Intervista ma’ Jan Molby... Bryan Robson u Johan Cruijff fost l-aktar avversarji diffiċli għalih

  • Ġun 24, 2019 11:00
  • Miktub minn Cris Muscat
"

    Jan Molby twieled fil-belt Daniża ta’ Kolding nhar l-4 ta’ Lulju 1963 u llum għandu 55 sena. Huwa ex player tal-football profes­sjonali kif ukoll coach.

    Bħala player huwa kien ikopri rwol importanti f’nofs il-ground u forsi l-aqwa mumenti tiegħu jafhom ma’ Liverpool fejn magħhom għamel jilgħab 12-il sena, mill-1984 sal-1996.

    Huwa beda l-karriera mat-team lokali ta’ Kolding (40 dehra magħhom iżda ma skorja l-ebda goal) biex wara mar jilgħab l-Olanda ma’ Ajax Amsterdam fejn minn 57 logħba skorja 11-il goal.

    Il-kwalitajiet tiegħu f’nofs il-ground kienu notevoli minħabba s-saħħa u l-ve­loċitá li kien jippossjiedi biex joħloq azzjonijiet offensivi lejn il-lasti avversarji.

    Kien ukoll kapaċi jwaqqaf diversi kontrattakki u mhux ta’ b’xejn li kien meqjus bħala blata f’dan id-dipartiment tant importanti.

    Mhux ta’ b’xejn l-iscouts mill-club ta’ Liverpool baqgħu mbellħin b’dawk il-kwalitajiet kollha. U kien proprju fl-1984 li Molby wasal f’Anfield qalb il-ferħ tal-partitarji tar-Reds li mill-ewwel indunaw li l-club kien laqat il-musmar fuq rasu b’dan l-akkwist.

    Il-midfielder internazzjonali Daniż għamel 12-il sena mar-Reds u lagħab xejn inqas minn 218-il partita li fihom skorja 44 goal.

    Il-partitarji li kienu jattendu f’Anfield, partikolarment fin-naħa magħrufa bħala ‘The Kop’, kellhom għal qalbhom lil dan il-player u kienu jitpaxxew jarawh jilgħab.

    Huwa rrappreżenta lil pajjiżu 33 darba u skorja żewġ goals. Kien fil-15 ta’ Ġunju 1982 meta, fl-etá ta’ 18-il sena, iż-żagħżugħ Jan kien ingħata d-debutt tie­għu kontra l-ġirien Nor­veġja.

    Kien ħa sehem fil-Kampjonat Ewropew fl-1984 fi Franza kif ukoll fit-Tazza tad-Dinja fil-Messiku sen­tejn wara. F’dak il-perjodu, il-kompetizzjoni f’nofs il-ground kienet kbira bil-coach  ġieli kien jippreferi jilgħab lil Frank Arnesen u Jens-Jorn Bertelsen.

    Il-karriera ta’ Molby intemmet fl-1990 meta l-coach il-ġdid Daniż, Richard Moller Nielsen, ftit li xejn kien jilgħabu. Il-ħasra kienet li hu ma kienx fit-team li rebaħ b’mod sorprendenti l-Euro 1992.

    Bħala manager, Molby kien player-coach ta’ Swansea City fejn lagħab magħhom sentejn. Ftit wara kien imexxi lil Kidderminster Harriers u wassalhom sal-promozzjoni fis-sena 2000. Finalment huwa għa­mel perjodu qasir imexxi lil Hull City.

    F’April 2009, Jan Molby ingħata l-unur ta’ Honorary Scouser mis-sindku ta’ Li­ver­pool.

    Fiż-żmien riċenti, huwa kien jaqdi l-irwol ta’ preżentatur fuq stazzjoni televiżiv bil-programm tiegħu Molby on the Sport li sar ferm popolari partikolarment mal-partitarji ta’ Liverpool.

    Kif bdiet l-imħabba tie­għek lejn il-football?

    Bdiet f’pajjiżi d-Danimarka meta bħala tifel kont nilgħab ma’ sħabi fil-ġonna kbar li kellna f’belt twelidi, Kolding.

    Konna xxurtjati li ni­lagħbu fuq il-ħaxix u konna nfasslu l-ground filwaqt li konna nużaw xi ġebel jew basktijiet bħala lasti. Din in-namra għall-football kompliet tikber u kien għalhekk li minn eta’ żgħira mort ni­l­għab ma’ Kolding.

    Dawn kienu l-ewwel żminijiet tiegħi fil-logħba tal-football. Kont sodisfatt li l-coach tat-team nazzjonali Daniż kien ħa interess kbir fija u tani d-debutt fl-eta’ ta’ 18-il sena. Lgħabna kontra n-Norveġja u meta dħalt nilgħab bħala sostitut, għa­lija kien ta’ unur kbir li rrappreżentajt lil pajjiżi. 

    X’tiftakar miż-żminijiet tiegħek ma’ Liverpool? Kif inbidel it-team minn dak iż-żmien ‘l hawn?

    Aktar milli nbidlu Liverpool bħala team, iktar qed nara li nbidel il-football in ġenerali. Qabel, din il-logħba tant sabiħa kienet passatemp ... illum saret kollha flus, flus u flus biss.

    Mhux qed ngħid li ma mxejniex ‘il quddiem,  anzi għamilna passi kbar u avvanzajna ferm b’mod partikolari l-coaches li llum il-ġurnata saru dejjem aktar ippreparati.

    Wara kollox din hi l-isbaħ u l-ikbar logħba fid-dinja kollha u rridu  nkomplu nagħmlu progress.

    Madankollu l-flus ġen­new lil kulħadd u ma fadal ebda identitá f’ħafna mill-players tal-lum.

    Iżda nistgħu nikkomparaw it-team ta’ dak iż-żmien ma’ dan tal-lum il-ġurnata?

    Le, huwa  ferm diffiċli li tagħmel dan. Hemm kwis­tjoni ta’ ġenerazzjonijiet. Veru li dak iż-żmien, bħal lum konna nippruvaw nirbħu lit-timijiet kollha li konna nilagħbu kontrihom iżda fi żmieni kellna ftit opportunitajiet, ir-riżorsi kie­nu minimi u konna niddubbaw b’dak kollu li kien ikollna.

    Kien hemm ukoll iktar players Britanniċi jilagħbu mat-timijiet Ingliżi u ftit barranin. Illum spiċċat il-lealtá lejn il-clubs u players bħal Steven Gerrard u John Barnes tgħoddhom fuq su­b­għajk. 

    Liema kienu l-unuri l-kbar li rnexxielek tirbaħ mar-Reds dak iż-żmien?

    L-aqwa unuri personali tiegħi rbaħthom ma’ Liverpool. Irbaħt tliet darbiet il-kampjonat tal-Ewwel Di­viż­joni ... illum jissejjaħ il-Premier League Ingliż.

    Irbaħt ukoll darbtejn l-FA Cup fejn niftakar b’mod partikolari dik il-famuża finali tal-1986 meta lgħabna d-derby kontra Everton f’Wembley Stadium u konna rbaħna bl-iskor ta’ 3-1.

    Dakinhar l-attakkant Ian Rush kien skorja doppjetta. Finalment irbaħt tliet dar­biet iċ-Charity Shield. Kull logħba li rbaħt dejjem baq­għet memorabbli għalija. 

    Kellimni dwar iż-żmien li lgħabt mat-team naz­zjonali Daniż ....

    B’kollox irrapreżentajt lil pajjiżi 33 darba. Madankollu ngħid li l-iktar mumenti memorabbli għamilthom fuq livell ta’ club.

    Nemmen li kelli niġi kkunsidrat iktar mill-coaches nazzjonali ta’ dak iż-żmien għalkemm kien hemm kompetizzjoni kbira bejn il-midfielders.

    Kien hemm players leġ­ġendarji li għamlu isem għad-Danimarka fosthom Preben Elkjaer, Peter Schmeichel, Michael Laudrup u anke ħuh Brian.

    Għaliex taħseb li issa naqsu ħafna dawn it-talenti meta tikkompara ma’ dawk iż-żminijiet?

    Bħalissa l-iktar player fuq fomm kulħadd huwa Christian Eriksen. Dan huwa player dedikat u professjo­nali li ħalla l-marka tiegħu kull fejn mar.

    Naqbel miegħek li qabel kellna iktar minn fejn nagħżlu speċjalment fis-snin 70 u 80.

    Illum bħala pajjiż, id-Danimarka qed jiġi nfluwenzat minn dak li qed jiġri f’postijiet oħra fejn qed jitħalltu l-players u fuq kollox ma tantx għad baqa’ dik il-leġġenda li tagħmillek żmien twil ma’ team.

    Semmejt il-leġġendi. Ma nistgħux ma nsemmux   tnejn minnhom li libsu l-flokk ta’ Liverpool. Dawn huma Steven Gerrard u Kenny Dalglish. X’taħseb fuqhom?

    Kelli x-xorti nilgħab ma’ Kenny Dalglish, player li ma jaqta’ qalbu qatt u fuq kollox dejjem jagħti kuraġġ lil sħabu.

    Qatt ma lgħabt ma’ Steven Gerrard peró kelli ċ-ċans nosservah mill-viċin mhux biss meta kont immur f’Anfield iżda wkoll għax kont nitpaxxa bil-logħob tiegħu meta nara xi logħba fuq is-sett tat-televiżjoni.

    Minkejja kollox ngħidlek li l-iktar player favorit tiegħi huwa John Barnes. Dan kien ġie jilgħab magħna fl-1987. Jien kont diġá ilni tliet snin nilgħab mar-Reds u mal-ewwel laqatni l-karattru umli tiegħu.

    Għamilna tmien snin sħaħ nilagħbu flimkien u nis­ta’ ngħid li konna nif­tiehmu ħafna. Kien player ta’ livell enormi u żgur li hu wieħed mill-aqwa li qatt lagħab bil-flokk ta’ Liverpool.

    Liema kien l-iktar player diffiċli li qatt lgħabt kontra tiegħu?

    F’moħħi jiġuni żewġ ismijiet ta’ players; id-difensur Ingliż Bryan Robson u l-player offensiv Olandiż Johan Cruijff.

    It-tnejn kienu players formidabbli li minkejja l-limitazzjonijiet li bdew bihom fil-karriera tagħhom, għam­lu isem kbir. Personalment jien kont insibhom avversarji ferm diffiċli. 

    Kellimni dwar il-kar­riera tiegħek ta’ coach.

    Jien mexxejt żewġ timijiet Ingliżi, Swansea City u Hull City. Forsi l-iktar sodisfaz­zjon sibtu meta ħadt it-tmexxija ta’ Kidderminster Harriers u tellajt lil dan it-team mill-Conference Lea­gue għall-Football League.

    X’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess ta’ Liverpool meta rebħu l-UEFA Champions League riċentement?

    Naħseb li minbarra l-players li taw is-sehem tagħ­­hom fil-ground, il-coach Jurgen Klopp ħa ħafna mill-kredtu għal din ir-rebħa.

    Fil-ftit żmien li ilu hemm irnexxielu jibni team magħ­qud. Il-finali kontra Tottenham Hotspur kienet xhieda ta’ dan kollu.

    Minkejja li l-avversarji bdew joħolqu pressjoni fl-aħħar mumenti, Klopp kien tajjeb biżżejjed biex jikkalma lit-team u saħansitra niskorjaw it-tieni goal.

    Nistgħu ngħidu wkoll li kien staġun ferm pożittiv għal Liverpool minħabba li kisbu total ta’ 97 punt. Minkejja kollox, dawn il-punti ma kinux biżżejjed sabiex jirbħu l-kampjonat. Kemm kienu b’saħħithom Manchester City?

    Hawnhekk ma nistax ma nsellimx u ma nifraħx lil Manchester City li kellhom kampjonat eċċezzjonali.

    Kien biss punt li fired lil Liverpool minn mas-Citizens. Kif ngħidu kull punt jiswa u hekk kien il-każ.

    Xi tgħidli dwar il-kampanja li bdew fuq il-qalb u kemm hu importanti li nieħdu ħsieb dan l-organu vitali f’ġisimna?

    Kif għedt inti stess, qed nipprova noħloq kuxjenza dwar kemm huwa importanti li nieħdu ħsieb qalbna. Fiż-żmien tiegħi hawn Malta, ħadt ħsieb li ngħin biex jinġabru fondi b’risq il-’Maltese Cardiac Society’.

    Player tal-football ukoll irid jieħu ħsieb qalbu minkej­ja li jitħarreġ b’mod kontinwu. Nemmen li wieħed għandu jiċċekkja aktar kif qed taħdem qalbu biex jgħix ħajja aħjar.

    Din kienet l-ewwel żjara tiegħek hawn Malta?

    Iva u nista’ ngħid li ħadt pjaċir immens fil-Gżejjer Maltin. It-temp huwa eċ­ċezzjonali filwaqt li hawn bliet antiki u pittoreski li minkejja kollox mimlija b’enerġija kbira

    Nixtieqek tgħaddi mes­saġġ lill-partitarji ta’ Liverpool li qed jaqraw din l-intervista.

    L-ewwel u qabel kollox nixtieq ngħidilhom biex jieħdu pjaċir u jkunu kburin li jżommu ma’ dan it-team glorjuż. Jien kont u għadni partitarju ta’ dan il-club li tani ħafna fil-karriera tiegħi bħala player.

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0