Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-football?
Bdiet pjuttost tardd ... naħseb meta kelli xi għaxar snin. Qatt ma kelli l-abbiltajiet tekniċi biex nilgħabu kif xtaqt, però niftakarni minn ċkuniti nilgħab logħob bħal Championship Manager u Football Manager, logħob li fihom jispikka l-element amministrattiv fil-football.
Indirettament nemmen li ħallew impatt fuqi matul iż-żogħżija tiegħi.
Għaddew is-snin u għad-degree fil-Business Enterprise, lura fl-2014, kont għamilt it-teżi tiegħi fuq l-użu tan-nurseries Maltin fil-kuntest ta’ Social Investment u Cash Flow.
Wara dik ir-riċerka, ġejt imħeġġeġ biex nissieħeb fil-kumitat tal-football tar-raħal tiegħi, Fgura United.
X’tikkummenta fuq l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Fgura United?
Mill-aspett personali tgħallimt ħafna lezzjonijiet tal-ħajja. Hawnhekk sibt familja li temmen fija, u se nagħmel l-almu tiegħi biex inrodd lura din il-fiduċja b’aktar xogħol lejn il-club.
Tgħallimt il-valuri ta’ rispett, lealtà u s-sens ta’ familja. Tgħallimt li meta taħdem fi club tista’ tilħaq ferm aktar għanijiet minn li kieku taħdem għal rasek.
Mill-aspett professjonali, tgħallimt ħafna wkoll, speċjalment kif tuża bl-aħjar mod possibbli r-riżorsi limitati.
Għadek kemm ilħaqt president ta’ Fgura United. Kif qed tħares lejn din l-esperjenza?
Qed inħares lejha b’kuraġġ u determinazzjoni biex flimkien inkomplu bil-ħidma li ilna nagħmlu għal dawn l-aħħar snin, kemm fejn għandu x’jaqsam it-team tal-kbar kif ukoll in-nursery tagħna, li llum tħaddan fiha iktar minn 230 tifel.
Kif jista’ jixhed kull min isegwi l-ħidma tal-club tagħna, matul l-istaġun organizzajna ħafna attivitajiet u programmi għaż-żgħażagħ tagħna: taħriġ ta’ kwalità, numru rekord ta’ friendlies, after-school programme u sessjonijiet oħra edukattivi, diversi żjarat barra minn xtutna, maratona ta’ football, sticker album u ħafna iktar.
Din is-sena għandna wkoll sfida iebsa imma sabiħa - dik li se nikkompetu fl-ewwel diviżjoni fejn dik tal-istaġun li ġej se tkun kompetittiva mmens u bħala team li għadu tiela’ mit-Tieni Diviżjoni, żgur li se nkunu underdogs.
Madanakollu nemmnu li fejn ikun hemm l-għaqda hemm is-saħħa u dan għandu jixpruna fostna l-kuraġġ.
X’inhuma l-ħsibijiet fuq id-dimensjoni internazzjonali ta’ Fgura United?
L-istaġun li għadda kien wieħed rekord għalina f’dan l-aspett. Iffirmajna ftehim u tellajna tfal għal esperjenza ma’ Robur Siena fl-Italja.
Żorna u assistejna għas-sistemi li jintużaw minn Watford FC. Lgħabna kontra Sportland fi Sqallija kif ukoll se nipparteċipaw fir-Wroclaw Tournament fil-Polonja. Ospitajna lil FC Salisbury tal-Ingilterra u amministraturi u coaches tagħna pparteċipaw f’diversi korsijiet tal-Erasmus+, fosthom fl-Islanda, fl-Awstrija u f’Ċipru.
Nitkellmu dwar l-aħħar staġun ta’ Fgura United. X’taħseb dwar dak kollu li urejtu matul l-aħħar staġun?
Kellna wirjiet tajbin ħafna anki grazzi għall-abbiltajiet tal-coach Kevin Vella, u li għandu jservi ta’ pedament għall-istaġun li ġej.
Ovvjament dan mhux il-punt tal-wasla imma huwa biss il-punt tat-tluq. Il-partitarji kkonkorrew u taw sapport bla preċedent lit-team tagħna matul l-istaġun kollu, u nittama u ninsab konvint li se jkunu ta’ spalla importanti għat-team anki fl-istaġun li ġej.
Fin-nursery, taħt it-tmexxija tal-Head Coach Claude Chetcuti, ksirna r-rekord tan-numru ta’ tfal membri magħna, li issa tela’ għal aktar minn 230.
Bla dubju, dan juri li qed nagħmlu xogħol siewi fin-nursery. Dan għandu jixprunana biex inkomplu nagħtu l-mija fil-mija tagħna għan-nursery.
In-nursery tagħna kienet, għadha u se tibqa’ fil-qalb u fiċ-ċentru tal-club tagħna.
X’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess biex bħala Fgura United ksibtu l-promozzjoni għall-Ewwel Diviżjoni?
Perseveranza, rispett u għaqda. Naħseb meta tagħġen dawn il-valuri flimkien jagħmlu prodott tajjeb għas-suċċess.
Barra minnhekk naħseb li l-għeruq tas-suċċess kien ukoll il-kumitat tagħna li mexxa l-club b’kuraġġ kbir.
Ħriġna b’ideat dwar attivitajiet u inizjattivi varji biex noffru servizz mill-aqwa lil kull stakeholder tagħna.
Ġibna magħna lil kull min hu nvolut fil-club - coaches, players, ġenituri, tfal u partitarji oħra.
Flimkien għelibna ostakli kbar u konvint li hekk se nkomplu nagħmlu ‘l quddiem.
Kieku jkolli npoġġi kollox fi frażi waħda, nagħżel li ngħid li “s-sens ta’ familja” huwa s-sigriet tas-suċċess tagħna.
Taqbel li hemm differenza ta’ livell bejn it-timijiet ta’ fuq u dawk ta’ taħt?
Naħseb li t-Tieni Diviżjoni dan l-aħħar staġun kien wieħed kompetittiv ħafna.
Id-differenza bejn ta’ taħt u ta’ fuq naqset u fil-fatt dan jixhdu l-fatt li f’punt partikolari tal-istaġun kien hemm-sitt timijiet jiġġieldu għall-ogħla postijiet fil-klassifika.
Taħseb li l-barranin li qed jiġu mhux dejjem qed ikunu ta’ livell ikkomparati mal-players Maltin?
Naħseb iktar milli l-kwantità, irridu niffukaw fuq il-kwalità, speċjalment fit-Tieni Diviżjoni meta tista’ tilgħab barrani wieħed biss.
Li player ikun barrani ma jfissirx li jkun aħjar minn Malti. Ejjew nuru fiduċja fil-Maltin ukoll.
Kemm int kuntent bil-grounds fejn tilagħbu l-logħob tal-Kampjonat tat-Tieni Diviżjoni?
Naħseb li kemm Victor Tedesco Stadium u Centenary Stadium huma żewġ postijiet ta’ infrastruttura importanti u ta’ livell għat-Tieni Diviżjoni u tkun xi ħaġa tajba jekk ċertu logħob jibqa’ jintlagħab hemm.
X’taħseb dwar il-kontroll tar-referees matul l-aħħar staġun?
Bħal kull ħaġa fil-ħajja, dejjem hemm lok għal titjib. Però ejja nkunu razzjonali u nammettu li mhux faċli tirreffja f’Malta, u għandna nirrispettaw lil dawn in-nies li jidħlu għal din il-karriera xejn faċli.
X’inhuma s-sagrifiċċji li player tal-football irid jagħmel sabiex ikun tajjeb?
Is-sagrifiċċji huma varji. Ħafna sessjonijiet ta’ taħriġ, dixxiplina fl-ikel u fl-istil tal-ħajja, injuries varji li wieħed jista’ jkollu ....
Wieħed għandu jirrimarka li nies oħra wkoll jagħmlu sagrifiċċji kbar għall-football, fosthom in-numru kbir ta’ voluntiera li b’xi mod jew ieħor huma involuti fil-clubs.
Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol tiegħek u mal-football?
Inħares lura u din il-mistoqsija nistaqsiha anki jien. F’punt partikolari f’ħajti kont qed inlaħħaq ma’ tliet xogħlijiet, apparti x-xogħol kbir fil-club, kif ukoll nagħmel it-teżi tal-Masters.
Naħseb id-determinazzjoni, u l-fatt li nemmen fija nnifsi, żammewni għaddej. Fil-ħajja ma trid tħalli xejn jaqtagħlek qalbek jew ikissrek.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-football?
Il-futur ħadd ma rah u nagħżel li ngħix fil-preżent. Il-preżent bħalissa huwa Fgura United u se nagħmel l-almu tiegħi biex inkompli nkabbar il-club flimkien ma’ sħabi.
Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk iż- żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-football.
Il-football mhux biss il-11-il player li jinżlu fil-ground. Hemm irwoli oħra fil-football li mingħajrhom ma jistax ikollna football.
Il-parir tiegħi hu biex jagħmlu ħilithom fit-taħriġ u jkunu dixxiplinati fl-ikel u l-istil ta’ ħajja li jgħixu.
Jekk għal xi raġuni ma jirnexxilhomx, posthom fil-football għadu hemm fi rwoli diversi.
Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.
Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra.
Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub.
Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett.
Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju,
inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.
Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek,
se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih.
F'din l-imejl se tirċievi security code.
Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni.
Din hija proĊedura li ssir darba.
Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek.
Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.