Tiżdied is-sħana u jiżdied il-periklu tas-suwiċidju

  • Ġun 24, 2019 09:58
  • Miktub minn Carmen Cachia
"

    Is-sajf magħna u l-poplu diġà beda jqatta’ aktar ħin barra jiddeverti mal-familja u l-ħbieb. F’dan l-ambjent rilassat u ta’ ferħ, fis-soċjetà tagħna hemm persuni maqtugħa għalihom bi kriżijiet eżistenzjali li ftit minna huma konxji tagħhom. L-ORIZZONT tkellem mal-psikjatra Mark Xuereb, fejn ħabbar kampanji mill-Crisis Resolution Malta li jiffokaw fuq il-prevenzjoni tas-suwiċidji u s-self harm proprju f’dan il-perjodu li dejjem jirreġistra żieda fl-attentati, b’mod speċjali minn persuni b’dipressjoni u dawk bid-diżordni bi polari. 

    “Forsi huma ftit dawk li jafu li r-rata tas-suwiċidju titla’ f’dan il-perjodu. Ħafna nies joħorġu jgawdu t-temp sabiħ u jiddevertu. Nissupettaw li r-raġuni hi li dawk li jkunu mdejjqa jaraw lil ħaddieħor jieħu pjaċir, mentri huma jħossuhom waħidhom u falluti bil-konsegwenza li r-rata tas-suwiċidju sfortunatament titla’,” stqarr Dr Mark Xuereb. Il-psikjatra qal li meta jidħol is-sajf u jinqaleb l-istaġun u r-rata tas-self harm u l-ħsibijiet għas-suwiċidju jiżdiedu tant li l-linja 24/7 tat-tim tal-Crisis Resolution diġà bdiet tirċievi medja ta’ 10 telefonati fil-ġimgħa.

    Malta bit-tieni l-inqas rata

    “Malta għandha t-tieni l-inqas rata ta’ suwiċidju fl-Ewropa u din hija ħaġa tajba u pożittiva ħafna,” qal il-psikjatra. F’pajjiżna għandha sitta għal kull 100,000 persuna, fejn bejn tnejn u erba’ persuni ta’ kull sena jneħħu ħajjithom b’idejhom. Fost il-vittmi hemm aktar irġiel li jkollhom suwiċidju “komplut”, mentri l-akbar ammont ta’ attentati hu min-nisa, fejn dawn tal-aħħar huma aktar suxettibbli għas-self harm.

    Huwa qal li l-istatistika hi dejjem importanti għax tagħtina linja gwida u l-istudju li sar huwa ferm importanti għax jagħtina ħjiel fuq dak li għandna nagħmlu man-nies li ddaħħlu l-isptar bħala pazjenti. ”Ma ninsewx però li għal kull persuna li twettaq suwiċidju hemm 20 oħra li qegħdin jipprovaw jew li għandhom il-ħsieb li jtemmu ħajjithom,” kompla Dr Xuereb. 

    Il-psikjatra qalilna li l-Crisis Resolution Malta għamel studju fejn sab li f’Malta hemm 1,000 persuna fis-sena li qegħdin jaħsbu fuq is-suwiċidju u li l-etajiet ivarjaw minn 15 sa kważi 70 sena. Huwa qal li dan ifisser li filwaqt li importanti li jkollna studji ta’ dan it-tip u li huma ta’ kalibru, “irid ikollna wkoll studju ta’ nies li għandhom ħsibijiet fis-soċjetà wkoll, jiġifieri x’qed jaħsbu, kif qegħdin jaħsbu li jneħħu ħajjithom, jekk għandhomx għajnuna, jekk humiex single jew miżżewġin, problemi ta’ droga, jew kawża ta’ mard mentali, fost l-oħrajn.” 

    Huwa saħaq li, “hemm bżonn ta’ studji fil-komunità biex naraw il-karatteristiċi fil-komunità u aktar minn studji ta’ prevalenza ta’ nies, irridu naqilbu għal studji ta’ intervenzjoni fejn prattikament mill-kliem imorru għall-fatti”. Il-Kap tal-Crisis tim jemmen li għalxejn inkunu nafu x’hemm hemm barra jekk ma jkollniex pjan biex nattwaw dak li se nagħmlu fuq sfont ta’ strateġija nazzjonali.

    Database tas-self harm u tas-suwiċidju

    Hawnhekk Dr Xuereb ħabbar pjanijiet biex ta’ kull sena jibda jsir database nazzjonali li permezz tiegħu jkollna rapport annwali  fuq is-self harm u s-suwiċidju, bħalma jsir barra minn Malta. Din l-informazzjoni miġbura minn Malta u Għawdex se tgħin biex jitfassal pjan ta’ strateġija nazzjonali għal kontra s-suwiċidju. 

    Il-Crisis Resolution Malta qegħdin jippreparaw kwestjonarji biex kull min jidħol fl-isptar jew ikun fil-komunità u għandu xi ħsieb li jneħħi ħajtu jew iweġġa’ lilu nnifsu, wieħed ikun jista’ jieħu d-dettalji demografiċi tiegħu, fatturi u dettalji oħra importanti. 

    L-etajiet l-aktar vulnerabbli huma ta’ bejn l-20 u l-50 sena b’fatturi varji fosthom alkoħol, drogi, ibbuljar, telfa ta’ persuna, umiljazzjoni, problemi fl-identità u/jew ta’ minoranzi etniċi. 

    F’dan l-aħħar każ il-psikjatra spjega kif persuni ta’ nazzjonijiet differenti jħossuhom marġinalizzati. Tkellem dwar il-minority psychology, kamp ta’ studju li jintuża biex il-professjonisti jkunu jistgħu jifhmu lil dawn in-nies, jgħinuhom u jilqgħulhom. “Ma ninsewx kif persuni li jidħlu f’pajjiż ta’ kultura differenti, diġà għalihom il-kultura hi aljena u jistgħu jiffaċċjaw stress u għalhekk għandna ngħinuhom,” kompla Dr Xuereb. 

    Huwa qal li l-Crisis tims għandhom ikollhom nies ta’ nazzjonalitajiet differenti li jitkellmu l-ilsien omm tal-barranin fi kriżi u b’hekk ikun hemm aktar komunikazzjoni tajba u kuntatt, li jista’ jfisser li tkun salvata ħajja. Fuq il-paġna tal-Facebook tal-Crisis Resolution Malta qegħdin jittellgħu għadd ta’ slogans, fosthom, “Bħaċ-Ċirasa, il-Kliem, Jista’ Jevita t-Tmiem”, bil-għan li tissaħħaħ il-kampanja ta’ prevenzjoni tas-suwiċidju u s-self harm. Dr Xuereb qal li dawn se jkunu ntrodotti wkoll b’lingwi differenti fosthom l-Għarbi, l-Franċiż u oħrajn tal-Afrika  bil-għan li jilħqu u jgħinu aktar nies. 

    Il-psikjatra qal li bħalissa qegħdin f’diskussjonijiet mal-President ta’ Malta, l-Onor. Dr George Vella, biex in-numru tat-telefon tal-Crisis Resolution Malta jsir nazzjonali ħalli jingħata servizz aħjar għal dawk kollha li jiġu bżonnu f’mumenti ta’ kriżijiet serji bħalma hu fil-każ tal-grupp Sammaritani fl-Ingilterra.

    Dr Xuereb qal li, “il-President jappoġġjana. Ma ninsewx li huwa kien tabib ukoll u sfortunatament għandu l-istejjer tiegħu ta’ nies li neħħew ħajjithom b’idejhom, li forsi baqgħu ġo moħħu u jiddispjaċih, fejn jitkellem b’ċerta dieqa u ċerta kompassjoni.” 

    Il-Kap tal-Crisis Resolution Malta qal li l-President, bħal ħafna nies, għandu għal qalbu din l-inizjattiva u li l-pjan hu li jingħaqdu l-istakeholders kollha biex jaraw kif jistgħu jagħtu servizz aħjar fuq dan l-ambitu billi fost l-oħrajn, minn studji ta’ prevalenza jkollna wkoll l-istudji ta’ intervenzjoni.

    Huwa temm jgħid li l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa qalet li t-tieni l-akbar kawża ta’ mwiet madwar id-dinja kollha ta’ nies bl-etajiet ta’ bejn il-15 u l-25 sena huwa s-suwiċidju u għalhekk il-Crisis tims għandhom jingħataw l-armi, it-taħriġ u r-risorżi biex tingħata l-ewwel għajnuna u nevitaw li, “s-susa tidħol aktar fil-fond bil-konsegwenza li l-kriżi ssir tant serja li tispiċċa fit-traġedja tas-suwiċidju”.

    Importanti: Jekk tinsabu fi kriżi jew tafu lil xi ħadd bi ħsibijiet ta’ suwiċidju ċemplu fuq il-linja ta’ emerġenza miftuħa l-ħin kollu: 9933 9966 jew idħlu fil-paġna tal-Facebook Crisis Resolution Malta. Tingħataw l-għajnuna kollha meħtieġa.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0