumiljaw persuna billi jissuttawha bil-bajd. Għall-ħin li xtrawha hija kienet ikkonsidrata bħala “proprjetà” tagħhom. Qatt ma jista’ jkun hemm kunsens biex tkun diżumanizzata u tiddegrada d-dinjità tagħha, anke jekk tkun saret transazzjoni monetarja.”

    Dimitrijevic kompliet tistaqsi jekk dawn il-ġuvintur jirraġunawx bl-istess mod jekk dan l-aġir kieku  kien fil-konfront ta’ ommhom, oħthom jew qraba tagħhom. “Jekk din hija opportunità daqshekk tajba għan-nisa, tinkoraġixxu lil uliedkom bniet biex jagħżlu karriera bħal din fejn taqla’ l-flus mix-xejn?” kompliet din l-avukata. L-attivista temmet tgħid li din it-tip ta’ mġieba patrijarka tista’ biss tinbidel jekk inbiddlu l-kultura li tittollera, taċċetta u tgħaddi bħala ‘normali’ dan it-tip ta’ aġir abbużiv.

    Il-Ministru ġdid għall-Ugwaljanza, Edward Zammit-Lewis stqarr li, “din mhix kwistjoni ta’ dak li hu legali jew le, iżda ta’ dak li huwa aċċettabbli jew le. Imġieba bħal din miġbuda fuq vidjow u mbagħad iċċirkolata pubblikament kontra persuna, hija kompletament kundannabbli.” 

    Filwaqt li l-mexxejja tal-għaqda Nisa Laburisti Claudette Abela Baldacchino, żiedet tgħid li, “għax is-soċjetà tagħna dak li taf… titnejjek u tiżżufjetta bik jekk int oħxon jew ħoxna, tgħid li mintix sew u minflokk tgħinek tfittex l-għajnuna bil-kemm ma tidħaqx bik f’wiċċek u mbagħad ċertu saffa tas-soċjetà f’dan il-pajjiż (femminist) tagħmel mara proprjetà tagħha biex tiddieħaq biha u qisu xejn m’hu xejn.”

    Minkejja dan f’kummenti mogħtija lil ġurnali lokali oħra, l-organizzaturi qalu li, “kollox kien imħallas, kelna l-kunsens tagħha u ma sfurzajinijiex.” Huma stqarru wkoll li hija ngħatat ikel u anke xorb, kif ukoll ħallsulha t-trasport biex tmur lura d-dar. 

    Filwaqt li ħafna persuni kkundannaw dan l-aġir abbużiv lejn din l-istripper, hija minflok qalet li, “din kienet sempliċement ċajta u mhux abbuż… Tindaħlux x’nagħmel b’ħajti. Aħna m’għamilna ħsara lil ħadd. Tiġġudikawnix.”

    “It-tfigħ ta’ bajd fuq mara kienet xena inkwetanti ta’ dominazzjoni u umiljazzjoni” 

    Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza kkundannat u esprimiet it-tħassib sejru tagħha dwar iċ-ċirkulazzjoni ta’ vidjow li juri mara qed tiġi ssuttata bil-bajd minn irġiel waqt bachelor’s party.  

    “Dan l-inċident huwa deplorabbli fuq kull livell. Din il-mara mhux biss sfat abbużata u umiljata, iżda din l-aggressjoni ġiet ukoll iffilmjata u ċċirkulata. Huwa verament inkwetanti li hemm min isib pjaċir f’li jirredikola u jweġġa’ lil ħaddieħor u sa anka jasal biex jiftaħar b’din l-imġieba,” qalet l-NCPE.

    “Il-ġustifikazzjoni tal-organizzaturi li dan l-abbuż twettaq bil-kunsens tal-vittma u bi ħlas bl-ebda mod ma tbiddel in-natura ta’ dan l-inċident: grupp ta’ rġiel ħassewhom fid-dritt li “jixtru” mara potenzjalment vulnerabbli, u ħadu gost jaggreduha, jirredikolawha u jiddisprezzaw id-dinjità tagħha. Barra minn dan, il-vidjow juri lill-mara titlob lil min qed jabbużaha biex jieqaf. Din kellha tkun ċelebrazzjoni għaż-żwieġ ta’ wieħed mill-irġiel ma’ mara.”

    L-NCPE qalet li t-tfigħ tal-bajd fuq mara kienet xena inkwetanti ta’ dominazzjoni u umiljazzjoni li tirrifletti u tirrinforza l-poter tal-irġiel fuq in-nisa fis-soċjetà Maltija. “Dan jorbot mill-qrib mar-rappreżentazzjoni kontinwa tan-nisa bħala oġġett għall-pjaċir tal-irġiel kif ukoll mal-inugwaljanza fir-relazzjoniiet bejn in-nisa u l-irġiel li jilleġittimaw u jinnormalizaw dan l-aġir.”

    L-NCPE żiedet tgħid li dan il-vidjow huwa evidenza ċara tal-bżonn urġenti sabiex naħdmu għal soċjetà fejn kemm in-nisa kemm l-irġiel ikunu ugwalment trattati b’mod dinjituż biex b’hekk kulħadd iħossu sikur u rrispettat fil-ħajja ta’ kuljum.

    L-NCPE temmet tħeġġeġ lill-awtoritajiet sabiex jieħdu l-azzjoni neċessarja. 

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0