“Il-ġimgħat li ġejjin se jiswew lill-pajjiż miljuni bħala xogħol iżda żgur mhux ħa jissogra li jmut xi ħadd“

  • Ġun 16, 2019 12:23
  • Miktub minn iNews
"

    Summit li ħalla l-frott u wera l-kapaċita’ tagħna

    Is-summit bejn seba’ mexxejja ta’ pajjiżi min-nofsinhar tal-Unjoni Ewropea kien summit li ħalla l-frott u li reġa’ wera l-ħila ta’ Malta. Dan b’mod partikolari f’dawk li huma ideat għall-ġejjieni tal-Unjoni Ewropea, fost oħrajn.

    Tkellem dwar dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista f’intervista rrekordjata fuq ONE Radio.

    Tkellem dwar kif din il-laqgħa  “tat frott għaliex ninsabu lejliet li l-Unjoni Ewropea tkun qed timbarka fuq numru ta’ deċiżjonijiet, id-deċiżjoni li ħa tieħu l-UE għall-ħames snin li ġejjin, diskussjoni dwar il-baġit għas-seba’ snin li ġejjin u t-tmexxija tal-istituzzjonijiet Ewropej... għamilna progress tajjeb dwar kif ħa nkunu qed naħdmu flimkien anke għal dan is-sajf dwar l-issue tal-immigrazzjoni... it-teknoloġija u innovazzjoni.”

    Kien hawn li l-Prim Ministru spjega kif fis-summit ta’ nhar il-Ġimgħa “bħala pajjiż kienet ta’ possibilta’ oħra li nuru dak li kapaċi noffru f’dak li għandu x’jaqsam mal-ideat fuq kollox...għandna kontribut b’ideat x’nagħtu.”

    Tkellem  ukoll il-laqgħa bilaterali mal-President Franċiż, Emaniel Macron, laqgħa fejn ġiet deskritta mill-Prim Ministru Malti bħala “tajba ħafna fejn tkellimna dwar kif nistgħu niżviluppaw aktar ir-relazzjonijiet li huma diġa’ eċċellenti bejn Malta u Franza.”

    Ittieħdet azzjoni, se jiġu ċċarati responsabbiltajiet u proposti bidliet

    Fid-dawl li fl-aħħar jiem iġġarfu binjiet li maġenbhom kien hemm sit ta’ kostruzzjoni, il-Prim Ministru saħaq li ma kellux triq oħra ħlief li jwaqqaf ix-xogħolijiet kollha ta’ skavar, xogħolijiet kollha ta’ demolizzjoni.

    “Id-deċiżjoni kienet waħda għalija ċara u ovvja li meta tlabt analiżi fil-ġimgħat u l-jiem li għaddew tas-sitwazzjoni legali, huwa ċar li għandna liġijiet f’pajjiżna. Jiġifieri mhux kwistjoni ta’ liġijiet. Il-liġijiet huma ċari. Ħafna min-nies isegwuhom il-liġijiet, imma mbagħad għandek numru minnhom li jippruvaw dejjem isibu xi ventilatur minfejn jgħaddu.”

    Il-Prim Ministru esprima s-sodisfazzjon tiegħu li meta nforma lill-istakeholdersfil-qasam tal-iżvilupp b’din id-deċiżjoni fil-laqgħa li kellu magħhom, “kollha kemm huma qablu li kif inhi s-sitwazzjoni, tajjeb li nieqfu, nieħdu perjodu ta’ riflessjoni u naraw ir-regoli l-ġodda.”

    Joseph Muscat qal li l-punt prinċipali f’dan kollu hu li rridu nneħħu s-sitwazzjoni fejn il-ħmar iwaħħal f’denbu. Il-gvern ma jistax joqgħod għassa ma’ kull post. Bl-istess kejl, il-Prim Ministru tenna kif il-gvern ma jistax joqgħod jitfa’ għassa ma’ kull professur biex jara li l-operazzjonijiet mexjin kif suppost Hawn saħaq li hemm responsabiltajiet u għalhekk jingħataw il-warrants.

    Il-Prim Ministru fakkar li nhar it-Tnejn se jkunu ppubblikati bidliet dwar is-suġġett.

    “Se niċċaraw iktar ir-responsabilta’ tal-perit. Il-perit jagħmel dak li jgħidulu method statement, jiġifieri jgħid lill-kuntrattur iswed fuq l-abjad kif għandu jaħdem. Jekk il-kuntrattur ma jsegwix dak il-method statement, il-kuntrattur jidħol responsabbli. Barra minn hekk, ikollok il-persuna l-oħra li huwa s-site manager, il-persuna responsabbli li tieħu ħsieb tara l-affarijiet kif isiru...Dan is-site manager irid ikun hemmhekk, jew hu/hi jew il-perit  fil-ħinijiet li jittieħdu deċiżjonijiet kruċjali. U trid tkun dokumentata li qegħdin hemmhekk. Ħalli dawn jieħdu deċiżjoni fuq il-post.”  

    “It-tieni proposta importanti hija li dawn is-site managers, jew ikollhom il-kwalifiċi li jikkwalifikawha bħala site manager, jew inkella l-perit tal-proġett jiċċertifika li dak il-persuna, hu jafdah bħala site manager... Minnu nnifsu, hekk il-ħmar qatt ma jista’ jwaħħal f’denbu,” kompla l-Prim Ministru.

    Bidliet oħra jinkludu s-survey tal-ġeoloġija, fejn filwaqt li qabel kienet li dan it-tip ta’ studju isir biss jekk tħaffer iktar minn tliet metri, issa qed ngħidu, meta tħaffer bilfors trid tagħmlu.

    Il-Prim Ministru fakkar li “sa issa, min jikser xi regola, jeħel €500. U filfatt ikollok xi nies jgħidulek b’€500, jien nibqa’ għaddej. Dik ħa tiżdied għal €10,000. Min ikollu avviż biez jieqaf għax kiser xi regola, sal-lum kien jeħel €1,200. Issa jibda jeħel €50,000.”

    Il-Prim Ministru sostna wkoll li lill-pajjiż, dawn il-ġimagħtejn, tliet ġimgħat ħa jiswewh il-miljuni bħala xogħol iżda żgur mhux ħa jissogra li jmut xi ħadd biex imbagħad jieħu din l-istess azzjoni.

    Malta Air se ssaħħaħ it-turiżmu u l-konnettivita’ ta’ pajjiżna

    Il-Prim Ministru enfasizza li “permezz tal-Malta Air, Malta se tkun tista’ tidħol fi swieq oħra, fejn sal-lum ‘il ġurnata, ma għandniex is-saħħa li nidħlu fihom.”

    Tkellem dwar kif ir-Ryan Air issa għandhom strateġija Ewropea ġdida, li minflok ikollhom kumpanija waħda kbira fl-Irlanda, qegħdin jifirxu fuq erba’ kumpaniji – waħda fl-Irlanda, waħda fil-Polonja, waħda fl-Awstrija, fl-Irlanda u Malta.

    Joseph Muscat fakkar kif ir-Ryan Air diġa’ għandhom bażi b’saħħitha f’Malta u issa minn “sitt ajruplani se jżiduhom għal għaxar ajruplani u bl-iskop li jkun hemm mal-ħamsin ajruplan ieħor li qegħdin illum ‘il ġurnata f’pajjiżi oħra Ewropej, li jitneħħew mir-reġistru ta’ dawk il-pajjiżi u li jinġabu dir-reġistru Malti. Waħdu, dak iwassal investiment ta’ madwar biljun f’Malta.”

    Muscat tenna li minflok ir-Ryan Air telqu għal rashom, tkellmu mal-Gvern kif jista’ jkollna sinerġiji u kif nistgħu naħdmu flimkien. U ġie deċiż li nagħmlu kumpanija flimkien, fejn tkun kumpanija tar-Ryan Air, imma jkollna golden share, jiġifieri sehem wieħed li l-valur nominali tiegħu m’huwiex kbir imma għandu sħħa kbira.

    Il-Prim Ministru għamilha ċara li dan mhu se jfixkel xejn ix-xogħol tal-Air Malta. Għall-kuntrarju, ix-xogħol tal-Air Malta fis-snin li ġejjin se tkun mhux biss li tibqa’ l-linja tal-ajru ta’ Malta imma l-linja tal-ajru tal-Mediterran.

    PN maħkum min-negattivita’ ta’ min m’għandux ideat

    Mistoqsi dwar l-emendi fl-irwol tal-Avukat Ġenerali fost l-oħrajn, kif irrakomandat il-Kummissjoni Venezja, il-Prim Ministru kellu biss tliet kelmiet x’jgħid: “Ħawwadni ħa nifhmek.”

    “Wisq nibża’ li l-Partit Nazzjonalista reġa’ nħakem totali min-negattivita’ ta’ min m’għandux ideat,” sostna l-Prim Ministru li tkellem dwar kif il-bidliet li qed isiru huma riżultat tal-pariri tal-Kummissjoni Venezja. .

    Fl-intervista nnota wkoll it-tifħir internazzjonali għall-bidla proposta biex iżżid l-ugwaljanza fil-politika u tkellem ukoll dwar l-iskema Irrestawra Darek. Skema li nħatfet f’siegħa.  

    Il-Prim Ministru fakkar kif il-miljuni ta’ ewro għall- din l-iskema ġejjin minn skema ta’ regolarizazzjoni li permezz tagħha mijiet ta’ nies ħallsu biex pattew għal dawk l-irregolaritajiet li jkunu saru u fl-istess ħin taw valur lill-proprjetà tagħhom.

     “Permezz ta’ dawn il-flus, aħna ħriġna skema li qed ngħinu lil min mhux iwaqqa’ biex jibni imma min għandu xtara post naqra iktar antik u ngħinuh biex jirrestawrah,” temm il-Prim Ministru.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0