John Michael Testa, fil-qalb ta’ eluf ta’ studenti

  • Ġun 10, 2019 09:59
  • Miktub minn Kenneth Vella
"

    25 sena mill-mewt ta’ pijunier ta’ tmexxija tal-iskejjel u kittieb

    Min bħali jaħdem fil-qasam tat-tmexxija edukattiva ikun obbligat biex minn żmien għal żmien jagħmel korsijiet ta’ aġġornament fil-qasam edukattiv. Madanakollu personalment dejjem emmint li l-aħjar tagħlim li tista tieħu huwa bl-eżempju tajjeb,  billi tibqa tiftakar f’dawk il-kapijiet ta’ skejjel jew edukaturi li jkunu ħallew impatt fuq il-ħajja tiegħek anki meta tkun għadek student. Personalment, wieħed minn dawk li dejjem ħalla impressjoni fuqi kemm bħala student u aktar tard kemm bħala għalliem, edukatur u kap ta’ skola hu John Michael Testa, il-kap tal-iskola li kelli jiena fl-ewwel snin tiegħi tas-sekondarja fil-Liċeo Mikiel Anton Vassalli f’Tal-Ħandaq. F’dawn il-jiem Testa qiegħed jagħlaq 25 sena minn meta ħalliena, għalkemm żgur li għadu f’qalb l-eluf ta’ studenti li għallem jew li mexxa bħala surmast. 

    Illum bħala kap ta’ skola aktar nifhem il-kapaċita’  u l-abbilita’ li kellu Testa bħala kap ta’ skola. Għax ejja ngħidha kif inhi, m’huwiex faċli li tmexxi skola tas-subien b’popolazzjoni ta’ madwar 800 student u bi struttura li kienet bi klassijiet imqassma fi blokki differenti ġo barracks bħal kif kien il-Liċeo Vassalli fis-snin tmenin u disgħin. Għaliex Testa kien uniku? Qabel xejn mil-lat ta’ inizjattivi edukattivi ħadd ma kien jobsor fis-snin tmenin li fi skola sekondarja tal-istat ikollok diġà laboratorju tal-IT. Testa kien kburi b’dan u kien ifakkar diversi drabi li ħafna mir-riżorsi f’dan il-laboratorju kienu nxtraw b’fondi li hu stess kien akkumula minn attivitajiet ta’ ġbir fl-iskola stess. U dan kif kien isir? 

    Qabel xejn permezz ta’ attivitajiet organizzati mal-assoċjazzjoni tal-ġenituri. Warajh dejjem kellu ġenituri li jħobbu l-iskola, li flimkien miegħu ma kenux jaħsbuha darbtejn li jissagrifikaw anki tmiem il-ġimgħa u jorganizzaw attivitajiet għall-istudenti u l-ġenituri anki l-Ħadd wara nofsinhar. U għalina t-tfal kienet tkun l-hena tagħna li niġru fil-grounds tal-iskola sakemm il-ġenituri tagħna jieħdu sehem f’xi attivita’ organizzata għalihom. Hawn xi ħadd jimmaġina li l-kap tal-iskola stess imexxi t-tuckshop tal-iskola ? Iva kien is-surmast stess fil-każ tagħna li kien imexxi t-tuckshop. Kont issibu wara l-bank ibiegħ il-biljetti biex takkwista l-luminata jew xi ħaġa tal-ikel. U xi ngħidu umbagħad għall-appelli li kien jagħmlilna biex ma narmu qatt il-fliexken tal-ħġieġ, ma nħalluhom qatt barra mitluqin. Dan għax barra li kienu ta’ periklu u ta’ ħsara għall-ambjent, jekk nirritornawhom stajna nżidu l-fondi għall-iskola tagħna. Aħna bħala studenti konna nobduh f’dan ir-rigward mhux għax konna nibżgħu mill-konsegwenzi ta’ xi azzjoni dixxiplinarja iżda għax konna nħossu sens ta’ dover, imħabba u rispett lejh u lejn l-iskola tagħna.  

     

    Trasport tal-Istudenti

     

    Flimkien mal-assistant kapijiet tal-iskola li kellu, iġifieri Salvu Busuttil, Biagio Vella u Ronnie Attard, John Michael Testa kien jieħu ħsieb ukoll it-trasport lejn u minn l-iskola. Min jaf kemm il-darba għal xi raġuni jew oħra kien ikun hemm studenti li jibqgħu l-art għax jinqala xi ħaġa lix-xufier tal-linja hu hu ġej għalina u jkun is-Sur Testa f’xi l-4.30pm (l-iskola kienet tispiċċa fit-3.30pm) li jtellagħna fil-karozza Anglia Prefect tiegħu u jwassalna villaġġ villaġġ. Qatt ma ninsa d-darbtejn li wassal lili u fil-karozza jistaqsina dwar familja, passatempi. Hemm konna naraw karatteristika oħra tiegħu, is-surmast li tant kien dixxiplinat waqt il-ħin tal-iskola jinbidel f’missier ieħor jew ħabib li jieħu interess personali fik.   Dan biex ma nsemmix li kull fil-għodu kien ikun qiegħed jistennina fil-post fejn kienu jieqfu l-karozzi (quddiem l-uffiċju tiegħu) u jara li kollox sew u li kulħadd liebes l-uniformi kif suppost. 

     

    Rispett lejn l-għalliema 

     

    John Michael Testa kien dejjem juri sens ta’ rispett lejn l-għalliema sħabu, l-awtoritajiet u lejn l-istaff kollu. Ma kien jaċċetta qatt li xi student jonqos mir-rispett lejn xi ħadd minn dawn. Għalkemm kien xi kultant jirrenja fina ċertu element żgħir ta’ biża minħabba d-dixxiplina li tant kien jemmen fiha, f’qalbna konna nħossu li din id-dixxiplina kienet utli fl-ambjent tal-iskola, li din id-dixxiplina kienet se tagħmilna rġiel vera aktar il-quddiem u li fuq kollox kienet importanti biex l-iskola tagħna, il-Junior Lyceum Liċeo Vassalli tibqa fost l-aqwa fil-pajjiż. Testa kien iġiegħlna nħossuna kburin bl-iskola tagħna. Min jaf kemm il-darba fi tmiem xi assembly konna ngħajtu bi kburija l-isem Junior Lyceum Liċeo Vassalli tal-Ħandaq jew inkella l-motto tal-iskola Nil Nisi Optimum jew kif kien ifakkarna s-surmast tagħna, xejn anqas mill-aħjar. Il-kobor tiegħu rajtu wkoll meta kienet ħarġet l-aħbar li hu ma kienx se jibqa kap tal-iskola għax kien intalab jerġa jmur lura jaħdem bħala uffiċjal edukattiv. Dakinhar kien inqala pandemonju sħiħ l-iskola, bi studenti jirrifjutaw jidħlu fil-klassi u jibqgħu barra jipprotestaw, jgħajtu l-famuża Testa Jew Protesta, inkluż dawk li xi darba jew oħra kienu qalgħu xi tbeżbiża tajba mingħandu. Ma ninsa qatt il-mument meta minn imkien reġa ġie lura l-iskola waqt il-protesta u fost ċapċip u għajjat, lilna tana ħasla bil-pulit u talabna nidħlu lura fil-klassi għax skont hu konna qegħdin inwaqqgħu isem l-iskola għaċ-ċajt, nagħtu ċans lil ħaddieħor jimxi l-quddiem aktar minna meta aħna konna qegħdin naħlu l-ħin tagħna. 

     

    Nuqqas ta’ għalliema

     

    Personalment qatt ma ninsa wkoll meta kont fil-Form 3 u nzerta li ħabta u sabta spiċċajna bla għalliema tal-Economics. X’konna se nagħmlu mingħajr għalliema ta’ suġġett li konna għażilna aħna stess? Bħas-soltu, kien is-Sur Testa li daħal għalina. Dan billi pprepara sensiela ta’ noti u f’daqqa waħda beda jgħallimna hu stess. “Ma tarax se nħallikom bla lezzjonijiet?” kien minnufih qalilna s-Sur Testa. Għadni quddiem għajnejja niftakru jgħallimna d-differenza bejn demand u supply u ħwejjeġ oħra relatati mas-suġġett. Dan ma kienx għamlu magħna biss, anki ma’ oħrajn. Dawn huma kollha sitwazzjonijiet li kollha ġegħluni nifhem aħjar il-kobor ta’ dan ir-raġel, edukatur kbir li ta kollox mingħajr ma stenna xejn lura minna. 

    F’din l-okkażjoni tal-25 sena anniversarju mill-mewt tas-Sur John Michael Testa, ma stajtx ma nieħux ukoll il-kummenti ta’ ulied is-Sur Testa u anki tas-sinjuri Salvu Busuttil u Dr Biagio Vella, li ħadmu ferm viċin tiegħu bħala assistenti kapijiet. Busuttil qalli li hu ltaqa’ l-ewwel darba ma’ Testa fl-1955 meta beda l-karriera tiegħu bħala għalliem fl-iskola primarja tal-Floriana. “Dak iż-żmien kelli biss tmintax -il sena u John kien verament għini fl-ewwel snin tiegħi biex insib saqajja. 25 sena wara hu ċempilli u talabni ningħaqad miegħu fil-Liċeo Vassalli fejn bdejt bħala għalliem tal-matematika, għalliem tal-guidance u aktar tard bhala assistent kap. Testa kien bniedem li verament ħabb l-iskola. F’perjodu biss ta’ tliet xhur hu ħadem u ssorvelja r-riġenerazzjoni u trasformazzjoni ta’ binja dilapitata (l-iskola tar-Royal Navy) f’Junior Lyceum li jilqa 800 student. Hu ispira l-istaff tiegħu u l-istudenti mhux biss bil-kliem iżda anki bl-eżempju, enerġija u impenn. L-aktar ħaġa li kienet timpressjonani fih kienet l-insistenza tiegħu,” qalli Busuttil.

    Salvu Busuttil qalli wkoll li John Micheal Testa kien jemmen u kien dejjem jirrepeti lill-istaff u l-istudenti l-kliem li jekk trid tilħaq għan f’ħajtek trid taħdem sew għalih u ma taqtax qalbek. Dan il-kliem daħal sew fl-imħuħ tal-istudenti u wassal biex il-Liċeo Vassalli jsir wieħed mill-aqwa istituzzjonijiet edukattivi sekondarji ta’ dak iż-żmien u fuq kollox l-aktar skola sekondarja li kellha l-aqwa riżorsi. “It-tragwardi milħuqa mill-ex studenti tal-Liċeo Vassalli u l-kontribuzzjoni tagħhom lejn is-soċjeta’ Maltija nġenerali huwa l-aqwa ċertifikat tad-dedikazzjoni u l-impenn ta’ John Michael Testa,” ikkonkluda Salvu Busuttil. 

    Minn naħa tiegħu Dr Biagio Vella kkummenta li hu kien sar jaf lis-Sur Testa fis-snin sittin meta kienu jgħallmu flimkien is-St Joseph Technical Institute ta’ Raħal Ġdid. “Testa kien jgħallem il-Malti. Minn dejjem kien raġel onest u ta’ qalb tajba. Għalkemm kien bniedem ta’ dixxiplina kbira, kien raġel tal-familja u t-tfal kollha fdati f’idejh kien iħobbhom daqs id-dawl ta’ għajnejh. Meta jien kont assistent tiegħu fil-Liċeo Vassalli niftakar li kien ikun dejjem l-ewwel wieħed li jasal l-iskola, qabel kulħadd. Ma kienx jitlaq mill-bini tal-iskola qabel ma jinġabar l-aħħar tifel. Barra li kien jagħmel mezz li kuljum jiltaqa’ mal-għalliema fl-istaff room, kont tarah idur mal-iskola, mhux fil-break biss. Matul is-snin tat-tmexxija tiegħu rnexxielu jittrasforma din il-Junior Lyceum fl-aqwa skola ta’ Malta u xhieda ta’ dan kienu r-riżultati miksuba mill-istudenti. Barra dak li rnexxilu joħloq u li semmejt inti, irnexxilu wkoll jibni ċinema u kappella għall-istudenti. John Michael Testa kien bniedem onest, tal-affari tiegħu, kien jimmotivak biex tagħmel bħalu u timxi fuq il-passi tiegħu. Ħaqqu biss il-ġenna u kliem ta’ tifħir,” qalli Dr Vella. 

    Intant għada, it-Tnejn 3 ta’ Ġunju fis-7pm se ssir quddiesa fil-kappella ta’ Lourdes il-Floriana b’suffraġju għalih, f’din l-okkażjoni tal-25 sena anniversarju. 

     

    Kummenti ta’ ulied John Michael Testa

     

    Raymond Testa  - Kelli xi għaxar snin meta kull nhar ta’ Sibt kien jeħodni l-Belt Valletta għand iz-ziju Toninu u nara l-missieri jittajpja l-korrispondenza għal barra minn Malta lejn il-Ġermanja u l-Ingilterra. Iz-ziju Toninu kien aġent ta’ ċerti kumpaniji barra minn Malta li kienu jimmanifatturaw ħwejjeġ u xogħol relatat magħhom. Niftakar ukoll meta kont xtrajt kamera tar-ritratti u missieri kien jistedinni biex nieħu r-ritratti tal-ġurnata tal-premijiet tal-Liċeo Vassalli meta kien l-ewwel prinċipal t’hemmhekk. Għadni niftakar id-dispjaċir li kellu meta neħħewh mill-Liċeo Vassalli u kienu ġew il-pulizija bil-klieb ta’ l-għassa biex jifirdu l-istudenti għax ma riedux iħallu lil missieri jitlaq minn hemm. Niftakar ukoll kemm missieri kellu għal qalbu l-ilsien Malti meta kien jagħmel traduzzjonijiet mill-Ingliż għal Malti fuq kitbiet xjentifiċi u “proof reading” ta’ kotba Maltin. Kont insegwieh u narah jikteb ukoll sensiela ta’ kotba tal-grammatika bil-Malti bl-isem “Pass Pass” u “Nimxu Flimkien”.

     

    Michael Testa - Niftakar lil missieri jeħodni fl-iskola tal-Handaq u jdawwarni. Għax hu dejjem ried jurini li t-tagħlim jiġi l-ewwel haġa u qabel iċ-ċajt. Il-villeġġjatura f’San Pawl il-Bahar kienet wahda mill-iktar postijiet li kien ihobb biex jirrilassa mal-familja. Kien jieħu pjacir jeħodni sal-bajja u jgħallimni nistad. Jiena kont l-iżgħar tifel fil-familja, u dawk li kienu jafuni żgħir, jiftakru li kont daqsxejn imqareb u moħħ ir-riħ. Missieri dejjem kien jgħallimna nkunu dixxiplinati u nitgħallmu l-iskola. Iżda jiena meta kont iżgħar ma kontx nisma u njorajt l-istudju u għadu jiddispjaċini sal-lum għal dak li għamilt. Imma missieri dejjem urieni rispett u l-libertà li nagħmel dak li nixtieq.

     

    Marianne Aquilina (nee’ Testa) - Ġurnata tipika skolastika għalih kienet tibda fl-erbgħa u nofs ta’ fil-għodu jikteb xi artiklu jew xi poeżija. Għal ħabta tas-sitta jippreparalna l-kolazzjon biex nieħdu magħna l-iskola. Fis-sebgħa jidħol fil-kamra tas-sodda tagħna u jgħajjat: “Wakey wakey, 7 o’clock, rise and shine” Mas-sebgħa u nofs, l-erbgħa li aħna konna nkunu lesti bl-uniformi u jwassalna l-iskola u wara jibqa sejjer għal ġurnata ħidma. Fil-Milied, kien ikun l-gost tiegħu jipprepara għall-ikla ta’ nofsinhar. Magħna fuq il-mejda kien ikun hemm missieru u  oħtu.  Meta konna mmorru nixtru xi rigali, u nara xi haġa li kienet togħġobni, kont ngħidlu “ixxijhieli!” U hu kien jgħidli “l-ewwel il-pappa imbagħad l-umpappa!”Fis-sajf konna nitilgħu villeġġjatura lejn San Pawl bin-nanniet u z-zijiet tan-naħħa ta’ missieri kollha. Mas-sitta ta’ fil-għodu, kien ikun qed jagħmel ix-xirja għar-razza u r-redika. Il-gost tiegħu jipprepara xi ikla fniek għal kulħadd fuq il-bejt. Donnu kien jaf li mhux se jdum igawdi lil uliedi – kien iqatta’ kull ċans li jkollu magħhom. Lit-tifel, bil-paċenzja u l-logħob kien jgħallmu jaqra l-ewwel ktieb mis-sensiela “Pass Pass”.L-isptar, ftit ġimghat qabel ma miet, voluntiera tal-Hospice Movement kienet staqsietu: “Sur Testa, kif inhu l-moral?”, u hu rrisponda “Baxx…” u hi staqsietu “Għaliex?” u hu qalilha, “Għax ma nistax ngħinhom iżjed issa!”

     

    Martin Testa - Lil John Michael Testa

     

    Fassalt, sammart, kaħħalt, xkatlajt, 

    Għamara, skola, nies int bnejt.

     

    Għallimt, widdibt, għaqqadt, ferraħt,

    Klassi, qlub, mħuħ mlejt

     

    Qaddej, Għalliem, Mexxej, Ħaddiem.

    Missier, Raġel, int fissirt

     

    Eżempju, tama, għerf, dover.

    Int xerridt, int sawwart

     

    Qabbilt, staqsejt, urejt, fakkart.

    Inti ktibt, int dakkart

     

    Fqir, mwarrab, mitluf, batut.

    Int għollejt, int sabbart

     

    Dixxiplina, prinċipji, ġustizzja, għaqal. 

    Int urejt, int mxejt

     

    Passjoni, twemmin, kunfidenza, dehen, 

    Int nissilt, int ħallejt.

     

    Martin Testa (Marzu 2019)

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0