Waterpolo: Intervista ma’ Stevie Camilleri

  • Ġun 20, 2019 15:25
  • Miktub minn minn Cris Muscat
"

    Stevie Camilleri huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa players  li qatt ipproduċa l-waterpolo lokali li jilgħab fl-aqwa kampjonat tal-waterpolo - dak Taljan fis-Serie A1 ma’ Roma Nuoto. Huwa wkoll mill-aqwa players u skorers ta’ dan it-team.

     

    Kif għażilt il-waterpolo fost sport iehor?

    Minkejja li nħobb diversi tipi ta’ sport, dejjem kont midħla tal-baħar u sport ieħor li huwa abbinat mie­għu.

    L-ewwel bdejt bl-għawm minn  età żgħira u minn hemm bdejt ukoll nipprattika l-waterpolo.

     

    M’hemmx dubju li missierek, Dr Stefan Camilleri, li kien ukoll it-tabib tal-club ta’ Neptunes ħeġġek u għadu jħeġġek bis-sħiħ biex tkompli fil-karriera tiegħek bħala player tal-waterpolo ...

    Iva, missieri dejjem kien ta’ sapport f’kull aspett tal-karriera tiegħi.

     

    X’inhuma l-ħsibijiet fuq l-esperjenza tiegħek sa issa ma’ Roma Nuoto?

    L-esperjenza tiegħi hawnhekk f’Ruma kienet waħda ferm pożittiva u li tassew ħalliet il-frott.

    Fis-sentejn preċedenti, qabel ingħaqadt ma’ Roma, huma kienu għadhom ġejjin minn żewġ telfiet konsekuttivi fil-finali għall-promoz­zjoni għas-Serie A1.

    Huma wettqu diversi tibdil fl-iskwadra fejn ħafna mill-players veterani ngħataw ir-release u ġew mibdula minn players żgħażagħ ġejjin mill-akkademja tagħ­hom stess.

    Jien ħadt post il-player Kroat u champion Olimpiku, Andelo Setka. Aħna konna l-iżgħar team u definittivament mhux il-favoriti, iżda xorta waħda rnexxielna nik­sbu l-promozzjoni għas-Serie A1.

    Matul din is-sena, bl-inklużjoni ta’ xi elementi ta’ iktar esperjenza, fosthom Vjekoslav Paskovic u ħija Jordan Camilleri, it-tragward ewlieni tagħna kien dak li nikkonfermaw postna fis-Serie A1.

    Irnexxielna niksbu riżultati aħjar minn hekk u lgħabna fil-’Final 6’ fi Trieste, fejn spiċċajna fis-sitt post.

     

    X’tikkummenta fuq ħuk Jordan li jilgħab miegħek kemm ma’ Neptunes, ma’ Roma kif ukoll mat-team nazzjonali u li jidher li għandu futur mill-isbaħ qud­diemu fil-waterpolo?

    Nieħu pjaċir nilgħab ma’ ħija u ... iva ... nemmen li għandu futur fil-waterpolo kif ukoll fil karriera personali tiegħu bħala tabib.

     

    Liema unuri prinċipali rbaħt s’issa fil-karriera tie­għek tal-waterpolo?

    Hawn Malta kelli l-pri­vileġġ li nirbaħ diversi unuri flimkien ma’ sħabi fit-team ta’ Neptunes u kollha kienu ta’ sodisfazzjon kbir. Kelli ukoll l-unur li nilgħab ma’ players ta’ kalibru internazzjonali kemm f’Malta, kif ukoll fl-Italja.

     

    Liema kien l-iktar kampjonat sabiħ li rbaħt ma’ Nep­tunes? U l-iktar wieħed diffiċli?

    L-isbaħ u l-iktar diffiċli kien il-kampjonat tal-2011 fejn fil-finali tal-play-offs kellna taqtiegħa sħiħa ma’ Sliema u rbaħna l-kampjonat fil-ħames u l-aħħar logħba tal-play-offs.

     

    Tahseb li wasal iż-żmien li f’Malta jkollna indoor pool?

    Kull investiment li jista’ jsir f’Malta għal titjib fl-isport tal-għawm u tal-waterpolo ikun ta’ gid. Żgur li indoor pool ikun ta’ ġid kbir li minnu kulħadd jibbenefika kulħadd.

    Fix-xitwa 2007/08 kellek esperjenza mill-aqwa mat-team Serb VK Partizan. Kif kienet dik l-esperjenza?

    Kienet esperjenza mill-isbaħ  li swiet ħafna fl-iż­vilupp tal-karriera tiegħi - kuntent li kelli ċ-ċans li niħarreġ mal-Partizan u nitgħallem ħafna fiż-żmien li qattajt f’Belgrad.

     

    X’sehem kellu l-ex player ta’ Neptunes, Vlado Vujasinovic, biex int tmur tilgħab ma’ VK Partizan?

    Vlado kellu rwol importanti grazzi għall-kuntatti li għandu ma’ dan il-club prestiġjuż u għeni biex ikolli din l-opportunità għax emmen fija u kien grazzi għalih waslet din l-opportunità. 

     

    Kif tqis il-livell tal-waterpolo Malti meta kkumparat mal-livell tal-kampjonati li lgħabt fihom barra minn Malta?

    Minħabba l-fatt li f’Malta l-waterpolo ma jintlgħabx fuq bazi professjonali, il-li­vell ma jikkumparax ruħu mal-kampjonati barranin fejn il players huma iktar b’saħħithom.  

     

    Fis-snin li għaddew, ksibt ukoll suċċess kbir ma’ Rari Nantes Bogliasco.  Tista’ tiddeskrivi l-esperjenza tie­għek hemmhekk?

    Kienet esperjenza sabiħa ħafna fejn kelli l-opportunità li nilgħab fl-aqwa kampjonat ma’ players ta’ kalibru għoli ħafna u ngħix il-ħolma tiegħi li nilgħab waterpolo b’mod professjonali.

     

    X’inhi r-relazzjoni tiegħek mal-coach nazzjonali Karl Izzo?

    Relazzjoni ta’ rispett kbir u professjonalità. 

    Ilni naf lil Karl Izzo għal ħafna snin. Kien il-coach tiegħi fil-juniors ma’ Neptunes, u rani nimmatura, kemm bħala player kif ukoll bħala bniedem u forsi għalhekk ir-rispett huwa wieħed reċiproku.

     

    U x’inhi r-relazzjoni tiegħek mal-amministrazzjoni tal-ASA fosthom mal-president Joe Caruana Curran?

    Hija relazzjoni tajba. Napprezza x-xogħol siewi u d dedikazzjoni li wera matul dawn is-snin ta’ presidenza tiegħu fejn inħoss li għamel ħafna ġid għall-waterpolo lokali.

     

    Kemm issib il-ħajja diffiċli għall-fatt li tgħix barra minn Malta? Kemm tħoss in-nuqqas tal-familjarji u tal-ħbieb tiegħek?

    Naturalment il-fatt li ngħix ’il bogħod mid-dar iġiegħlni nħoss in-nuqqas tal-familjari tiegħi.

    Iżda jien fortunat ukoll li kull meta nista’ ninżel Malta,  il-familjari u l-ħbieb jiġu jżuruni fl-Italja.

     

    Int għamilt kors l-Università fejn hemmhekk kont bdejt l-istudji tiegħek fil-kors tal-Bcom. Kemm tħoss in-nuqqs għall-fatt li tlaqt dak li studjajt biex illum ħajtek tikkoncentra biss fuq il-waterpolo?

    Sfortunament ma komp­lejtx l-istudji tiegħi u għamilt biss l-ewwel sena tal-Bcom minħabba l-impenji tal-waterpolo. Żgur li fil-futur qrib nixtieq li nsib opportunità li nkompli bl-istudji tiegħi.

     

    Min taħseb li huma l-aqwa coach u player fl-isfera internazzjonali tal-waterpolo ta’ kull żmien?

    L-aqwa player huwa Vlado Vujasinovic fejn kelli wkoll l-opportunità li nil­għab miegħu.

    Bħala coach, hija għażla diffiċli iżda nemmen li huwa Sandro Campagna.

     

    Kuntent bl-irwol ta’ captain tat-team nazzjonali?

    Iva. Ilni nifforma parti mit-team għal dawn l-aħħar tmien snin, u permezz ukoll tal-esperjenza tiegħi fl-Italja naħseb li nista’ nkompli nkun utli għal dan it-team ... bir-responsabbiltá ta’ captain ukoll.

     

    X’inhuma l-ħsibijiet tie­għek fuq il-pixxina naz­zjonali? Din kif tikkumpara mal-pixxini li tilgħab fihom int barra minn Malta? Taħseb li hija attrezzatta b’mod professjonali?

    F’dawn l-aħħar sentejn naħseb li saru investimenti importanti fil-pixxina.

    Eżempju tax-xogħol li sar huwa l-iscore board kif ukoll is-siġġijiet il-ġodda. Jien lgħabt go diversi strutturi barra minn Malta u naħseb li hemm affarijiet fuq xhiex nistgħu naħdmu biex ngħol­lu l-livell tal-pixxina nazzjonali.

     

    X’tikkumenta rigward l-iżviluppi li saru mill-ASA mmexxijja mill-president Joe Caruana Curran f’dawn l-aħħar snin?

    L-ASA f’dawn l-aħħar snin saret iktar organizzata u naħseb li dan jidher mir-riżultati miksuba mit-team nazzjonali kif ukoll mil-livell tal-kampjonat lokali.

     

    Fejn tippreferi tilgħab ... f’Malta jew barra minn pajjiżna?

    Hemm affarijiet li jogħġ­buni fiż-żewġ kampjonati. Barra minn Malta, l-isport jintlgħab b’mod professjonali u għaldaqstant il-livell huwa ogħla, kif ukoll is-so­disfazzjon kbir jekk tmur taj­jeb.

    Hawn Malta, il-kampjonat jintlgħab matul is-sajf, fil-pixxina, fuq barra, kif ukoll l-interess f’ċerti logħbiet huwa ħafna inqas.

     

    Meta ttemm il-karriera professjonali tiegħek, jinte­ressak li tibda karriera ta’ coach f’Malta jew barra minn xtutna ... u saħansitra tat-team nazzjonali?

    Iva, naħseb meta nieqaf nilgħab, jekk ikolli l-ok­każjoni li nibqa’ naħdem f’dan l-isport, nieħdu żgur.

    Tinteressani wkoll il-pożizzjoni ta’ coach kif ukoll irwol amministrattiv.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0