Basketball: Intervista mal-president tal-MBA, Paul Sultana

  • Lul 17, 2019 14:55
  • Miktub minn minn Cris Muscat
"

    Kif bdiet l-imħabba tie­għek lejn il-basketball?

    Meta kont żgħir, ommi ma kinitx tħallini nilgħab il-football barra fit-toroq. Issa ġara li ħija kien jilgħab il-basketball u kont immur narah ta’ spiss jilgħab.

    Bqajt bqajt sakemm tħaj­jart jien ukoll u fi ftit taż-żmien wara sirt player tal-basketball. Min qatt kien jgħidli li kont ser navvanza daqshekk f’din il-logħba?

    Kemm irbaħt unuri fil-kar­riera tiegħek bħala pla­y­er?

    Irbaħt ħafna unuri matul il-karriera tiegħi li jien ħadtha b’serjetá kbira. Fil-fatt għandi rekord ta’ kemm irbaħt il-kampjonat lokali eżattament 11-il darba, sitta minnhom ma’ tliet clubs dif­ferenti.

    Dan kollu għamiltu b’mod konsekuttiv u għal­hekk ftit hawn nies li rnexxielhom jagħmlu dan kollu.

    Kif iddeċidejt li tmur fl-amministrazzjoni ta’ dan l-isport?

    Kif spiċċajt il-karriera ta’ player ma xtaqtx nieqaf u ridt inkompli nagħti kontribut lil dan l-isport biex ikompli jevolvi.

    Huwa veru li għamilt sena sabbatika, xi ħaġa li xi kultant kulħadd ikollu bżonnha. Imbagħad kelli t-tifel li beda jilgħab mat-team taż-żgħażagħ ta’ Lu­xol. 

    Wara li għaddew dawk it-12-il xahar fejn jien kont wieqaf mix-xena tal-basketball, ġie fuqi Felix Schembri u staqsieni jekk kontx inte­ressat li nikkowċja t-team taż-żgħar ta’ Loyola.

    Jien aċċettajt u proprju minn hemm bdiet il-kar­riera tal-coaching mal-Under 14 sa ma rnexxieli saħansitra ntellagħhom sal-Ewwel Diviżjoni.

    Wara ftit tħajjart li mmur fl-amministrazzjoni tal-basketball lokali u eventwalment ġejt maħtur bħala president tal-Malta Basketball Association.

    Int kellek iċ-ċans tokkupa tliet rwoli importanti fi ħdan dan l-isport -  dik ta’ player, coach kif ukoll president. Liema minnhom hi l-iktar waħda diffiċli?

    Nistqarr miegħek li l-iktar waħda diffiċli hi din il-kariga li qed nokkupa bħal­issa, jiġifieri, president tal-Malta Basketball Asso­ciation.

    Dan kollu minħabba li hemm ħafna sitwazzjonijiet li jqumu minn żmien għal żmien u li trid taħseb fuq­hom u tara kif issolvihom bl-aħjar mod possibbli.

    Kemm ilek f’din il-kariga, irnexxielek iġġib bidla kbira fejn naqas sostanzjalment id-dejn u rnexxie­lek tibni court tal-basketball mill-aqwa. Kif ir­nex­xie­lek tagħmel dan kollu?

    Dan kollu rnexxieli nagħm­lu bil-perseveranza u l-paċenzja.

    Kelli biċċa xogħol diffiċli biex nikkonvinċi lin-nies biex isir ix-xogħol u din l-as­soċjazzjoni nkomplu mmex­xuha ‘l  quddiem. Jien ridt ninvesti minn ġewwa u naħdem biex ħaddieħor jagħmel kuraġġ u jemmen fil-prodott tagħna.

    B’wiċċi minn quddiem, nista’ ngħid li sejrin tajjeb ħafna. Kull gvern li kien hemm kompla jagħtina l-għaj­nuna u jmexxina ‘l quddiem.

    Infaqna madwar €1 miljun biex investejna fi training courts ta kwalitá. Il-gvern tana madwar €200,000 bħala għajnuna, il-bqija ssellifna mill-bank biex inħallsu mhux biss dawn l-istess courts iżda anke wkoll il-car park. Biddilna l-famuż hangar u għamilnih fil-livell ta’ court professjonali tal-basketball. 

    Qed nikkalkulaw li fi żmien tliet snin neħilsu dan l-istess self ta’ flus.

    Kemm int kuntent bil-format tal-kampjonat kif inhu bħalissa?

    Is-sena l-oħra kellna seba’ timijiet fl-Ewwel Diviżjoni u ninsab kuntent f’dak il-lat. Il-barranin li ġew jgħixu hawn Malta taw spinta kbira lil dan l-isport.

    Bħala eżempju ċar ... il-kampjonat ta’ Taħt il-25 sena qed jiżvolġi f’wieħed ferm interessanti.

    Forsi d-diżappunt jibqa’ f’dak li għandu x’jaqsam kampjonat tan-nisa min­ħabba li kellna erba’ timijiet biss.

    X’taħseb dwar in-numru ta’ barranin li jilagħbu f’team tal-basketball lokali?

    Is-sena l-oħra kellna tliet barranin li kienu qed ji­lagħbu fil-court. Kien espe­ri­ment li rnexxa għax kien hemm eċċitament kbir f’dak li għandu x’jaqsam kampjonat.

    Madankollu għalkemm tjieb ferm il-livell, din il-miżura saret għad-detri­ment taż-żgħażagħ Maltin fejn kienu biss żewġ players mil-lokal li bdew jilagħbu fil-court.

    Issa rranġajna s-sitwaz­zjoni u ser jibda jkollna żewġ barranin fil-court minflok tlieta.

    M’hemmx dubju li t-team nazzjonali fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar iddiżap­punta mhux ftit. X’ġara eżatt?

    Kellna xi ftit ta’ intopp fil-preparazzjoni tagħna u dan kollu affetwana xi ftit. Kellna tliet players mill-ewwel ħamsa li s-soltu jibdew li ma telgħux il-Montenegro min­ħabba injury. Ma konniex nafu x’kien ser jiġri.

    B’hekk il-preparazzjoni tagħna ma kinitx kif mixtieqa. Issa qed nagħmlu analiżi ta’ x’ġara u lesti nħal­lu din l-esperjenza warajna, nitgħallmu minn­ha u nimxu ‘l quddiem.

    Kien hemm xi kritika minħabba l-coach tat-team nazzjonali Malti, Angela Adamoli, li din ma tgħixx Malta. Taħseb li din kienet waħda mir-raġunijiet?

    Le lanqas xejn! Angela Adamoli nqisha bħala coach fenomenali. Aħna lħaqna ġibniha xahar qabel iżda kif għedtlek kellna xi players neqsin u dik affettwatna mhux ftit.

    Forsi ta’ vantaġġ żgħir kien li ntroduċejna żewġ players żgħażagħ u dawn ser insibuhom ‘il quddiem. Għaddejjin minn tranżiz­zjoni fl-iskwadra tagħna u ninsabu ħerqana biex nerġgħu nduqu s-suċċess.

    X’inhu eżattament l-irwol tiegħek fi ħdan il-Kumitat Olimpiku Malti?

    L-ewwelnett kelli ċ-ċans li waqt il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar inkun inkarigat li nkun Chef de Mission u nis­ta’ nassigurak li kienet esperjenza sabiħa ħafna. Jien kont il-bniedem li bdejt nikkordina l-affarijiet.

    Jien li kont amministratur, coach u player, kont naf x’ried il-kontinġenti Malti u għalhekk ippruvajt nagħm­li­l­hom il-ħajja aktar faċli.

    Kont naf x’qed iħossu u rajt apprezzament kbir min-naħa tagħhom għall-ħidma tiegħi li għamilt fil-Montenegro.

    Fil-Kumitat Olimpiku Malti jien inkarigat bħala chairman tal-kummissjoni taż-żgħażagħ. Għandna diversi skemi għaddejjin u naraw li ngħinu żgħażagħ promettenti jirnexxu.

    Dan il-kumitat ukoll għaddej minn tranżizzjoni u qed nippreparaw bis-sħiħ biex inkunu lesti għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se jsiru f’Malta stess.

    X’inhi r-relazzjoni tal-MBA ma’ SportMalta u l-Kumitat Olimpiku Malti?

    Nista’ niddeskrivi din ir-relazzjoni bħala waħda eċċezzjonali. Il-fatt li jien għandi sieq f’dan il-kumitat jgħinna wkoll.

    Nimxu id f’id mal-awtoritajiet konċernati u nsibu wkoll għajnuna miċ-Chair­man Eżekuttiv ta’ Sport Malta, Mark Cutajar. L-għan tagħna hu li nkomplu ntejbu l-organizazzjoni tagħna.

    Kif inhuma l-kuntatti internazzjonali li għandkom mal-FIBA?

    Huma kuntatti mill-isbaħ li għandna mal-FIBA. Aħna qegħdin ukoll fil-kummis­sjoni tal-pajjiżi ż-żgħar. Il-FIBA tgħinna fl-attivitajiet taż-żgħażagħ.

    Għandna kuntatt biex inżidu l-famuża 3x3. Irnex­xielna mmorru tajjeb f’tour­nament partikolari b’żewġ timijiet tan-nisa u tal-irġiel kontra l-Polonja u l-Italja.

    Għandna wkoll kollaborazzjoni speċjali mal-fede­razzjoni Taljana tant li Petrucci kien f’pajjiżna. Qed nagħmlu korsijiet għall-coaches Maltin biex itejbu l-livell tagħhom u issa dalwaqt jibda ieħor. Naħseb li mexjin fit-triq it-tajba.

    Kemm tiftiehem mal-ku­mi­tat li jaħdem mie­għek?

    Il-federazzjoni hi mmex­xija minni u hemm ukoll Joseph Muscat. Bl-għajnuna tal-membri l-oħra, li huma kollha voluntiera, jirnex­xielna nagħmlu l-mirakli. 

    Huwa diffiċli li ssib min jiddedika ruħu bħalna f’dan is-settur tal-volontarjat li sfortunatament qed jonqos. Il-Gvern qed jgħin lill-assoċjazzjonijiet mill-aħjar li jista’ u aħna qed nippruvaw nimxu fuq struttura profes­sjonali.

    Kellek iċ-ċans tkellem lil Prim Ministru Joseph Muscat f’dan ir-rigward?

    Iva. Fil-fatt l-ewwel diskursata bdiet waqt il-Logħob tal-Commonwealth, f’Marzu tas-sena l-oħra, fi Queensland, l-Awstralja. 

    Hu ra l-impenn li qed jagħmlu l-atleti Maltin u d-dedikazzjoni li qed juru. Il-Prim Ministru qalilna wkoll li jekk aħna nipprovdu struttura professjonali u fl-istess ħin pjan ekonomiku se jkun qed jgħinna żgur.

    B’hekk qed naħdmu biex dawn ir-rekwiżiti jiġu attwati.

    Kif taħseb li se jkun il-futur tal-Malta Basketball Association?

    B’sodisfazzjon ngħid li għamilna progress kbir. Aħna wasalna fejn kellna naslu għalkemm ma nis­tgħux nitjiebu iktar jekk ma jkollniex il-fondi.

    Kapaċi mmorru għal-livell ieħor u kulma jonqos hu dik l-għajnuna finanzjarja. Ser nagħfsu ħafna fuq din l-istruttura biex intejbu dejjem aktar l-immaniġġjar tal-logħba u eventwalment il-progress tagħha.

    Nixtieqek tgħaddi l-aħ­ħar messaġġ lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li qed jinte­ressaw ruħhom biex jibdew jipprattikaw il-basketball.

    Din hi logħba sabiħa tal-familja u għalkemm mhux faċli li tilgħabha, hi ferm attraenti u eċċitanti. Il-logħba għaddejja minn evoluzzjoni kbira u nemmen li ser tkompli tikber dejjem aktar.

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0