Intervista mal-ġurnalist espert tal-football Taljan, Luca Serafini

  • Ġun 13, 2019 00:59
  • Miktub minn Cristian Muscat
"

    Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-football u fuq kollox kif bdejt iżżomm ma’ AC Milan?

    Sa minn meta kont għadni żgħir kont inkun spiss il-mużew nilgħab ma’ sħabi dik il-famuża logħba football.

    Inzerta li dan iċ-ċentru kien viċin id-dar tiegħi u għalhekk kont inqatta’ s-sigħat nilgħab hemmhekk.

    Apparti minn hekk kont iffissat fl-istickers, dak iż-żmien il-Calciatori, fejn kont ngħaqqadhom billi nixtri mill-ħwienet u npartat ma’ sħabi. Meta kelli dawk it-tmien snin xtaqt immur nara logħba football f’xi ground iżda l-ġenituri tie­għi xejn ma kienu dilettanti u grazzi għall-kuġin tiegħi kien wegħdni li kien se jeħodni nara xi logħba.

    Iżda minkejja kollox kien għamilli kundizzjoni ... dik li nilbes il-flokk ta’ Milan. Kienet is-sena 1971 u minn dakinhar bdejt inżomm ma’ dan it-team.

    Kif tikkumpara it-team ta’ Milan illum ma’ dak tas-snin glorjużi bi players bħal Maldini, Baresi, Gullit, Rijkaard u Van Basten?

    Bħal kull ħaġa, iż-żmien jgħaddi u ma jfissirx li s-suċċess jibqa’ miegħek il-ħin kollu. Ikun hemm mumenti fejn jinbidlu ħafna affarijiet.

    Meta l-ex president Silvio Berlusconi biegħ l-ishma tiegħu fil-club tar-Rossoneri nemmen li bdiet it-triq tan-niżla. Nemmen li seta’ kompla b’diriġenza oħra Taljana aktar milli biegħ kollox lill-investiment barrani.

    Qisu ma ħax interess u ried jeħles minn kollox mill-aktar fis possibbli. Fiż-żmien ta’ wara, Adriano Gal­liani naqas li jġib players ta’ kalibru filwaqt li meta żewġ staġuni ilu waslu Marco Fassone u Massimi­liano Mirabelli, kien hemm ħafna kliem fieragħ u għalhekk iktar stennija iżda minn dak kollu ma sar xejn b’diżappunt wara l-ieħor.

    Anke matul dan l-istaġun kellu jkun hemm team tajjeb u kompetittiv b’Gonzalo Higuain li ddiżappunta ferm fl-ewwel parti tal-istaġun u b’Alessio Romagnoli u Gianluigi Donnarumma li mhux dej­jem taw l-aqwa tagħhom.

    Forsi ngħid li Lucas Paqueta u Fabio Borini taw qalbhom għalkemm ma kienx biżżejjed biex nip­parteċipaw fil-UEFA ChampionsLeague. 

    Taqbel miegħi li player bħal Suso ddiżappunta wkoll?

    Iva naqbel  miegħek. Narah li għandu problemi fuq livell tekniku minħabba li l-logħob tiegħu huwa magħ­ruf mal-avversarji.

    Narah ukoll li hu ferm fraġli fiżikament speċjal­ment meta jkollu kuntrast ma’ xi player fejn jispiċċa jitlef il-ballun.

    Għar-raba’ staġun konsekuttiv, il-wirjiet tiegħu fit-tieni parti tal-istaġun komplew jiddiżappuntaw fejn wara bidu tajjeb jibda jmajna bil-mod. Jien għalija ddiżappuntani ferm.

    Biex ma nsemmux ukoll lil Franck Kessie u Tiemoue Bakayoko li wkoll kellhom imġieba xejn tajba meta urew il-flokk ta’ Francesco Acerbi. Mingħajr l-ebda dubju, player tal-Milan, jekk hu serju ma jistax jagħmel hekk.

    X’taħseb dwar id-diri­ġenti li jmexxu lil dan il-club?

    Meta reġa’ ġie Gennaro Gattuso kien hemm ħafna stennija li dan il-coach bil-grinta tiegħu kapaċi jwassal il-messaġġ tiegħu.

    Anke meta Leonardo kien qiegħed hemm stennejt ħafna aħjar bħala direttur tekniku.

    Madankollu ma rajtx mentalitá rebbieħa bħalma għandhom timijiet kbar bħal Juventus, Paris St Germain, Barcelona u Bayern Munich li għandhom players professjonali u li jieħdu l-affarijiet bis-serjetá.

    Fil-passat kellek players bħal Filippo Inzaghi, Alessandro Costacurta, l-istess Paolo Maldini u anke Franco Baresi li kienu jaslu qabel il-ħin għas-sessjoni ta’ taħ­riġ u jitilqu wara kulħadd għax jippreferu jkompli jittrenjaw.

    Bħal dawn m’għadx fadal sfortunatament. Players li ġew illum fit-team ta’ Milan ħasbu li għax ġejt fi club kbir ifisser li int tajjeb filwaqt li dak hu biss l-ewwel pass tal-karriera tiegħek.

    Nemmen li taħt Paolo Maldini u Zvonimir Boban bħala diriġenti l-affarijiet ser ikunu aħjar.

    Iżda ma taħsibx li m’hemmx leader li kapaċi jmexxi lit-team bħalma kienu Baresi u Maldini?

    Fil-veritá kulħadd ħaseb li Alessio Romagnoli seta’ jkun il-leader naturali ta’ AC Milan iżda nasal biex ngħid li bħala player għan­du bżonn jimmatura.

    Ma tistax taqla’ sitt karti sofor fi staġun sempliċement għax tipprotesta mar-refe­ree.

    Fl-opinjoni tiegħi minkejja li għandu 24 sena, għadu ma mmaturax bħala karat­tru ta’ player professjonali tal-football.

    Għaliex taħseb li nbidel il-coach?

    Ir-raġuni hi li b’xorti ħażina qatt ma kien hemm stab­biltá fil-club. Ma tistax tbiddel tliet coaches fi sta­ġun wieħed biss.

    Mill-2013 lil hawn kien hemm sitt coaches li ġew u telqu f’Milanello. Id-diri­ġenti ma kinux hemm fiżi­kament u għalhekk inħatru coaches bi ftit jew wisq esperjenza bħal Clarence Seedorf, Cristian Brocchi u Filippo Inzaghi.

    Kien hemm mumenti po­żittivi taħt Sinisa Mihajlovic iżda ma kienx hemm elementi tajbin.

    Taħseb li Gennaro Gattuso seta’ ta iktar lil Milan?

    Ninsab kważi ċert li l-ogħla awtoritajiet tal-club kienu ser iżommu lil dan il-coach iżda fi Frar li għadda l-istess Gattuso ħabbar li kien ser jieqaf fit-tmexxija tat-team.

    Naħseb li minkejja l-grinta u l-kuraġġ li għandu bħala persuna, Gattuso kien għejja mentalment min­ħabba li d-diriġenti ma kinux jaqbżu għalih fejn kellu raġun u ftit rajthom apprezzaw ix-xogħol li għa­mel.

    Jekk tqis il-fatturi kollha li ltaqa’ magħhom fosthom l-injuries, l-imġieba ta’ ċerti players, is-sentenza tal- UEFA u tant intoppi oħra ma kinitx biċċa xogħol faċli tmexxi lil Milan.

    Meta tqis ukoll li t-team mistenni aktar minnu bil-kwalitá ta’ players li akkwis­taw, id-diżappunt ikompli jikber.

    F’Jannar ġibtu lil Krzy­sztof Piatek li beda tajjeb u li naqqas ħafna mil-livell tiegħu aktar m’għadda ż-żmien. Xi ġralu eżatt?

    Peressli Gonzalo Higuain iddiżappunta ħafna, l-għaż­la waqgħet fuq Piatek li kien għaddej tajjeb ferm ma’ Genoa.

    Wara bidu mill-aqwa f’Jannar u Frar ġara li fil-ġimgħat ta’ wara dan l-at­takkant Pollakk waqa’ fi kriżi ta’ goals u dan effettwa l-progress tat-team.

    Xorta nemmen li bih u b’Paqueta, Milan jistgħu jagħmlu progress għalkemm iridu jemmnu dejjem aktar fihom infushom.

    Milan ser jerġgħu jkunu barra mill-UEFA Cham­pions League għall-punt wieħed biss. Kemm tiswa finanzjarjament lil dan il-club li ser jibqa barra?

    Din tiswa ħafna finanzjarjament. Biss biss tilfu dawk il-€50 miljun minn ħalqhom ... imma issa m’hemmx x’tagħmel. Il-pro­ġett tal-club jibqa’ għaddej għalkemm jibqa’ id-diżap­punt li tagħmel ħames snin mingħajr Champions Lea­gue. 

    Kemm int fiduċjuż li Marco Giampaolo ser ikun il-coach ġdid ta’ Milan?

    Naħseb li jinsab viċin ferm biex jingħaqad magħ­na. Jonqos biss li toħroġ l-aħbar uffiċjali.

    Narah bħala coach li jaħdem b’ċertu mod u ma’ kull min mar ... iħobb iħalli l-firma tiegħu. Nemmen li coach m’għandux biss jaħdem fuq livell tattiku iż­da wkoll fuq dak psi­ko­loġiku.

    Tinsiex li għandek skwadra ta’ 23 player kollha b’karattru differenti. Nemmen li Giampaolo huwa coach li jaf joħloq bilanċ u għalhekk għandu jkun taj­jeb.

    Nispera biss li d-diriġenza tal-club tagħtih l-għajnuna kollha meħtieġa u tevita li tagħmel l-iżball li għamlet ma’ Gattuso.

    Int tikteb ukoll rumanzi u wieħed mill-aħħar kotba tiegħek kien proprju ‘Lady Stalker’. Fuq xhiex jittratta eżatt dan il-ktieb?

    Proprjament dan huwa t-tielet rumanz li ktibt u hu bbażat fuq storja vera. Aktar qabel ktibt diversi bijografiji fosthom fuq Andriy Schev­chenko, Diego Abantuono, Martina Colombari u ħafna iktar.

    F’dan ir-rumanz qed naraw mara anzjana ta’ 81 sena li spiċċat kriminali wara li wettqet reat fuq każ ta’ wirt  ma’ ħuha.

    Hi ma riditx taqsam dan l-istess wirt miegħu u kien għalhekk li weħlet 16-il sena ħabs.

    Jien iltqajt magħha ta’ 97 sena u kienet ħarġet mill-ħabs. Hija storja ta’ familja li batiet mhux ftit b’dak li nqala’.

    Kif tista’ tiddeskrivi l-esperjenza tiegħek hawn Malta?

    Inqisha bħala esperjenza fantastika anke għax naf li din kienet l-ewwel darba li ġejt hawnhekk. Kelli ċ-ċans li niltaqa’ mal-Prim Ministru, Joseph Muscat, fejn tkellimna b’mod partikolari fuq il-football u fuq it-team li hu għal qalbna - AC Milan.

    Jien fraħtlu b’mod partikolari għax irnexxielu jag­ħmel progress ekonomiku qawwi f’Malta.

    Fiż-żjarat tiegħi, stajt nara diversi monumenti storiċi fil-bliet u rħula Maltin u dawn affaxxinawni ħafna. 

    Xi tgħidli dwar il-Milan Club Malta 1979 immexxi mill-president Daniel Bu­geja u kif ġejt hawn Malta?

    Kollox beda meta kont qed nieħu xi ftit ritratti ma’ xi partitarji Maltin fi Stadio San Siro waqt li konna qed naraw lil Milan fl-azzjoni.

    Dawn kienu membri tal-Milan Club Malta u stednuni biex inżur il-club tagħ­hom.

    Għall-bidu rajtha stramba jien li mmur fi club barra l-pajjiż iżda emminni qatt ma ħsibt li kien ser ikun hawn ħafna partitarji Rossoneri fil-Gżejjer Maltin.

    Tawni merħba kbira u pparteċipaw bis-sħiħ fid-diskussjoni animata li għamilna. Mhux ser tkun l-aħħar darba li ġejt Malta. 

    Nixtieqek tgħaddi l-aħ­ħar messaġġ tiegħek lill-partitarji Milanisti Maltin li qed jaqraw din l-intervista.

    Ikun hemm fażijiet fil-ħajja li mhux dejjem ikunu pożittivi.

    Dan bħal politika, ikun hemm żmien fejn partit ikun fil-glorja u f’daqqa waħda jispiċċa mwarrab. L-istess ħaġa fil-football.

    Milan għaddew minn 25 sena glorjużi b’diversi tazzi u unuri li ġew. Berlusconi biddel il-kalibru ta’ dan il-club.

    F’Diċembru li ġej, Milan jagħlqu 120 sena u għalhekk bix-xieraq li l-istaġun li ġej ikun aħjar minn dak li għaddejna minnu.

    Fiduċjuż li l-futur ikun tajjeb dejjem jekk min imex­xi jagħti l-għajnuna meħ­tieġa lil dawk kollha involuti f’dan il-club.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0