Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn it-Ten-Pin Bowling u kif komplejt tevolvi fl-istess sport?
L-imħabba tiegħi lejn il-bowling bdiet meta bdejt immur nilgħab mal-ħbieb bħala ħarġa.
Meta mbagħad bdejt niskopri li hemm teknika fina wara din il-logħba aktar tħajjart.
Charles Farrugia, kien rani nilgħab u nsista li jdaħħalni mat-team tiegħu, ‘Blasters’.
Spiċċajt iffissat, nilgħab kważi kuljum u nitgħallem it-teknika. Wara dħalt mat-team tal-Bank of Valletta u erba’ snin wara rbaħna l-kampjonat nazzjonali.
B’kollox irbaħt disa’ titli ma’ erba’ timijiet differenti u 10 darbiet runner-up. Mat-team ta’ Ramis għad għandi rekord nazzjonali, li issa huwa l-eqdem rekord fil-bowling.
Fl-2013, ħafna ħajruni nieħu l-presidenza u l-irwol tiegħi nbidel minn player għall-amminstratur.
X’responsabbiltà tħoss li int il-president tal-Malta Ten Pin Bowling Association?
Ir-responsabbiltà hija kbira għax l-aspettativi f’dan l-isport huma kbar. Biżżejjed ngħid li kemm ilni president, għadha qatt ma għaddiet sena mingħajr ma rbaħna tal-anqas midalja waħda tad-deheb fil-kampjonati internazzjonali l-kbar bħall-Commonwealth jew tal-Mediterran.
Qabel f’din il-kariga kien hemm Julian Pace Bonello li llum jokkupa l-irwol ta’ president tal-Kumitat Olimpiku Malti (MOC). Kemm għenek l-istess Pace Bonello qabel dħalt għal din ir-responsabbiltà?
Julian kien poġġa lill-Assoċjazzjoni fuq sisien sodi u kien tani hand-over tajba. Il-pariri ta’ Julian dejjem kienu utli u naf li dejjem nista’ nfittxu għall-gwida u għall-pariri.
Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol u mal-bowling?
Trid tqassam il-ħin sewwa u importanti li jkollok eżekuttiv ħabrieki. L-attivitajiet tal-bowling jaqgħu kollha filgħaxija u fi tmiem il-ġimgħa u għalhekk ma jaħbtux mal-ħinijiet tax-xogħol.
Taħseb li hemm biżżejjed interess minn tfal u żgħażagħ fil-bowling fil-Gżejjer Maltin?
Bħala numri ma żdidux imma għandna nukleu li huwa dedikat immens u jittrenja ħafna mal-coaches b’dedikazzjoni.
Ħajjet iż-żgħażagħ iddur mal-loghba tal-bowling. Meta jsiefru barra dejjem imorru tajjeb.
Hemm prospetti tajbin, però rridu nsibu r-riżorsi ħalli nibagħtuhom jikkompetu barra minn Malta aktar spiss.
Il-livell dejjem tiela’ u importanti li ż-żgħażagħ tagħna jibqgħu jikkompetu matul is-sena kollha.
Finanzjarjament huwa diffiċli li wieħed jipprattika l-bowling? Xi bżonnijiet finanzjarji jinvolvi l-bowling?
Iva, player li jieħu dan l-isport bis-serjetà jkollu jinvesti kemm fl-apparat personalizzat kif ukoll irid iħallas miżati biex jieħu sehem fil-kampjonati.
Dan għaliex il-bowling jiġi pprattikat f’ċentri privati li jitmexxew kummerċjalment u għalhekk hemm ċerti ħlasijiet.
Però għandna l-appoġġ tal-Eden Superbowl li jgħinuna ħafna fit-taħriġ.
Bħala bowlers lokali, dawn isibu għajnuna minn SportMalta u l-Kumitat Olimpiku Malti?
Isibu ħafna għajnuna, u allaħares ma jkunux SportMalta u l-Kumitat Olimpiku Malti li jassistuna biex nikkompetu barra.
Li ma kienx għal SportMalta u l-Kumitat Olimpiku Malti, il-livell tagħna ma telax u ma rbaħniex daqshekk midalji barra min Malta.
Kemm taħseb li l-media tippromwovi l-bowling f’pajjiżna?
Naħseb li meta tqis is-suċċess li niksbu barra minn Malta, nemmen li l-bowling jistħoqqlu aktar prominenza.
Però rrid nammetti li aħna wkoll kellna n-nuqqas tagħna peress li konna ilna fuq sentejn bil-pożizzjoni ta’ PRO vakanti.
X’tikkummenta fuq il-Kampjonati tal-Mediterran li saru f’Malta matul Marzu li għadda?
Ninsabu kuntenti ferm bl-edizzjoni tal-Kampjonati tal-Mediterranean li saret f’Malta.
Irċevejna tifħir mill-pajjiżi kollha u mill-Federazzjoni Ewropea tat-Ten-Pin Bowling. Dan rigward il-lat organizzativ, li kollox mar sew u ħallejna impressjoni tajba ta’ Malta.
Sodisfazzjon akbar mil-lat kompetittiv fejn ksibna għaxar midalji u qbiżna l-miri li kellna ta’ sitt midalji.
Issa, wara 22 edizjoni, Malta hija l-aktar pajjiż li qatt rebaħ midalji, jiġifieri total ta’ 111-il midalja, segwiti mill-Greċja, l-Italja u Franza.
U x’attivitajiet hemm ippjanati għal din is-sena kalendarja?
Issa jmiss li niffukaw fuq l-edizzjoni li tat-Tazza tal-Pajjiżi ż-Żgħar ġewwa Ċipru fil-futur qrib. Nimmiraw li nirbħu din l-edizzjoni!
Kif tqis il-livell tal-bowlers Maltin meta kkumparat ma’ bowlers internazzjonali? Taħseb li dan naqas jew żdied minn meta bdejt tipprattika l-bowling?
Dejjem kellna players tajbin u ta’ kalibru, però kienet Sue Abela li spikkat matul il-karriera tagħha b’aktar minn 30 midalja tad-deheb li rebħet fil-kampjonati tal-Mediterran u kienet saħansitra ċ-champion tal-Ewropa fl-1999.
Kemm ilni fil-kariga ta’ president, issa hemm atleti oħrajn li wkoll ġabulna midalji prestiġjużi. Biżżejjed insemmi lil Tiziana Carranante li rebħet il-midalja tad-deheb fil-Commonwealth u lil Sara Xuereb li rebħet il-midalja tal-bronż fil-kampjonati Ewropej taż-Żgħażagħ, kif ukoll oħrajn li rebħu midalji fit-Tazza tal-Mediterran.
Barra minn hekk, stabbilixxejna rekord tal-Mediterran fit-team ta’ b’erbgħa, liema rekord diġà ilu fis-seħħ tliet snin.
Taħseb li fil-futur bowler Malti jista’ jaqla’ l-għixien tiegħu esklussivament mill-bowling?
Iva, però wieħed irid jimraħ barra minn xtutna. Kellna players Maltin li spikkaw barra u kapaċi jirbħu, speċjalment kieku jkunu full-timers. Fl-Ewropa ftit issib full-timers, imma għandna talent tajjeb.
U meta kkumparat ma’ barra minn Malta kif tqis ir-riżorsi li fihom tittrenjaw u tilagħbu l-bowling f’Malta?
Barra minn Malta qatt ma jemmnu li għandna biss ċentru wieħed u kif minn gżira żgħira kapaċi negħlbu lill-pajjiżi kbar.
Il-fatt li għandna coaches tajbin u players dedikati dan isaħħaħna. Wasal iż-żmien li jkollna ċentru dedikat għal taħriġ, fejn nistgħu nitħarrġu fi tmiem il-ġimgħa u filgħaxija u mingħajr restrizzjoni ta’ ħin.
Għandek xi ħolma partikolari li tixtieq li ssir realtà fil-futur qrib f’dak li jirrigwardja bowling lokali?
Żewġ ħolmiet: Li nirbħu l-midalji meta jkun hemm il-Kampjonati Mediterranji f’Malta, f’April li ġej, u li jfittex ikollna ċentru ta’ taħriġ professjonali.
Tixtieq tgħaddi xi ringrazzjament partikolari?
Hemm lista twila, imma żgur dejjem nirringrazzjaw lil SportMalta, lill-Kumitat Olimpiku Malti u lill-isponsors uffiċjali tagħna għax mingħajr l-għajnuna tagħhom ma konniex naslu fejn wasalna.
Nirringrazzja lill-membri kollha għax għandna kommunità tal-bowling verament dedikata.
Tista’ tgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li jixtiequ jagħmlu karriera fil-bowling.
Importanti li tkun togħġobhom il-logħba u li lesti jiddedikaw ħin għat-taħriġ. Dan huwa sport sabiħ li tista’ ddum tipprattikah għal ħafna snin.
Min jixtieq jieħu l-bowling bis-serjetà għandu jagħmel kuntatt magħna u jibda jieħu ftit coaching.
Għandna avvenimenti għal dawk li għadhom jibdew. Il-punt tat-tluq huwa li wieħed jinkiteb fi Skola Sport.
Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.
Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra.
Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub.
Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett.
Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju,
inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.
Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek,
se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih.
F'din l-imejl se tirċievi security code.
Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni.
Din hija proĊedura li ssir darba.
Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek.
Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.