“Il-Pulizija stess ħolqu sistema ta’ rivittimizzazzjoni” - l-Imħallef Lorraine Schembri Orland

  • Lul 19, 2019 08:14
  • Miktub minn iNews
"

    F’każ ta’ vjolenza domestika Imħallef tgħid li s-sistema “falliet” wara li kien hemm nuqqas ta’ azzjoni…

    “Huwa evidenti li s-sistema falliet u falliet bil-kbir, speċjalment tenut kont in-numru ta’ rapporti li saru mir-rikorrenti u n-nuqqas tal-Pulizija li jipproċiedu fuq uħud minnhom fl-ambitu ta’ eskalazzjoni ta’ abbuż.” Hekk qalet l-Imħallef Lorraine Schembri Orland, f’sentenza li tat fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali), fejn ikkritikat lill-Pulizija ta’ Malta wara li nuqqasijiet fis-sistema tal-Pulizija wasslu biex mara vittma ta’ vjolenza domestika baqgħet tgħix fil-biża’, ippersegwitata mill-eks raġel tagħha. 

    Il-Qorti qalet li b’riżultat ta’ dawn in-nuqqasijiet il-Pulizija stess ħolqu ambjent ta’ rivittimizzazzjoni (secondary victimisation) tal-mara, tant hu hekk li l-mara tilfet kull tama li tingħata protezzjoni mill-awtoritajiet tal-pulizija u mis-sistema ġudizzjarja tal-pajjiż. 

    Minkejja d-diversi rapporti li saru, inħareġ ordni ta’ protezzjoni u r-raġel kien arrestat aktar minn darba, kien hemm nuqqas biex tkun żgurata r-rispett tal-ħajja privata tal-mara u l-familja tagħha u għaldaqstant il-Qorti ordnat lill-Kummissarju tal-Pulizija jħallas €5,000 f’danni lill-istess vittma.

    Schembri Orlando qalet li kien hemm diversi rapporti fejn il-pulizija naqqsu milli jieħdu azzjoni u li kien hemm nuqqasijiet sistematiċi fil-proċeduri tal-Pulizija fl-investigazzjoni tar-rapporti magħmulin minn vittmi ta’ vjolenza domestka u anke għall-prosekuzzjoni ta’ dawn il-kawżi. Fost dawn in-nuqqasijiet semmiet nuqqas ta’ sistema ċentralizzata li tiddokumenta ordnijiet ta’ protezzjoni u li m’hemm ebda sistema ta’ flagging jekk il-vittma jkollha ordni ta’ protezzjoni fejn żiedet tgħid li din l-informazzjoni għandha tkun aċċessibbli f’kull għassa ta’ kull distrett. 

    Is-sentenza qalet li m’hemmx uffiċċju ċentrali għall-prosekuzzjoni ta’ każijiet ta’ vjolenza domestika bil-konsegwenza li r-rapporti li jsiru f’għases differenti u segwiti minn spetturi differenti fejn lanqas ikunu jafu jekk iddaħħlux rapporti f’distretti oħra dwar l-istess persuni involuti.

    L-Imħallef qalet li hemm il-ħtieġa li l-linji gwida ta’ każi bħal dawn ikunu segwiti “skrupolożament” u li jinkludu assessjar ta’ riskju biex ikun hemm kordinament mill-pulizija kemm fl-investigazzjoni, kif ukoll fir-respons li jagħtu lill-vittmi ta’ vjolenza. Fis-sentenza rriżulta wkoll li r-rapporti ta’ vjolenza domestika ma ngħatawx il-prijorità li ħaqqhom minkejja li kien hemm fastidju u stakling kontinwu.

    Fix-xhieda tagħha l-mara qalet li sofriet trawma minħabba li fuq medda ta’ tliet snin, minkejja għamlet bosta rapporti lill-pulizija, hija xorta waħda baqgħet jippersegwita mill-agressur li kien iwerwer lilha, lil uliedha u anke lill-familjari tagħha. Hija qalet li l-azzjoni li ttieħdet mill-pulizija u d-deċiżjonijiet tal-qrati għall-ħelsien mill-arrest tal-agressur ma kienux biżżejjed għax komplew ikunu u għadhom ikunu soġġetti għal trattament inuman u degradanti. 

    Mill-bidu tar-relazzjoni bejn il-koppja kien hemm problemi fosthom il-logħob tal-azzard u d-dejn. Wara r-raġel sar agressiv u beda jerfa’ jdejh fuq il-mara u meta kellhom it-tfal il-vittma rrikorriet għall-għajnuna għand l-Appoġġ. Wara li l-mara telqet mid-dar u bdiet il-proċeduri ta’ separazzjoni huwa baqa’ jsegwiha u jiffitataha kullimkien. L-atteġġjament tar-raġel baqa’ jmur għall-agħar fejn kien hemm perjodu li l-mara ssakkret id-dar sakemm inħarġilha l-ordni ta’ protezzjoni.

    Il-mara qalet li sfat vittma ta’ atti vjolenti mill-eks raġel tagħha li kkawżawlha ġrieħi fuqha u fuq binhom minuri. Hija sofriet fastidju, biża’ li tintuża vjolenza fuqha jew fuq il-familjari tagħha u anke stalking li ma waqafx minkejja li rrikorriet għand il-pulizija u ttieħdu passi legali kontrih. 

    Barra minnhekk kien hemm bosta inċidenti fejn żewġha għamel kuntatt kemm b’mod dirett bit-telefon, mowbajl u l-midja soċjali kif ukoll b’mod indirett fejn uża terzi persuni biex jibagħtu messaġġi privati lill-vittma. L-agressur anke tella’ posts fuq Facebook fejn għamilha ċara li kien qiegħed isegwi l-movimenti tal-eks mara tiegħu. Huwa njora l-ordni tal-qorti diversi drabi u baqa’ għaddej bi trattament intenzjonat u apposta biex joħloq biża’ u angoxxa bil-għan speċifiku li jumilja u jiddegrada d-dinjità tal-eks mara tiegħu.

    Is-sentenza kompliet tgħid li każijiet ta’ vjolenza domestika jimmeritaw konsiderazzjoni speċjali fejn il-Qorti tħares ukoll lejn l-obbligazzjonijiet internazzjonali skont il-Konvenzjoni ta’ Istanbul. Barra minnhekk l-Istat għandu jieħu azzjoni qabel ma jkun hemm riskju imminenti miċ-ċirkostanzi partikolari tal-vittma li tkun f’periklu ċar.

    “Id-dritt għall-ħajja privata u għall-ħajja tal-familja”

    Mix-xhieda u mill-provi miġjuba fil-kawża, il-qorti rrikonoxxiet li l-mara hija persuna vulnerabbli u qalet li huwa ta’ tħassib serju li saru pataflun ta’ rapporti u li minkejja l-ħruġ ta’ ordni ta’ protezzjoni, garanziji u kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest imposti minn diversi qrati, żewġha baqa’ jsegwi u jikkuntatja lilha u lill-membri tal-familja tagħha.

    Il-vittma talbet rimedju xieraq u effettiv għal-jeddijiet fundamentali tagħha u kumpens ta’ danni għall-ksur tad-drittijiet fundamentali tagħha. Hija lmentat min-nuqqas ta’ azzjoni mill-Pulizija li jinvestigaw u jagħtu lilha u lill-familja tagħha l-protezzjoni effettiva, xierqa u adegwata mit-theddid u fastidju minn żewġha. 

    Il-Qorti kkonsidrat li f’Malta jeżisti qafas legali effettiv intiż għall-protezzjoni tal-vittma ta’ vjolenza domestika iżda f’dan il-każ wara li r-raġel inħeles mill-arrest, il-Pulizija baqgħu ma ħadux passi fuq rapporti ġodda u dan minkejja li l-agressur kien anke rikoverat fl-Isptar Monte Carmeli għal diversi drabi fuq problemi li kellu minħabba r-relazzjoni mal-eks mara tiegħu. 

    Il-mara qalet li l-ilmenti tagħha huma aktar minn sempliċi sitwazzjoni fejn il-pulizija naqset milli tieħu azzjoni, iżda wkoll ma kienx hemm serjetà mistħoqqa għall-każ tagħha min-naħa tal-Pulizija. Konsegwenza ta’ dan hija baqgħet tkun vittma ta’ vjolenza domestika kontinwa tant li affettwaw il-kwalità tal-ħajja tagħha kif ukoll tal-familja tagħha. Għalhekk hi talbet li l-pulizija jmexxu kontra l-vjolazzjonijiet li għamel l-eks raġel tagħha wara li kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu mil-liġi.

    Il-mara qalet li l-istat naqas mill-obbligi pożittivi tiegħu li fuqhom jieħdu dawk il-miżuri preventivi u investigattivi kollha biex jassiguraw qafas legali maħsub biex jipproteġi lill-vittmi ta’ vjolenza domestika, jinvestiga u jipproċedi tempestivament kontra min qiegħed jabbuża.

    Mill-provi fil-qorti l-vittma sofriet trawmi psikoloġiċi ta’ ċertu severità mhux biss minħabba l-aġir ta’ żewġha imma wkoll minħabba l-fatt li żewġha baqa’ jagixxi b’impunità minkejja l-ordnijiet maħruġa kontrih.  

    Il-fehma tal-qorti hi li n-nuqqas tal-Pulizija li jmexxu kontra żewġha; kif ukoll id-difetti sistemiċi li jimponu piż sproporzjonat fuq vittmi ta’ vjolenza domestika li jinfurmaw huma lill-Pulizija bl-ordnijiet ta’ protezzjoni u mhux viċi versa, in-nuqqasijiet fis-sistema tal-Pulizija f’każijiet simili, jirriżultaw f’nuqqas mill-obbligazzjonijiet tal-Istat li jassigura r-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tal-vittma.

    Il-Konvenzjoni ta’ Istanbul li ġiet ratifikata Malta tgħid li l-vjolenza fuq in-nisa hija mifhuma bħala ksur tad-drittijiet tal-bniedem u forma ta’ diskriminazzjoni kontra n-nisa u għadha tfisser kull att ta’ vjolenza abbażi tas-sess li tirriżulta jew li aktarx tirriżulta fi ħsara fiżika, sesswali, psikoloġika jew ekonomika jew tbatija għan-nisa, inkluż theddid ta’ atti bħal dawn, sfurzar jew ċaħda arbitrarja tal-libertà kemm jekk isir fil-pubbliku, kif ukoll fil-ħajja privata.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0