Elezzjoni tal-president tal-MFA: Chris Bonett jippreżenta l-manifest tiegħu

  • Ġun 26, 2019 00:10
  • Miktub minn iNews
"

    Wara li aktar tard il-ġimgħa l-oħra, il-kandidat għall-kariga ta’ president tal-MFA Bjorn Vassallo ippreżenta l-programm tie­għu, il-bieraħ kien imiss lill-kandidat l-ieħor, l-Avukat Chris Bonett, li jiltaqa’ mal-mezzi tax-xandir lokali biex jispjega aħjar il-viżjoni tie­għu ‘l quddiem għal din l-assoċjazzjoni.

    Din il-konferenza tal-aħ­barijiet saret f’lukanda ew­lenija f’Buġibba u damet madwar tliet sigħat fejn Bonett tkellem fit-tul dwar din il-proposti tiegħu dejjem jekk jiġi elett fil-kariga ta’ president tal-MFA.

    Il-qafas tal-manifest tie­għu hu msejjes fuq ħames oqsma partikolari u dawn huma li l-clubs ikollhom il-poter li jiddeċiedu ċerti kwistjonijiet, il-proċess ta’ kummerċjalizazzjoni, il-logħba fiċ-ċentru ta’ ħidma tal-Malta Football Association, it-triq biex il-clubs u l-players isiru professjonali u li jkun hemm komunikaz­zjoni kontinwa bejn min qed imexxi l-MFA u l-clubs.

    Din l-istess viżjoni ġiet diskussa u spjegata wkoll lill-clubs lokali u lill-membri l-oħra fi ħdan l-assoċjazzjoni. Il-pjan ta’ Bonett hu dak ta’ disa’ snin b’miri oħra jvarjaw bejn tlieta u disa’ snin.

    Għal Dr Bonett, din il-viżjoni se tinvolvi b’mod kontinwu lill-clubs.

    “Il-clubs Maltin se jkunu fuq nett tal-viżjoni tiegħi. Se nkun qed ngħin biex dawn isiru professjonali.

    “Se nkun qed ngħin lill-amministrazzjoni tal-clubs bil-ħolqien u l-finanzjament ta’ direttur ta’ club,” beda biex qal Dr Bonett.

    “Bi ħsiebni nagħmel re­viż­joni tal-iskema ta’ rwol tal-amministratur. Naf li l-amministraturi tal-clubs diġá qed jagħmlu xogħol siewi u importanti li nkomplu ngħinuhom għall-ġid tal-clubs u tal-football Mal­ti.”

    Wieħed mill-benefiċċji li l-clubs Maltin ser jingħataw huwa l-ħolqien ta’ Member Services Department. Dan id-dipartiment ser jgħin biex jinħolqu skemi li jgawdu minnhom l-istess clubs u li fihom ser jieħdu madwar €800,000 fis-sena.

    Fost dak kollu li ġie propost f’dan ir-rigward hemm pjan biex il-grounds kollha eżistenti jinbidlilhom il-wiċċ sintetiku tagħhom filwaqt li jsiru mill-ġdid fi spazju ta’ sitt snin b’in­vestiment li jlaħħaq €4.5 miljun. Fl-istess waqt se ssir riġenerazzjoni tal-Istadium Nazzjonali, f’Ta’ Qali.

    Dr Bonett tkellem fit-tul dwar din il-proposta fejn qal li l-pjan tiegħu għandu jkun dak li jħalli l-Millenium Stand kif inhu iżda mill-banda l-oħra jkun hemm tibdil radikali fis-setturi l-oħra tal-ground. Fost l-oħrajn hemm il-ħsieb li jitwaqqgħu ż-żewġ kurvi tan-North u tas-South Stand kif ukoll il-West Stand u dawn jiġu iktar viċin il-ħaxix.

    “Eventwalment meta dan kollu jsir u jinbnew mill-ġdid, il-ħsieb tiegħi hu li l-istands il-ġodda jiġu kkum­merċjalizzati biex dawn irendu flus lura lill-Malta Football Association. Dan l-investiment mistenni jkun ta’ madwar €30 miljun,” qal Dr Bonett.

    Huwa kompla jgħid li hu impenjat li din il-mira, li bl-Ingliż sejħilha bħala short term, trid titwettaq u jekk ma jilħaqx l-obbjettivi stabbiliti, lest li jwarrab.

    Dr Bonett tkellem ukoll dwar il-kampjonat Maltin u kif beħsiebu jbiddel xi affarijiet li hemm preżentement.

    “Ninsab kommess li fl-ewwel sena tiegħi bħala president tal-MFA, intella’ l-kampjonati lokali fuq livelli awtonomi,” beda biex qal Dr Bonett.

    Il-ħsieb ta’ Dr Bonett hu li jiġu introdotti żewġ kampjonati prinċipali u dawn huma l-Premier League Association u l-Football League Association.

    “Għandi f’moħħi li tin­ħoloq kompetizzjoni ġdida li tikkumplimenta lill-FA Trophy.”

    Dr Bonett żvela li f’din il-kompetizzjoni Knock-Out jieħdu sehem timijiet mit-Tieni diviżjoni, mit-Tielet diviżjoni kif ukoll il-clubs kollha Għawdxin. Wara li din l-istess kompetizzjoni tasal fil-fażijiet tas-semi­finali, it-timijiet li jgħaddu għal dan l-istadju jiksbu aċċess awtomatiku għall-FA Trophy.

    “Għandi ħsieb ukoll li ndaħħal ‘Prize Money’ għall-kampjonati kollha u anke min jiġi relegat mill-Kampjonat Premier jieħu ‘l hekk imsejjaħ ‘Mini-Parachute Money’ li jlaħħaq il-€11,000,” iddikjara  Dr Bo­nett.

    Dr Bonett tkellem ukoll dwar suġġett ferm importanti ta’ kif il-players Maltin jaqilbu għal stat professjonali.

    “Għandi viżjoni li sej­jaħtilha Pjan Tekniku Progressiv. Dan ser iwassal biex il-players isiru professjonali.”

    Dr Bonett sostna li ser jinħoloq sillabu nazzjonali tal-football li apparti li jkun dettaljat, iwassal biex ikun hemm linji gwida fuq dak li għandu jsir f’dan ir-rigward.

    Ser ikun qed jinħoloq ukoll dipartiment tal-Iscouting biex talenti żgħar jiġu iċċumbati mill-ewwel u eventwalment indukrati bl-aħjar mod possibbli.

    In-Nurseries ser ikunu qed jinqasmu f’sitt reġjuni u strutturati b’mod mill-aktar modern.

    F’dan ir-rigward, il-Malta Football Association se tkun qed toħloq akkademja ġdida li tiżviluppa bl-aqwa mod possibbli tfal bejn il-11 u s-17-il sena. Il-ħsieb ta’ din l-akkademja għandha twassal biex dawn l-istess tfal jaslu għall-karriera professjonali fil-football.

    Tkellem ukoll dwar it-team nazzjonali Malti u l-ħsieb tiegħu li mmorru taj­jeb fil-gruppi tal-UEFA Nations League.

    “Ser naħdem biex sas-sena 2026, it-team Malti jirbaħ Grupp D tal-UEFA NationsLeague u b’hekk inkunu għa­milna pass kbir ‘il quddiem,” żvela Dr Bonett.

    Tkellem ukoll dwar l-amministrazzjoni u l-bidliet li din iġġib magħha.

    “Bħala assoċjazzjoni serja kulħadd irid ikun ittrattat l-istess. Ser naħdem biex dan kollu jseħħ.”

    Il-kandidat għall-kariga ta’ president tal-MFA qal li ser jiddaħħlu emendi biex l-istatut ta’ din l-assoċjazzjoni jinbidel għaż-żminijiet tal-lum il-ġurnata.

    Fost il-punti l-iktar importanti li semma’ kien hemm ir-riforma ġudizzjarja, il-fundazzjoni ta’ kumitati tal-finanzi, li jkun hemm aktar dinjitá lejn l-uffiċjali tal-club, it-twaqqif tad-dipartiment tar-riżorsi umani u fuq kollox il-kuntatt kontinwu mal-clubs.

    “Jekk jien nitla’ bħala president lest li nkun trasparenti fid-deċiżjonijiet tie­għi u fost l-oħrajn lest niddikjara s-salarju tiegħi, tal-viċi-presidenti u d-diretturi kollha tal-MFA,” qal Dr Bonett.

    “Din l-istess trasparenza tiġi wkoll attwata fil-ħruġ ta’ tenders u rapporti finanzjarji awditjati għax fi kliemu “l-MFA m’għandhiex x’taħbi.”

    Fl-aħħar parti tal-viżjoni tiegħu, Dr Bonett tkellem ukoll dwar is-settur tat-tfal u ż-żgħażagħ u fuq il-grassroots li jqisu dipartiment kruċjali u importanti biex jiġu żviluppati l-ħiliet tal-plejers żgħar.

    “Nemmen li bi Grassroots ħabrieka tista’ tiżdied dejjem aktar il-parteċipazzjoni ta’ kulħadd f’dan id-dipartiment tant importanti.”

    Dr Bonett tkellem ukoll dwar diversi setturi oħra fosthom l-assoċjazzjonijiet membri tal-MFA, is-settur tar-referees, il-football tan-nisa, il-futsal u anke l-beach soccer.

    Dwar dan l-aħħar sport, il-wegħda hi li jinbena pitch ġdid fiċ-Ċentru Tekniku tal-MFA biex ikun hemm żieda fil-parteċipazzjoni u t-titjib meħtieġ.

    Dr Chris Bonett tkellem ukoll dwar il-football fil-gżira ta’ Għawdex u kif dan jista’ jiġi megħejun kif ukoll jitjieb il-livell tiegħu.

    B’hekk fadal ftit inqas minn xahar biex jiġi elett president ġdid fi ħdan il-Malta Football Association li se jkun qed jieħu post dak preżenti Norman Darmanin Demajo. Din l-elezzjoni għal din il-kariga se ssir fil-Laq­għa Ġenerali Annwali, nhar is-Sibt 20 ta’ Lulju 2019.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0