L-Air Malta tevalwa ċ-ċans ta’ manutenzjoni lil Malta Air

  • Ġun 16, 2019 16:12
  • Miktub minn Victor Vella
"

    Bis-settur tal-avjazzjoni f’pajjiżna ikompli jikber u jissaħħaħ u issa permezz tat-twaqqif tal-Malta Air, li tfisser li r-Ryanair  qed  jintrabtu mal-pajjiż fit-tul, hemm possibilitajiet ta’ aktar xogħol għall-Air Malta.  Filfatt, inewsmalta hi infurmata u dan kien konfermat mill-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi meta tkellm magħna, li l-Air Malta qed tevalwa l-possibilità li permezz tad-Dipartiment tal-Inġinerija tagħha toffri servizzi ta’ manutenzjoni permezz tal-inġiniera lill-Malta Air.  Dan se jkun qed isir fuq l-ajruplani li r-Ryanair se tibbaża f’pajjiżna. Mistoqsi dwar id-dritt ta’ assoċjazzoni tal-ħaddiema tal-Malta Air u dan peress li din se tkun  parti mir-Ryanair, il-Ministru Mizzi qalilna li “ l-liġijiet industrijali ta’ Malta japplikaw u għaldaqstant tirikonoxxi l-unions bħal kumpaniji oħrajn Maltin.”

    Il-liġijiet industrijali ta’ Malta japplikaw fil-każ tal-Malta Air

    Nistaqsuh dwar kif flaħħar jiem, sar il-ftehim bejn il-Gvern Malti u Ryanair. Ftehim li qajjem diversi reazzjonijiet. Ftehim li permezz tiegħu se naraw it-twaqqif ta’ Malta Air flimkien mal-fatt li l-ajruplani ta’ din il-kumpanija se jkunu reġistrati taħt ir-reġistru tal-avjazzjoni Malti. B’mod reali u b’mod tanġibbli, pajjiżna x’se jkun qed jiggwadanja?  Sar xi studju dwar kemm pajjiżna f’termini reali se jibbenefika min din l-inizjattiva?

    Il-Ministru Mizzi jgħidilna li “r-realtà hija li f’dawn l-aħħar snin ir-Ryanair kibret ħafna f’pajjiżna u llum il-ġurnata topera iżjed minn 60 rotta f’pajjiżna. Dan ħoloq ċertu dipendenza fuq dawn it-titjiriet. Għaldaqstant bħala Gvern ħdimna biex nikkonvinċu r-Ryanair joħolqu kumpanija tal-ajru f’pajjiżna biex b’hekk jintrabtu mal-pajjiż fit-tul.

    Dan ifisser li l-kumpanija Malta Air li għandha Aircraft Operating Licence ser ikollha fit-tlett snin li ġejjin għaxar ajruplani li joperaw titjiriet minn u lejn Malta. Dan ifisser tkabbir kbir fir-rotot minn naħa tagħhom, u ifisser ukoll li 350 impjieg ta’ kwalità ser ikunu qegħdin jinħolqu f’pajjiżna. Dan huwa impenn li Michael O’Leary għamel lill-Prim Ministru u lili b’investiment ta’ biljun ewro u infieq addizzjonali ta’ €50 miljun oħra fl-ekonomija tal-pajjiż. Aktar minn hekk, l-ajruplani tar-Ryanair ibbażati l-Italja, Franza u l-Ġermanja ser jiġu trasferiti f’din il-kumpanija u se jiġu trasferiti l-ewwel 50 ajruplan fir-reġistru tal-ajruplani.”
    Hu minnu li b’din l-inizjattiva se jkun hemm bżonn hangar tal-manutenzjoni għal Ryanair?  Ġie stabbilit dan fejn se jinbena u jekk fl-affermattiv fejn se jkun qed jinbena?

    Il-Ministru għat-Turiżmu iwieġeb li “Malta Air se tkun linja tal-ajru ‘fully fledged’ ġewwa pajjiżna. Għaldaqstant, ser ikollha is-servizzi kollha li linja tal-ajru għandha bżonn biex topera. Dawn jinkludu Head Office, Dipartiment tas-Sales u l-Marketing, dipartiment tal-flight operations, dipartiment tas-Sigurtà, tal-Amministrazzjoni u l-Finanzi u r-Riżorsi Umani, u Dipartiment tal-Inġinerija.

    Flimkien mal-Malta Air qegħdin nevalwaw siti differenti għall-hangars tal-ajruplani. L-Air Malta permezz tad-Dipartiment tal-Inġinerija tagħha qed tevalwa l-possibiltà li toffri servizzi ta’ manutenzjoni permezz tal-inġiniera lill-Malta Air.”

    Diversi analisti barranin tas-settur tal-avjazzjoni li tkellmet magħhom inewsmalta, qalulna li l-iskop ta’ Ryanair b’dan il-ftehim hu li joħolqu struttura simili għal dik li għandhom IAG. Strutturi li jaraw li jkunu ‘customer friendly’, li jirrikonoxxu l-unions u li jibnu familja ta’ diversi brands fl-avjazzjoni. Taqblu ma’ din l-analiżi?

    Konrad Mizzi jgħidilna li “r-Ryanair ħolqot ‘group structure’ li tinkludi numru ta’ linji tal-ajru fosthom Ryanair innifisha u LaudaMotion. Il-Malta Air se tkun waħda minnhom. Permezz ta’ din l-istruttura, dawn il-kumpaniji tal-ajru ser ikunu aktar qrib il-konsumaturi tagħhom. Fil-kaz tal-Malta Air din se tkun ibbażata pajjiżna biex b’hekk tifhem aħjar is-suq, tikber b’mod aktar veloċi u timpjega wkoll ħaddiema lokali. Lill hinn minn hekk, dan ifisser li ser ikollna linja tal-ajru oħra li ttajjar il-bandiera nazzjonali tagħna. Din l-istruttura se tippermetti ukoll li r-Ryanair tuża l-hub Maltija għall-fleet management ta’ ajruplani minn pajjiżi oħrajn.”

    Taħseb li Malta Air għandha tara li l-unions ikunu rikonoxxuti fiha? Il-fatt li dawn il-ħaddiema se jkunu ibbażati f’Malta, ma taħsbux li għandhom ikunu koperti bil-liġijiet tax-xogħol Maltin?

    “Il-kumpanija Ryanair tirrikonoxxi diversi unions f’pajjiżi differenti. Fil-każ tal-Malta Air, l-liġijiet industrijali ta’ Malta japplikaw u għaldaqstant tirikonoxxi l-unions bħal kumpaniji oħrajn Maltin”, jiddikjara Konrad Mizzi.

    Hemm min qed jgħid li ma jistax jara li l-Air Malta se tkun qed tikkompeti ma’ Malta Air.  Dawn iż-żewġ linji tal-ajru se jkunu f’kompetizzjoni ma’ xulxin?

    “Ir-Ryanair ilha topera minn pajjiżna għal ħafna żmien u kemm hi u kemm l-Air Malta ilhom joperaw għal dan iż-żmien. Aktar minn hekk, f’dawn l-aħħar snin iż-żewġ kumpaniji żiedu u kabbru l-operat bil-kbir u għall-ewwel darba f’għexieren ta’ snin l-Air Malta irreġistrat qliegħ. Ir-realtà hija r-Ryanair, (issa Malta Air) joperaw mudell differenti.

    Il-Malta Air ser tkun qiegħda hemm biex topera servizz low-cost lejn il-pajjiżi ta’ madwar il-Mediterran u lejn l-Ewropa.

    L-Air Malta għandha futur sabiħ quddiemha, futur li se tkompli tikber sabiex topera diversi destinazzjonijiet fir-reġjun EMEA, b’destinazzjonijiet li jinkludu l-airports maġġuri fl-ewropa, fl-Afrika, u f’Mumbai ġewwa l-India. L-Air Malta ser tkompli ttejjeb il-prodott tagħha bħala legacy airline, li topera prodott b’business class, u servizzi ta’ cargo. Dan huwa kollu parti mill-viżjoni tagħna sabiex intejbu l-konnettività minn u lejn Malta sabiex niżviluppaw l-ajruport ta’ pajjiżna f’aviation cluster b’saħħtu b’kontribut akbar lejn l-ekonomija Maltija.”
    Il-Gvern Malti għandu l-golden share f’din il-kumpanija. Xi jfisser eżatt dan? 

    “In-negozjati dwar il-linja tal-ajru Malta Air ma kinux faċli iżda nemmen li assigurajna l-aħjar interess għall-pajjiż bi drittijiet marbutin permezz ta’ din il-golden share. Prattikament, permezz ta’ din il-Golden Share pajjiżna għandu ċertu drittijiet fuq l-isem tal-kumpanija, u l-fatt li ma jistgħux jaqbdu u jitilqu minn pajjiżna kif ġieb u laħaq, peress li nqisuhom bħala strateġikament importanti għall-pajjiż, kemm bħala konnettività bl-ajru kif ukoll bħala suq turistiku”, jisħaq il-Ministru Mizzi.
    L-isem ta’ Malta Air ma taħsbux li jista’ jkollu effett negattiv fuq l-Air Malta u x-xogħol tagħha?

    Iwiġeb għal dan billi jgħid li “l-branding taż-żewġ kumpaniji huwa partikolari għal kull kumpanija. Dan il-branding b’isem Malta fuqu jġorr miegħu diversi benefiċċji għall-pajjiżna, fosthom li l-brand ta’ Malta tkun preżenti f’aktar ajruporti barra xtutna, madwar diversi ajruporti barranin. Dan ifisser li Malta se tkun aktar rikonuxxuta madwar id-dinja permezz taż-żewġ linji tal-ajru li joperaw bil-brand Maltija. Nemmen li dan ser ifisser aktar tkabbir kemm għall-Air Malta u għall-Malta Air.”
    Malta Air se tkun qed toffoka fuq is-suq Afrikan. Ma taħsbux li dan jista’ jkun ta’ detriment għal Air Malta li ukoll qed tħares lejn dan is-settur? 

    “Kif għidt aktar kmieni dawn iż-żewġ kumpaniji tal-ajru ser ikunu qiegħdin jikkumplimnetaw lill-xulxin b’business strategies differenti u mudelli differenti. 

    Ħaġa interessanti li wieħed isemmi hija li l-IATA qegħdin ibassru li fl-10 snin li ġejjin is-suq Afrikan tal-avjazzjoni ser ikun qiegħed jirreġistra tkabbir qawwi, u għalhekk nemmen li kemm l-Air Malta kif ukoll il-Malta Air jistgħu jibbenefikaw minn dan it-tkabbir u jieħdu porzjon tajjeb mis-suq sabiex jibqgħu joperaw minn pajjiżna. L-ebda linja tal-ajru waħidha ma tista’ tilqa’ għal din id-domanda qawwija li qiegħda tiġi mbassra fil-futur qarib”, temm jgħid il-Ministru Mizzi.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0