“Il-Prinċep William jogħġbuh wisq in-nisa“... Għajdut ta’ infedeltà mill-Prinċep William

  • Aww 01, 2019 10:55
  • Miktub minn iNews
"

    Biża’ li se jkun hemm aktar skandli extra konjugali fil-familja rjali Ingliża

    Għal dawk li jsegwu l-familja rjali Ingliża kienu sorpriżi bl-aħbar li hemm allegat skandlu extra konjugali bejn il-Prinċep William u Rose Hanbury. L-allegazzjonijiet ta’ infedeltà bdew kmieni din is-sena hekk kif ġurnali fir-Renju Unit ippubblikaw stejjer li ħawwdu għadd ta’ nies. Dan minħabba li l-Prinċep William dejjem ta l-impressjoni li huwa raġel devot lejn martu Kate, id-Dukessa ta’ Cambridge, kif ukoll dejjem wera li huwa missier affettiv lejn uliedhom - il-Prinċep George, il-Prinċipessa Charlotte u l-Prinċep Louis.

    Ovvjament il-familja rjali dejjem kellha skandli ta’ dan it-tip. L-opinjoni pubblika hi maqsuma fejn uħud jemmnu li l-Prinċep William qed jimxi fuq l-istess passi ta’ missieru Karlu, bl-infedeltà li kellu fil-konfront tat-tant maħbuba Lady Daina, mentri oħrajn m’humiex ċerti x’se jaqbdu jemmnu. 

    Sadanittant jidher li hemm nuqqas ta’ provi dwar dak li qed jiġi allegat fil-konfront ta’ William u s’issa ħadd li għandu relazzjoni fil-viċin tal-familja rjali għadu ma kkumenta jew tkellem dwar dan. Min-naħa l-oħra, sorsi anonimi qalu li l-istorja lleċita ta’ mħabba bejn il-Prinċep William u Hanbury, il-Markiża ta’ Cholmondeley, hija magħrufa sew fost il-membri taċ-ċirku magħluq u priveleġġjat tal-Gran Brittanja. 

    Wieħed hawnhekk jistaqsi, ‘allura x’qed jiġri?’ Huwa pjuttost diffiċli biex dan l-iskandlu joħroġ pubbliku jew ippruvat, iżda li hu żgur hu li bħalissa hemm ħafna għajnejn u widnejn isegwu din l-istorja tant li fix-xhur li ġejjin żgur li l-ġurnali Ingliżi se jirrapportaw aktar dwar dan.

    L-aħbar li seta’ kien hemm relazzjoni extra konjugali ġiet irrapportata f’April li għadda iżda l-għajdut  fost il-ġurnalisti ilhom sa mis-sena l-oħra. Skont dak li qed jingħad, ir-relazzjoni extra konjugali seħħet meta martu Kate Middleton kienet tqila bit-tielet wild tagħhom, il-Prinċep Louis, li twieled fit-23 ta’ April, 2018. Dan ifisser li kienet diġà għaddiet sena mill-iskandlu sakemm il-ġurnalisti ndunaw b’dak li kien qed jiġri. 

    Sors anonimu qal li Kate semgħet għajdut li kienu qegħdin isiru fiċ-ċirku soċjali għoli Brittanniku u ddeċidiet li tiffaċċja lir-raġel tagħha biex jgħidilha jekk huwiex vera. Huwa rrapportat li William, “sempliċiment daħak u qal li m’hu veru xejn dak li qegħdin jivvintaw fuqu”.

    L-istess sors qal li din il-koppja f’għajn in-nies hija koppja perfetta u li qatt m’hi se tasal tiżbalja b’dan il-mod. Huwa żied jgħid li, però, fil-verità l-maġġorparti tal-koppji jkollhom xi tip ta’ problemi u William u Kate m’humiex eċċezzjoni. Ovvjament, imma, hemm differenza kbira bejn li jkun hemm problemi normali bejn koppja milli każ ta’ infedeltà proprju meta l-mara tkun tqila. Il-ġurnali Ingliżi qegħdin jirrapportaw li minħabba dan l-iskandlu l-koppja rjali tinsab fi kriżi matrimonjali serja u ħafna qegħdin jittamaw, li dan mhux il-każ.

    “Il-Prinċep William jogħġbuh wisq in-nisa…”

    Ir-relazzjoni bejn il-Prinċep William u Kate Middleton bdiet fil-bidu tas-snin 2000 meta l-koppja saru ħbieb fl-ewwel sena tal-istudji tagħhom fl-Università ta’ St Andrews. Fl-2003 William u Kate kienu ħabbru uffiċjalment li qegħdin joħorġu flimkien, iżda fl-2007 infirdu. 

    Sors tad-‘Daily Mail’ kien qal li l-Prinċep William dak iż-żmien ma kellux intenzjonijiet serji lejn Kate u minkejja li kien sa ċertu punt iħobbha, huwa ma kienx lest li jiżżewweġ. Huwa qal li għall-kuntrarju għal dak li ħafna jaħsbu, huwa proprju l-Prinċep William li “jħobb” xi ftit iżżejjed lin-nisa u mhux ħuh Harry, li kien ittimbrat bħala l-playboy. “Din kienet xi ħaġa li Kate kienet taf biha u kienet aċċettatha bħala parti mill-ftehim li kellhom bejniethom. Naħseb li rigward dan kieku kienet tkun il-Principessa ta’ Wales ideali,” sostna l-istess sors.

    Minkejja l-għajdut li bdew jinxterdu l-Prinċep William wera kemm Middleton hija importanti għalih tant li ftit xhur wara li kienu ħassru, huma reġgħu ngħaqdu u bdew jinħabbu aktar minn qatt qabel.

    Rose Hanbury u Kate xi darba kienu ħbieb…

    Jingħad li qabel ma nxterdu dawn l-għajdut tal-iskandlu, Rose Hanbury u Kate Middleton kienu ħbieb kbar. F’artiklu li kien deher fuq ‘Hello!’ ir-relazzjoni ta’ bejniethom kienet deskritta bħala waħda tajba ferm u li Hanbury u r-raġel tagħha, David Cholmondeley, is-seba’ Markiż ta’ Cholmondeley, kienu jgħixu tliet mili biss ‘il bogħod mir-residenza tal-Prinċep William, Anmer Hall.

    Il-viċinanza residenzjali wasslet biex il-koppji jsiru ħbieb u l-fatt li ż-żewġ familji huma aristokratiċi għen biex ikollhom aktar interessi komuni bejniethom. Qabel ma feġġu l-għajdut, iż-żewġ koppji kienu viċin ta’ xulxin ħafna fejn anke kienu jiltaqgħu biex it-tfal taż-żewġ naħat joqogħdu jilagħbu, kif ukoll l-adulti kienu jattendu żwiġijiet flimkien.

    Ħbieb tal-koppji qalu li Hanbury u Middleton kienu jabqlu ħafna wkoll fejn jidħol l-interess tagħhom fl-ikel organiku, kif ukoll kienu jaqsmu ma’ xulxin l-esperjenzi li jgħaddu minnhom bħala ommijiet. Huwa rrapportat li ż-żewġ koppji kienu jħobbu jorganizzaw xi ikliet bejniethom.

    Kate titlob lil William biex jaqta’ kull kuntatt

    Minkejja li huwa rrapportat li l-Prinċep William ċaħad li kellu relazzjoni extra konjugali ma’ Rose Hanbury, Kate xorta waħda ħadet passi ta’ prekawzjoni fosthom li titlob lir-raġel tagħha jaqta’ kull kuntatt ma’ Hansbury. Dan il-pass wassal biex tintemm il-ħbiberija anke mar-raġel ta’ Hanbury kif ukoll mat-tfal tagħhom. 

    Sors viċin il-magażin ‘In Touch’ kompla jgħid li llum il-ġurnata Kate għandha opinjoni differenti dwar il-ħbiberija li kien hemm bejn iż-żewġ familji.

    Qabel ma kien irrapportat dan l-iskandlu, ġurnali lokali kienu xandru li kien hemm ġlieda bejn iż-żewġ nisa. ‘The Sun’ sostniet li Middleton qalet lil William li Hanbury għandha bżonn titlaq miċ-ċirku intimu li huma membri fih. Sors qal li huwa fatt magħruf sew li Kate u Hanbury iġġieldu bl-aħrax u minkejja li kienu ħbieb kbar, issa dan m’għadux il-każ. 

    Huwa rrapportat li William ipprova jnaqqas it-tensjoni bejn iż-żewġ nisa u dan minħabba l-fatt li għandhom ħbieb komuni bejniethom, kif ukoll jgħixu viċin ta’ xulxin. Kate, iżda, kienet ċara daqs il-kristall meta qalet lir-raġel tagħha li ma tridx tarahom iżjed u li trid li William ma jkellimhomx aktar, irrelevanti mill-istatut soċjali li jħaddnu ż-żewġ partijiet.

    Pressjoni mir-Reġina Eliżabetta

    Wara li ‘In Touch’ ħareġ bl-iskandlu, ġurnali oħra rrapportaw li ż-żwieġ irjali kien għaddej minn kriżi iżda ma kienx hemm biża’ li l-koppja titlob id-divorzju. Uħud qegħdin jinterpretaw dan bħala li qatt ma kien hemm relazzjoni barra miż-żwieġ ta’ William u Kate, mentri oħrajn jissuspettaw li Middleton diġà ħafret lir-raġel tagħha tal-infedeltà.

    Oħrajn, però, isostnu li dan huwa riżultat ta’ pressjoni qawwija mir-Reġina Eliżabetta biex il-koppja tibqa’ flimkien. Dan minħabba li ma tridx aktar skandli fil-familja.

    Fl-2006 s-‘Sunday Express’ kien irrapporta li ħaddiem fil-palazz irjali kien ikkwota lir-Reġina tgħid lil William biex jagħrbel sew lil min se jiżżewwġ minħabba li diġà kien hemm biżżejjed divorzji fil-familja rjali u, “iż-żejjed huwa żejjed”.

    Jekk din il-konversazzjoni seħħet verament, żgur li r-Reġina kienet qiegħda tirreferi għall-ġenituri ta’ William stess - il-Prinċep Karlu u l-Prinċipessa Diana, kif ukoll għaż-żewġ ulied l-oħra tagħha. Huwa biss binha, il-Prinċep Edwardu, li baqa’ miżżewweġ mal-ewwel mara tiegħu fejn ftit tax-xhur ilu ċċelebra l-20 anniversarju taż-żwieġ tiegħu.

    William jieħu passi legali 

    Minkejja William ċaħad l-għajdut fuqu, dan ma baqax sieket għall-allegazzjonijiet imxandra tant li hedded li jieħu passi legali kontra l-mezzi tax-xandir li qegħdin jagħtu din l-istampa kerha tiegħu.

    Id-‘Daily Best’ irrapportat li wara li ħarġu r-rapporti fuq il-mezzi tax-xandir dwar l-allegata storja ta’ mħabba lleċita, mill-inqas kien hemm gazzetta waħda li rċeviet twissija minn Harbottle u Lewis, uffiċċju legali li jirrappreżenta lill-familja rjali. 

    Duncan Larcombe, li fl-imgħoddi kien l-editur ta’ ‘The Sun’ fejn jidħlu stejjer tal-familja rjali, qal li azzjoni legali bħal din, żgur li kienet verament l-aħħar ħaġa li William ried jagħmel, anke għall-fatt li mhux soltu li jittieħdu azzjonijiet ta’ dan it-tip mill-membri tal-familja rjali. 

    Jidher li William u Harry mhux se jħallu lill-mezzi tax-xandir jikkalpestawhom u se jimxu kif iħossu li għandhom jimxu meta jkun hemm rapportaġġi foloz jew li jagħmlulhom ħsara personali. Dan wara li ommhom, il-Prinċipess Diana, kienet ippersegwitata sa mewta mill-paparazzi u l-ġurnalisti li ma kienux iħalluha kwieta tgħix ħajjitha.

    Jidher li ż-żwieġ ta’ Hanbury se jisfaxxa

    Fejn min-naħa l-ħajja matrimonjali tal-Prinċep William tidher li hi soda u feliċi, dik ta’ Hanbury jingħad li mhix daqstant ward u żgħar. William u Middleton huma tal-istess età, mentri r-raġel ta’ Hansbury huwa ikbar minn martu 23 sena u din id-differenza fl-età taffettwa r-relazzjoni minħabba ideat u maturità differenti. Statistikament dan ifisser ukoll li ż-żwieġ tagħhom jista’ jisfaxxa aktar faċilment minn dak ta’ William u Kate.

    Sors viċin l-istess klabb li huwa membru ħu Hanbury qal lil ‘The Sun’, li ż-żwieġ tagħha mhuwiex wieħed feliċi u jingħad li parla xi ftit iżżejjed meta kien xurban fejn stqarr ukoll li oħtu taf sew bl-għajdut li qegħdin jinxterdu dwarha u dwar William. “Jidher li dan l-aħħar il-fjamma fiż-żwieġ ta’ Hansbury qiegħda tmajna. Huwa ikbar minnha ħafna u l-koppja għandha interessi differenti minn ta’ xulxin”.

    L-inkwiet fiż-żwieġ ta’ Hanbury kien ikkonfermat dan l-aħħar meta l-istess mara attendiet festin statali mingħajr iċ-ċurkiet taż-żwieġ u dan proprju meta kien mistenni li jattendi William ukoll.

    Qabel ma’ Hanbury saret ħbieb ma’ Kate, din kienet taħdem bħala mudella fejn iffirmat kuntratt ma’ Storm, l-istess aġenzija li skopriet lil Kate Moss. Rose għamlet ukoll perjodu qasir taħdem fil-Parlament. Hija żżewġet lir-raġel tagħha fl-2009 meta nqabdet tqila għall-ewwel darba. Fiż-żmien li żżewġu, l-aristokratiku kien meqjus bħala wieħed mill-aktar irġiel single eliġibbli għaż-żwieġ. 

    Hanbury kienet preżenti għall-avveniment irjali marbut maż-żwieġ tal-Prinċep William fl-2011 fejn kritiċi kienu qalu li kienet fost l-aktar mistednin lebsin pulit għal din l-okkażjoni.

    Mhux l-ewwel darba li dehru rapporti fuq il-midja li fihom saru għajdut foloz u akkużi inġusti bil-għan li jxekklu l-ħbiberija li kien hemm bejn Kate u Hanbury. Sors li sostna li huwa viċin iż-żewġ familji qal li William u David tkellmu fuq it-telefon u ma kienux jafu jekk għandhomx jidħku jew jilmentaw bl-għajdut li kien hemm fuq il-mezzi tax-xandir. Min-naħa l-oħra huwa rrapportat li ż-żewġ nisa huma mweġġa’ bl-allegazzjonijiet li kien hemm xi ġlied bejniethom. 

    Barra minnhekk, ħabib ieħor ta’ dawk involuti, qal li Kate Middleton ma temminx l-għajdut dwar infedeltà min-naħa tar-raġel tagħha. Jekk dan huwa minnu, il-fatt li dawn qegħdin iżommu ftit tad-distanza bejniethom mill-koppja Hanbury huwa pass strateġiku biex ma jagħtux ċans lill-paparazzi milli jeħdulhom ritratti flimkien u għalhekk jevitaw aktar spekulazzjonijiet.

    Jingħand li l-aktar li dan l-għajdut qed iweġġa’ u jagħmel ħsara huwa lil Rose minħabba li din hija omm u mara miżżewġa u mhix imdorrija b’din it-tip ta’ attenzjoni negattiva mill-pubbliku, tant li qiegħda tħossha skomda ħafna bis-sitwazzjoni.

    Middleton, li hija kkonsidrata minn ħafna bħala mara ta’ saħħa straordinarja li kapaċi tibqa’ kalma u soda f’ċirkostanzi bħal dawn, tidher li qed jiddispjaċiha ħafna b’dawn ix-xnigħat u li ma tħosshiex sew f’din is-sitwazzjoni. Dan minkejja li mhix temmen dak li qegħdin jgħidu dwar żewġha u dwar ħabibtha. Hija qalet li tafda ħafna lil William u limhix beħsiebha tagħti kas aktar għajdut bħal dawn.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0