Preparamenti għaddejjin ġmielhom fuq il-Fosos għal żewġ kunċerti kbar li mistennija jiġu mtella’ fil-jumejn li ġejjin

  • Lul 16, 2019 18:53
  • Miktub minn iNews
"

    Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi u l-Produttur ta’ BBC Radio 2 Anthony Cherry, żaru l-palk fuq il-Fosos tal-Furjana, fejn il-Ħamis u l-Ġimgħa se jiġu ospitati ġewwa Malta l-ewwel edizzjoni ta’ żewġ kunċerti ta’ livell għoli.

    Bħalissa l-preparamenti waslu fil-fażi finali fejn għaddejjin ukoll numru ta’ rehearsals. Il-kunċert bl-isem ta’, “Lights, Camera, Malta”, se jsir wara kollaborazzjoni bejn il-Ministeru u l-Awtorità Maltija għat-Turizmu, flimkien ma’ BBC Radio 2. L-Erbgħa mistenni jittella’ kunċert b’tema relatata mal-films, b’ħafna minnhom huma films li nħadmu hawn Malta fosthom; Da Vinci Code, Midnight Express, Gladiator u oħrajn. Il-protagonisti ewlenin se jkunu l-orkestra tal-BBC u l-artisti u kantanti popolari fil-West End ta’ Londra. Dan l-avveniment se jkun mxandar fuq BBC Radio 2 u għaldaqstant se tingħata prominenza lil Malta ma’ miljuni ta’ semmiegħa fir-Renju Unit u madwar id-dinja. Il-pubbliku Malti huwa mistieden jattendi għal dan il-kunċert b’xejn li se joffri spettaklu ta’ livell mondjali b’bosta sorpriżi matul il-lejl, li jinkludi spettaklu pirotekniku.

    Il-Ħamis imbagħad, f’avveniment ieħor b’kollaborazzjoni mal-Air Malta, se jittella’ kunċert tal-artist rinomat tal-eks Oasis Liam Gallagher, u d-dħul għall-pubbliku ser ikun ukoll b’xejn. Għaż-żewġ avvenimenti se tintuża sistema ta’ registrazzjoni online għal raġunijiet ta’ sigurtà u min hu interessat jattendi huwa mitlub li jirreġistra fuq is-sit https://www.ticketarena.com.mt/

    S’issa ż-żewġ kunċerti jidher li ntlaqgħu tajjeb ħafna mal-pubbliku u fadal biss ftit biljetti. Dawn il-kunċerti huma parti minn kullana ta’ attivitajiet li Visit Malta Events qed tħejji matul is-sena kollha. Aktar kmieni din is-sena kien hemm in-Nickelodeon Treasure Hunt li kienet immirata għal familji bit-tfal, numru ta’ kunċerti oħra matul is-sajf kif ukoll Cirque du Soleil li ħa ġġib magħha serje ta’ avvenimenti oħra għax-xahar ta’ Novembru u Diċembru.

    Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi stqarr li fid-dawl tax-xenarju ta’ Brexit, nħasset il-ħtiega li ssir kollaborazzjoni akbar mas-suq Ingliż u għaldaqstant il-ftehim mal-BBC ikompli jsaħħaħ dan is-suq. Żied jgħid li grazzi għal dan il-kunċert ser ikollna l-BBC Orchestra u bosta artisti u kantanti mill-West End ta’ Londra, li flimkien ser ikunu qed itellgħu kunċert mużikali b’tema tal-films li l-maġġor parti tagħhom inħadmu Malta. Barra minn hekk dan il-kunċert, li d-dħul tiegħu huwa b’xejn għal kulħadd, ser ikun trasmess fuq BBC Radio 2 u mistenni li jilħaq miljuni ta’ semmiegħa.

    Il-Produttur tal-BBC, Anthony Cherry, faħħar l-esperjenza ġewwa Malta partikolarment għall-ospitalità u faħħar il-post tal-Fosos. Qal ukoll li jinsabu onorati li se jkunu qed jagħtu dan il-kunċert f’pajjiż mill-isbaħ. Semma li n-numru ta’ films blockbuster li nħadmu Malta fosthom Da Vinci Code u Gladiator, għenu sabiex jkun jista’ jittella kunċret oriġinali u ta’ kwalità f’ambjent mill-isbaħ u b’tema tal-films. Semma wkoll li għal bosta dilettanti tas-serje Game of Thrones, se jkun hawn Malta, Charles Dance li għandu l-parti ta’ Tywin Lannister kif ukoll Hannah Waddingham li tagħmel il-parti ta’ Septa Unella li t-tnejn li huma ħadmu f’din is-serje tant popolari u se jkunu fost numru ta’ artisti rinomati li se jkunu protagonisti f’dan l-ispettaklu. 

    Cherry żied jgħid li jinsab ħerqan għall-attendenza f’din is-serata, fejn għall-ewwel darba, probabbilment madwar id-dinja, se tintuża id-diska ewlenija u magħrufa ta’ Star Wars, b’korjografija speċjali li tinkludi spettaklu pirotekniku li l-Maltin jeċċellaw fih, kif ukoll bosta sorpriżi oħra li mistennija jolqtu kull età u ġeneru, b’diski li jvarjaw minn siltiet ta’ The Greatest Showman, għal The Star is Born, Frozen, fost ħafna oħrajn.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0