Stqarrija minn Paul Zammit wara li ġie deċiż il-każ tiegħu ma’ Birkirkara FC

  • Lul 18, 2019 00:30
  • Miktub minn iNews
"

    Wara li l-Bord tal-Appell tal-MFA kkonferma d-deċiżjoni meħuda mill-Complaints Board fuq il-każ tiegħi, fejn ġie tterminat il-kuntratt tiegħi ma’ Birkirkara FC b’kumpens għad-danni, nixtieq li niċċara dak kollu li ntqal minn xi amministraturi f’dawn l-aħħar xhur fuq is-sitwazzjoni tiegħi mal-club, ħafna drabi bi kliem dispreġġjattiv u malafamanti, bl-intenzjoni unika li jħammeġ u jtappan il-personalitá u l-kapacitá tal-persuna.

    Kull tama li kelli li din il-kwistjoni tiġi solvuta fil-privat spiċċatli u nħoss li għandu jkolli l-opportunitá niddefendi r-reputazzjoni tiegħi u kulhadd ikun jaf il-veritá. L-ikbar dispjaċir li għandi fuq dak kollu li ġara hu, li hemm il-club ta’ Birkirkara fin-nofs, minħabba li jiena m’għandi xejn u ma jista qatt ikolli xejn kontra l-club. Id-diżgwid tiegħi kien biss ma wħud mill-individwi (mhux kollha), li huma fit-tmexxija tal-club.

    Birkirkara huwa klabb ta’ storja u club li jixraqlu jibqa’ wieħed mill-ewlenin fil-pajjiż. Ma nistax ma nirringrazzjax lill-amministrazzjonijiet preċedenti għall-opportunitá u l-fiduċja li tawni biex naħdem u ngawdi s-suċċessi matul dawn l-aħħar snin. Għalkemm il-club għadda minn staġun diffiċli, persważ li bi tmexxija ġusta u struttura organizzata, il-club ta’ Birkirkara, jista’ jerġa’ jaqbad ir-ritmu li jisfida għall-unuri fl-istaġuni li ġejjin.

    Għalkemm id-diżgwid miegħi beda, f’Ottubru 2018, u għalkemm fuq il-media lokali intqal kliem dispreġġjattiv u mhux għal kollox veritier fil-konfront tiegħi minn xi uffiċjali tal-club, jiena ddeċidejt li ma nitkellimx u ma nirribattix dak li kien qed jingħad minħabba żewġ raġunijiet speċifiċi.

    L-ewwel raġuni kienet, li b’rispett lejn il-players u l-istaff tekniku, sakemm kont għadni hemm, jien ma xtaqtx li ntellef mill-konċentrazzjoni tat-team, u ridt lill-players jibqgħu jiffokaw fuq il-logħba tagħhom u mhux fuq il-każ tiegħi kontra l-club. It-tieni u l-akbar raġuni għaliex ma tkellimtx kien ir-rispett li għandi lejn il-partitarji ġenwini tal-club, li baqgħu qrib tiegħi matul dak kollu li ġara, u ma xtaqtx nibqa niftħilhom aktar il-ferita billi nibqa’ nperreċ affarijiet tal-club fil-media u jibqgħu jisimgħu b’sitwazzjonijiet li setgħu jbaxxu l-isem tal-istess club.

    Meta erġajt irritornajt bħala coach ta’ Birkirkara, għall-istaġun 2017/18, fejn, wara bidu mhux daqstant pożittiv, bl-għajnuna tal-amministrazzjoni, players u staff tekniku, il-club irnexxielu jidħol fl-Ewropa u jasal sal-finali tal-FA Trophy, saret deċiżjoni li jinbidlu ħafna mill-elementi tal-iskwadra u bdiet tissawwar skwadra ġdida għall-istaġun 2018/19.

    F’Awwissu 2018, jiena u l-club wasalna fi ftehim għal kuntratt ġdid ta’ tliet snin, għax il-proġett kien wieħed li jħares ħafna lejn il-futur. Wara bidu b’fortuni u riżultati differenti, eżattament wara tmien logħbiet fil-kampjonat, f’Ottubru 2018, jien ġejt mitlub, mill-president tal-club, nikkonsidra li nirreżenja, jiġifieri,tliet xhur wara li ffirmajt kuntratt ta’ tliet snin.

    Għalkemm l-aħbar kienet xokkanti, iddiskutejt din ir-riżenja mitluba lili ma diversi nies madwar u fil-club u d-deċiżjoni tiegħi wara ftit sigħat kienet li ma naċċettax li nirriżenja. Ridt nibqa’ nerfa r-responsabbiltá u mhux naħrab minnha. Ridt nibqa’ naħdem fuq dak li kont nemmen fih għall-ġid tal-club.

    Komplejt b’ħidmieti, u għalkemm mil-lat ta’ taħriġ u logħob, kollox baqa’ sejjer b’mod normali u r-riżultati bdew ġejjin b’konsistenza, jien ġejt mitluq waħdi mal-istaff tekniku u l-iskwadra u l-komunikazzjoni tiegħi ma’ dawn l-individwi fl-amministrazzjoni bdiet tispiċċa. Kienet tinħass firda totali.

    Ma stajtx nifhem għaliex l-amministraturi tal-club kienu qed jagħmlu minn kollox biex itellfu s-serenitá tat-team tagħhom stess. Peró, kien id-dover tiegħi li nibqa’ nipproteġi l-iskwadra u l-istaff tekniku u affrontajna ġimgħa wara ġimgħa b’dedikazzjoni kbira. Kien biss għax-xogħol ta’ dawk il-membri tal-istaff libaqgħu leali lejja u d-dedikazzjoni tal-players li żammew it-team sejjer u b’saħħtu biżżejjed biex jaffronta l-logħbiet fil-mument.

    Minn dan l-episodju, f’Ottubru 2018 sal-aħħar ta’ Dicembru 2018, it-team Karkariż lagħab sitt partiti, fejn irnexxielu jirbaħ ħamsa minnhom. Fi tmiem l-ewwel round, it-team spiċċa seba’ punti ‘l bogħod minn dak li kien qed jokkupa l-ewwel post, erba’ punti ‘l bogħod mit-team li eventwalment rebaħ il-kampjonat, u mal-Aħħar 16 fl-FA Trophy. Kien fadal round ieħor sħiħ u logħob mill-aħħar fażi fit-Trophy. L-istaġun kien għadu miftuħ beraħ għalina.

    Imbagħad, minn meta spiċċa l-ewwel round, f’nofs Dicembru, sakemm għalqet it-tieq tas-suq tat-trasferimenti, fl-aħħar ta’ Jannar, l-amministraturi ta’ Birkirkara bdew iġibu u jneħħu players mingħajr konsultazzjoni miegħi u biddlu nofs l-iskwadra. Bħala Head Coach, kelli d-dritt u d-dmir kuntrattwali li nkun responsabbli u involut fi kwalunkwe tibdil fl-iskwadra u fl-istaff tekniku, peró l-amministrazzjoni ddeċidiet mod ieħor u baqgħu jagħmlu ta’ rashom, bir-riżultat li Birkirkara spiċċaw l-istaġun 19-il punt wara t-team li rebaħ il-kampjonat u anke eliminati mill-FA Trophy.

    Dan kollu waqt li rnexxielhom ikollhom tliet coaches oħra warajja. Stajt nifhem perfettament dan l-andament negatttiv tat-team fit-tieni fażi tal-istaġun, ghaliex il-players u l-istaff ma setgħux jaħdmu f’ambjent trankwill, u psikoloġikament ma setgħu qatt ikunu ppreparati biex joħorġu l-potenzjal massimu tagħhom fuq il-pitch.

    Fl-4 ta’ Jannar 2019, il-president u l-kumitat tiegħu bagħtu għalija u għarrfuni li l-club ingaġġa lil John Arne Riise bħala Direttur Sportiv, fejn kien sejmexxi l-istaff tekniku u responsabbli, fost affarijiet oħra, minn deċiżjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-iskwadra, it-taħriġ u l-logħob. Barra li kien hemm ksur kuntrattwali, jiena bħala Head Coach ma stajt qatt naqbel ma’ din il-ħatra, u ridt nibqa’ nżomm mal-prinċipji tiegħi ta’ coach u ta’ uman.

    Il-president tani żewġ għażliet, dik li nibqa naħdem taħt din il-persuna, li lanqas huwa kwalifikat bħala coach, u nagħmel dak li jgħidli, jew inkella nirreżenja. Dak il-ħin li ġejt mgħarraf bid-deċiżjoni, jien mill-ewwel avżajt lil president li mhux se naċċetta dan l-ingaġġ, anke għax iġib miegħu ksur fil-kuntratt tiegħi, u jekk se ninżel għat-taħriġ, jien kont se nibqa’ nagħmel xogħli bħala Head Coach.

    Definittivament li ma kontx se naċċetta din l-umiljazzjoni u nibqa’ mal-club bħala Head Coach tal-isem u tal-firem. Il-club ma riedx li jien nibqa’ nagħmel xogħli skond il-kuntratt li kelli, u għalhekk, bi qbil bejn iż-żewġ partijiet, ġejt skużat milli nattendi għat-taħriġ kif ukoll għal-logħob, sakemm tiġi riżolta l-kwistjoni.

    Jien nifhem li l-club, bħal kull club ieħor, għandu d-dritt ma jaqbilx mat-tmexxija teknika u jkun jixtieq li jibdel, peró hemm metodi ġusti u korretti kif dan għandu jsir. L-uniku għan ta’ dawn l-individwi tal-club fil-konfront tiegħi kien li joħolqu sitwazzjonijiet biex jisfurzawni nirreżenja. Minn wara l-ħatra ta’ Riise, jien flimkien mal-konsulenti legali tiegħi għamilna minn kollox biex nippruvaw insibu soluzzjoni reċiproka u paċifika li taqbel għaż-żewġ partijiet.

    Fil-fatt, kompliet korrispondenza bejn il-konsulenti tiegħi u l-club, fejn fost oħrajn intbagħtet Dissent Letter li turi li jien ma naqbilx mal-ħatra ta’ Riise għax kienet toħloq ksur fil-kuntratt tiegħi. Fl-10 ta’ Jannar, 2019, intbaghat ukoll draft agreement li jien kont qed nipproponi lill-club, biex il-kwistjoni tigi solvuta b’soluzzjoni bonarja, fejn jien tlabt li għalkemm kont ilni ma nitħallas minn Awwissu 2018, il-kuntratt tiegħi ikun terminat billi jsir financial settlement sal-aħħar tal-2019 u jiġu maħfura s-sentejn l-oħra li hemm fuq il-kuntratt.

    Peró dan, flimkien ma korrispondenza oħra, qatt ma ġew ikkunsidrati mill-amministraturi tal-club. Allura, fil-21 ta’ Jannar, 2019, kelli nibgħat Default notice, skond ir-regolamenti tal-MFA, fejn il-club jingħata ċ-ċans ta’ ħmistax-il ġurnata biex jirrimedja l-ksur kuntrattwali li kellu miegħi. Din id-Default notice giet injorata wkoll mill-amministraturi tal-Club, u għal darb’oħra, fl-24 ta’ Jannar 2019, erġajna ktibna lill-avukat tal-klabb ta’ Birkirkara fejn għarrafnih li aħna lesti nisimgħu proposti biex id-diżgwid jissolva amikevolment. Għal darb’oħra, ma kellna l-ebda risposta, u fil-11 ta’ Frar, 2019, ma kellix triq oħra ħlief li nitfa’ l-każ tiegħi għand il-Complaints Board tal-MFA ħalli tinstab soluzzjoni b’ġustizzja.

    Ma kinitx l-intenzjoni tiegħi li nasal s’hawn imma ma kellix triq oħra. Bqajt naħdem f’kundizzjonijiet inaċċettabbli minn Ottubru 2018 sa Diċembru 2018, u minn Jannar 2019 ippruvajt iktar minn darba nipproponi ftehim b’terminazzjoni bonarja, imma l-amministrazzjoni qatt ma tat każ. Il-Complaints Board sema’ l-każ u ħareġ bid-deċiżjoni tiegħu nhar il-25 ta’ Marzu 2019, fejn ordna li jiġi terminat il-kuntratt tiegħi b’kumpens totali u tiġi attwata prohibition fuq il-club.

    Il-Club appella minn din id-deċiżjoni peró l-Bord tal-Appell, nhar il-5 ta’ Lulju 2019, reġa tani raġun u kkonferma d-deċiżjoni tal-Complaints Board.

    Dan huwa eżatt dak kollu li ġara fil-konfront tiegħi ma dawn l-amministraturi tal-club. Din hija l-veritá u dak kollu li nkiteb hawn huwa msaħħaħ u ppruvat minn dokumenti u korrispondenza li ġew ippreżentati mal-każ tiegħi quddiem il-Complaints Board u l-Appeals Board tal-MFA. Kien għalhekk li l-każ intrebaħ fiż-żewġ istanzi.

    Huwa ta’ dispjacir kbir ghalija li kelli ngħaddi minn din l-esperjenza, għaliex ma kienet ta’ ġid għal ħadd,u onestament bata kulħadd minn dak li ġara. Kien żmien diffiċli ħafna u għaddejt minn perijodu ikrah ħafna. Ma nixtieq lill-ebda coach jgħaddi minn xi ħaġa simili. Kont naf li biex inżomm mal-prinċipji tiegħi kont se ngħaddi minn passjoni, peró l-valuri u l-prinċipji sodi ta’ bniedem u ta’ coach ma jistgħu qatt jiġu mgħawġa jew mibjugħa.

    Batejt ħafna fis-silenzju, u l-aktar li batew miegħi kienu l-membri tal-familja tiegħi. Kien perijodu fejn indunajt minn hu vera ħabib tiegħi, min veru jirrispettani, min veru jemmen fija u min veru riedli l-ġid.

    Nirringrazzja ‘l Alla li żammni sod, u lil kull min għeni u emmen fija: lill-familja tiegħi u l-ħbieb tal-qalb; lill-players u lil dawk il-membri tal-istaff li baqgħu leali; lis-segwaċi ġenerali tal-football Malti; lill-Malta Football Players Association (MFPA), li għalkemm jiena coach u mhux player, xorta fetħet il-bibien għalija, b’mod speċjali lil Carlo Mamo li kien ta’ spalla kontinwa. Grazzi mill-qalb tmur lil DrSihon Gauci li rrappreżentatni sa mill-bidu nett, kif ukoll lil DrRobert Dingli u lil DrJoe Giglio tas-sostenn legali.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0