[Aġġornat] Il-Proġett tas-Central Link approvat bi tmien voti kontra tlieta

  • Lul 18, 2019 09:10
  • Miktub minn iNews
"

    Aġġornat: 

    F'sessjoni li damet numru ta' sigħat, il-Bord tal-Awtorita tal-Ippjanar ivvuta favur il-proġett ta' Central Link ġewwa Ħ'Attard. B’dan il-proġett se jkunu qed jiġi mibnija mill-ġdid u jsir twessigħ ta’ rotta ta’ madwar erba’ kilometri ta’ toroq li testendi mill-Bypass tal-Imrieħel, tul Triq l-Imdina f’Birkirkara, Ħal Balzan u Ħ’Attard, sar-roundabout li hemm fil-bidu tat-Telgħa tas-Saqqajja, fl-inħawi ta’ Ta’ Qali. Għall-ewwel darba se jkun hemm sistemi li jħajru aktar persuni biex jagħmlu użu minn mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi, fosthom l-itwal korsija għar-roti maqtugħa għaliha mit-triq li qatt saret f’Malta u kilometri ta’ passaġġi għall-mixi.

    Qabel:

    Għar-residenti ta’ Ħ’Attard, Ħal Balzan u lokalitajiet oħra fiċ-ċentru ta’ Malta u għal dawk kollha li ta’ kuljum jivvjaġġaw mill-arterja ta’ toroq ewlenin dojoq f’din iż-żona, illum hija l-ġurnata li jsiru jafu jekk finalment hux se jitwettaq Central Link Project, soluzzjoni li ilha fuq l-ixkaffa 13-il sena. 

    Dalgħodu, il-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar se jieħu deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni ta’ Infrastructure Malta għal dan il-proġett, biex tibni mill-ġdid u twessa’ rotta ta’ madwar erba’ kilometri ta’ toroq li testendi mill-Bypass tal-Imrieħel, tul Triq l-Imdina f’Birkirkara, Ħal Balzan u Ħ’Attard, sar-roundabout li hemm fil-bidu tat-Telgħa tas-Saqqajja, fl-inħawi ta’ Ta’ Qali. Fl-istess waqt, f’din ir-rotta, se jsiru għall-ewwel darba sistemi li jħajru aktar persuni jużaw mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi, fosthom l-itwal korsija għar-roti maqtugħa għaliha mit-triq li qatt saret f’Malta u kilometri ta’ passaġġi għall-mixi. 

    Is-Central Link għandu jnaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar

    Kemm-il darba jiġi approvat, is-Central Link Project se jnaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar f’din iż-żona bin-nofs billi jinbnew mill-ġdid 13-il junction, jitneħħew erba’ sistemi ta’ traffic lights, fosthom dawk ta’ ħdejn l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) fl-Imrieħel u dawk fid-daħla ta’ Ħal Balzan fl-inħawi ta’ San Anton, u jiżdiedu aktar minn seba’ kilometri f’korsiji ġodda. Bħalissa, parti kbira minn din ir-rotta li minnha jgħaddu eluf ta’ persuni kull siegħa, għandha biss korsija waħda kull naħa. Dawn jinkludu Triq in-Nutar Zarb, triq dejqa li ma tistax titwessa’ għax għandha d-djar maż-żewġ naħat, kif ukoll partijiet ta’ Triq l-Imdina li fil-passat kienu ċċekknu għal korsija waħda, bħal ma nsibu fl-inħawi tal-Isptar Monte Karmeli. Dawn issa se jiġu eliminati b’korsiji ġodda u disinn tat-toroq aħjar li jnaqqas id-dewmien fl-ivvjaġġar. 

    Fl-istess waqt, se jnaqqas konsiderevolment it-traffiku u t-tniġġis tal-arja u l-istorbju minn diversi toroq residenzjali f’Birkirkara, Ħal Balzan u Ħ’Attard li bħalissa jintużaw minn ħafna persuni sabiex jevitaw li jeħlu fir-rotta tat-toroq ewlenin fl-istess inħawi, li ilha ma tiġi mtejba snin twal.  

    Bi tħejjija għal dan il-proġett, l-awtoritajiet tal-ippjanar u tal-ambjent talbu li jsiru ħafna studji minn esperti indipendenti, sabiex jevalwaw il-benefiċċji u l-konsegwenzi tiegħu. Dawn l-istudji dwar l-impatt ambjentali (EIA), li ġew ippubblikati għall-konsultazzjoni pubblika fix-xhur li għaddew, jikkonfermaw li l-proġett kif qed ikun propost huwa l-aktar soluzzjoni effettiva u sostenibbli biex jonqos il-ħin tal-ivjaġġar f’din ir-rotta ewlenija u biex titjieb il-kwalità tal-ajra fil-lokalitajiet tal-madwar. Din l-analiżi xjentifika u indipendenti tindika wkoll illi jekk ma jsirx it-titjib meħtieġ fit-toroq eżistenti biex ilaħħqu mad-domanda tat-trasport ta’ bħalissa u dik tal-ġejjieni, fi żmien għaxar snin din ir-rotta ewlenija tiġġamja kompletament (completely gridlocked), b’konsegwenzi serji fuq il-kwalità tal-arja għar-residenti ta’ Ħ’Attard, Ħal Balzan u Birkirkara. 

    Wara li ġew ikkunsidrati proposti alternattivi dwar kif jista’ jiġi mtejjeb in-netwerk ta’ toroq fiċ-ċentru tal-pajjiż, l-istudju jidentifika l-pjan kif propost minn Infrastructure Malta bħala l-aħjar għażla kemm biex ikun hemm titjib fil-kwalità tal-ajra kif ukoll biex jitnaqqas il-ħin tal-ivjaġġar. 

    L-istudji tal-impatt ambjentali jikkonferma wkoll li bis-Central Link Project se tonqos b’57% l-art agrikola li kienet oriġinarjament se tittieħed kieku dan il-proġett sar bil-pjanti li kienu tfasslu 13-il sena ilu għall-istess żona, bħala parti mill-Pjan Lokali għaċ-Ċentru ta’ Malta. Il-pjan tal-2006, li qatt ma twettaq, diġà kien indika li l-konġestjoni tat-traffiku fi Triq l-Imdina, Triq in-Nutar Zarb u toroq oħrajn fil-viċinanzi bħala problema kbira għal-lokalità ta’ Ħ’Attard u oħrajn fil-qrib. 

    L-istudju jikkonferma li dawn il-problemi għadhom qed jolqtu eluf ta’ persuni u li jekk ma tinbidilx l-infrastruttura preżenti, se jkomplu sejrin għall-agħar. Fil-fatt, l-EIA juri li kemm-il darba ma jsirx it-titjib propost fis-Central Link Project, sas-sena 2030 il-ħin tal-ivvjaġġar fl-inħawi jiżdied bi 2.8 darbiet aktar fil-ħinijiet ta’ filgħodu u 4.4 darbiet aktar waranofsinhar, waqt li sal-2045 dan ikompli jiżdied għal 8.1 u 7.8 darbiet aktar rispettivament.  

    L-istudju dwar il-kwalità tal-arja, li huwa bbażat fuq monitoraġġ tal-arja li sar is-sena li għaddiet f’diversi nħawi matul ir-rotta, juri l-effetti ħżiena li din il-konġestjoni severa tħalli fl-arja tal-madwar. Kieku l-proġett ma jsirx, it-trab iswed u l-emissjonijiet tad-dijossidu tan-nitroġenu fl-arja, inkluż f’Ħ’Attard u Ħal Balzan, jiżdiedu b’rati allarmanti fis-snin li ġejjin. It-trab iswed u d-dijossidu tan-nitroġenu huma l-akbar żewġ sorsi ta’ tniġġis ikkaġunat mill-emissjonijiet tal-karozzi. Bis-Central Link Project tkun eliminata l-konġestjoni ta’ bħalissa fit-toroq u l-junctions fl-inħawi u dan iwassal għal tnaqqis f’dawn l-emissjonijiet anke meta tikkunsidra ż-żieda li se jkun hawn fid-domanda għat-trasport fil-futur. 

    F’nofs Jannar li għadda Infrastructure Malta ppreżentat l-istudji kollha li saru b’rabta mal-EIA minn esperti indipendenti, kif ukoll il-pjanti finali tas-Central Link Project, lill-awtoritajiet tal-ambjenat u tal-ippjanar li se jiddeċiedu dwar il-permess għall-iżvilupp ta’ dan l-investiment importanti. Wara konsultazzjonijiet estensivi li saru mar-residenti tal-inħawi, għaqdiet mhux governattivi u entitajiet oħrajn, il-pjanti tal-proġett kienu ġew irfinuti sabiex ikomplu jiżdiedu l-benefiċċji għal dawk li jużaw dawn it-toroq, u partikolarment għar-residenti tal-lokalitajiet tal-madwar fosthom Birkirkara, Ħal Balzan u Ħ’Attard. Issa li l-awtoritajiet analizzaw il-pjanti u r-rapporti tal-istudji kollha li saru, illum l-applikazzjoni għal dan il-proġett se tiġi diskussa mill-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar, biex tittieħed deċiżjoni.  

    Il-pjanti finali tal-proġett li fasslet Infrastructure Malta jinkludu diversi titjib fuq id-disinji oriġinali li kienu tħabbru s-sena l-oħra. It-triq b’żewġ korsiji li se tinbena fit-tarf ta’ Ħ’Attard biex tkun eliminata l-konġestjoni mill-qalba ta’ din il-lokalità issa tbiegħdet aktar mill-inħawi residenzjali. Din it-triq ġdida se taqdi l-istess funzjoni li kien se jkollha l-bypass b’erba’ korsiji li kienet tfasslet fl-2006, imma b’inqas minn nofs l-art agrikola li kienet oriġinarjament iddedikata għaliha fil-pjanijiet antiki. 

    It-triq issa se tkun maqtugħa minn Triq Ferdinandu Inglott, Triq Oliver Agius u Triq Tumas Chetcuti, billi se jkun hemm jifridhom żona bis-siġar u pjanti akbar minn qabel, kif ukoll korsija għar-roti fiż-żewġ direzzjonijiet, wiesgħa erba’ metri, li se tkun inkorporata mal-bini mill-ġdid ta’ dawn it-toroq residenzjali. Aktar minn hekk, it-triq arterjali ġdida se tkun mibnija fuq livell aktar baxx, aktar minn sular l-isfel mit-toroq residenzjali, u b’hekk naqas ħafna l-impatt viżiv tagħha fuq id-djar u l-villel li hemm fil-periferija ta’ Ħ’Attard.

    Tibdil importanti ieħor fil-pjanti tas-Central Link Project sar fid-disinn tal-korsija għar-roti ġdida. Din issa se tkun l-itwal waħda tat-tip tagħha f’Malta, f’żewġ direzzjonijiet u mifruda mit-triq, u testendi mill-Imrieħel (fejn hemm l-uffiċini tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji) sa Ta’ Qali. Bil-mod kif ġiet iddisinjata, din il-korsija ġdida se jkollha wkoll aċċess aħjar minn u lejn l-Imrieħel, Birkirkara, Ħ’Attard u Ħal Balzan. 

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0