Riccarda Darmanin maħtura Segretarju tat-Taqsima GWU Professjonisti, Servizzi u Finanzi

  • Lul 11, 2019 18:30
  • Miktub minn Claudio Coleiro
"

    Waqt il-konferenza ġenerali straordinarja tat-Taqsima GWU Professjonisti, Finanzi u Servizzi, Riccarda Darmanin ġiet maħtura bħala Segretarju wara approvazzjoni unanima mid-delegati u shop-stewards preżenti. Bil-ħatra tagħha, Riccarda hija t-tieni segretarju mara li għandha l-GWU fil-preżent wara Rita Dimech li hija Segretarju tat-Taqsima Kimika u Enerġija tal-GWU.

    F’diskors li għamel is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja, filwaqt li rringrazzja lil Charles Galea tax-xogħol siewi li wettaq u awgura lil Riccarda tal-ħatra tagħha, huwa ddikjara li l-GWU hija d-dar naturali tal-ħaddiema kollha fejn kulħadd jista’ jagħti l-kontribut siewi tiegħu u ssir ħafna ħidma.

    Huwa stqarr li fiż-żmien li Charles għamel imexxi t-Taqsima, din ħadet żvolta totalment differenti fejn kompliet tikber u tissaħħaħ. Fl-istess ħin, esprima l-konvinzjoni tiegħu li Riccarda, bil-kwalitajiet, il-ħiliet u l-kompetenzi tagħha, se tkun qiegħda tkompli fejn ħalla ta’ qabilha.

    Sadanittant, Bugeja tkellem ukoll dwar il-parteċipazzjoni akbar tan-nisa fil-qasam trejdunjonistiku u esprima sodisfazzjon għall-fatt li llum il-ġurnata għandna żewġ Segretarji li huma nisa - Riccarda Darmanin u Rita Dimech.

    “It-Taqsima għandha potenzjal enormi għax ħafna mill-impjiegi qed ikunu professjonisti. Nawgura lil Riccarda fil-ħidma tagħha u ngħidilha li l-bieb tiegħi dejjem miftuħ. Li jkun hemm bżonn, jien dejjem miegħek. L-importanti li nġibu ‘l quddiem it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħaddiema. Nemmen li se tagħmel differenza u nixtieqek tagħmel differenza,” temm jgħid is-Segretarju Ġenerali tal-GWU.

    Min-naħa tagħha, Riccarda qalet li d-deċiżjoni li titfa’ n-nomina tagħha għall-kariga ta’ Segretarju ma kinitx waħda faċli imma meta rat il-fiduċja li wrew fiha kemm l-amministrazzjoni ċentrali tal-GWU, u l-ħbieb li għamlet f’dawn l-aħħar snin reġgħet ħasbet fuqha.

    “Fil-qasam tat-trejdunjonżimu bdejt ħafna snin ilu ta’ 17-il sena. Kont tħalt naħdem it-Tarzna u minn hemm nibtet fija l-imħabba lejn il-ħaddiem. Matul is-snin kont ħadt diversi korsijiet. Ġejja wkoll mill-qasam finanzjarju u dħalt bħala membru fil-kumitat tal-grupp tal-ħaddiema tal-unjin ġewwa l-BOV. Kelli wkoll l-opportunità li nsir naf personalment lill-Perit Dom Mintoff li kompla jinstiga fija l-imħabba li għandi lejn il-ħaddiem. Nirringrazzja lil Charles Galea li dejjem emmen fija u dejjem tani opportunitajiet li nieħu sehem ukoll f’laqgħat barra minn Malta,” qalet Riccarda.

    “Minn issa ‘l quddiem nixtieq li nkomplu ntejbu dak li hu tajjeb. Fejn nistgħu nirranġaw, nirranġaw flimkien. Lili se ssibuni dejjem. Grazzi tal-fiduċja. Inwegħedkom li se nagħmel minn kollox biex it-Taqsima tibqa’ żżomm postha.”

    Min-naħa tiegħu, il-President tat-Taqsima Raymond Libreri qal li: “erġajna qed niltaqgħu wara sentejn meta kienet saret l-aħħar laqgħa ġenerali ta’ din it-taqsima. Naċċertakom li fil-ħames snin ta’ ħidma ta’ Charles Galea għamilna kisbiet kbar. Nieħu pjaċir li għall-ewwel darba l-unika kontestant tagħna hi mara.

    “Riccarda hi persuna li se tkun kapaċi taffaċċja d-diffikultajiet kollha li t-taqsima se tiltaqa’ magħhom. Ġejja minn background li huwa wieħed vast. M’għandix dubju li kif għamel Charles, fejn kompla saħħaħ u ħadem fuq dak li għamel qablu Dr Cory Greenland, Riccarda se tkun qed tagħmel l-istess,” qal Libreri.

    Min hi Riccarda Darmanin?

    Għandha 56 sena. Miżżewġa u għandha żewġt itfal. Ilha taħdem il-Bank Of Valletta għal dawn l-aħħar 30 sena. L-ewwel esperjenza tagħha fil-qasam trejdunjonistiku kien meta ta’ 17-il sena daħlet it-Tarzna u bdiet tieħu xi korsijiet dwar il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fuq il-qasam tax-xogħol.

    Meta daħlet il-BOV, kompliet tinteressa ruħha f’dan il-qasam u daħlet anke bħala membru fil-kumitat tal-grupp tal-ħaddiema tal-unjin ġewwa l-BOV. Riccarda qiegħda u tagħti sehem attiv ħafna fuq diversi kumitati fl-Ewropa fil-qasam tal-banking u l-assigurazzjoni.

    Ritratti - Roger Azzopardi

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0