AĠĠORNAT: Fil-każ tal-hit and run Lorin jgħid li Francesco kisirlu l-isteering fuq l-immigrant u tajru

  • Mej 24, 2019 09:21
  • Miktub minn iNews
"

    Quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia beda jinstema’ l-każ taż-żewġ suldati li jinsabu mixlija bil-qtil tal-immigrant Lassine Cisse Souleymane u bl-attentat ta’ qtil ta’ żewġ immigranti oħra - Ibrahim Bah u Mohammed Jablow - liema reati jidher li kienu motivati b’mibegħda razzjali. Id-delitt seħħ nhar is-6 ta’ April li għadda fi Triq tal-Ġebel, Birżebbuġa, limiti ta’ Ħal Far.

    Francesco Fenech ta’ 21 sena minn Raħal Ġdid u Lorin Scicluna ta’ 22 sena minn Wied il-Għajn jinsabu akkużati wkoll li fl-1 ta’ Frar li għadda pprovaw joqtlu lil May Malimi miċ-Chad, li kellhom arma mingħajr liċenzja, li qatlu qtates u għasafar u li għamlu użu minn vettura tat-tip Toyota Starlet b’mod traskurat u bla kont fost oħrajn. L-ewwel xhud fis-seduta tal-lum kien l-Ispettur Keith Arnaud.

    L-ispettur Arnaud qal li nhar is-6 ta' April ta' din is-sena huwa kien infurmat li għall-ħabta tal-11.10 p.m. kienet seħħet sparatura fi Triq tal-Ġebel li fiha kien hemm tal-inqas persuna maqtula u tnejn oħra midruba. Huwa qal li kien informat li l-persuni kienu immigranti ta’ karnaġġjon skur. Huwa qal li kien fuq il-post ftit tal-ħin wara u daħal fit-triq.

    “Kienet triq pjuttost twila. Il-crime scene kienet bejn wieħed u ieħor fin-nofs tat-triq. Kif dħalt fuq il-post il-persuni midruba kienu diġà ttieħdu l-Isptar Mater Dei iżda l-katavru kien għadu fuq il-post u nnotajt id-demm iċarċar. Taħt il-liżar stajt nara li kien hemm xi tip ta’ mużika mixgħula possibilment headphones u stajt nisma' l-mużika għaddejja. Fuq il-post kien hemm żewġ tobba li tawni 'brief' ta x’sabu huma fuq il-post.

    “Bħala xena tar-reat kienet tikkonsisti minn żewġ xeni – wieħed fejn il-katavru u żewġ skrataċ sparati tat-tip 9mm tal-marka STV Luger kienu viċin ħafna tal-katavru f’dik l-area.

    “Madwar 50 metru ‘l isfel stajt ninnota li kien hemm crime scene oħra fejn kien hemm erba’ skrataċ oħra tal-istess ditta u kalabri sparati pjuttost viċin xulxin. Kien hemm ukoll bieb ta’ garaxx li kellu xi toqob.” Huwa qal li mill-informazzjoni li għaddewlu t-tobba, iż-żewġ immigranti kienu milquta fil-parti ta’ isfel ta’ ġisimhom u ttieħdu l-Isptar Mater Dei. Minn dak li qalulhom dawn l-immigranti, il-każ kien seħħ minn drive by shooting. Kont infurmat li l-inċident seħħ ftit qabel il-11.00 p.m.”

    Huwa qal li l-Pulizija bdiet immedjatament tfittex kwalunke informazzjoni anke minn kameras fil-madwar. Infetħet inkjesta maġisterjali mill-Maġistrat Rachel Montebello. Liż-żewġ persuni midruba qal li kien kellimhom separatament l-Isptar fejn irriżulta li dawn jgħixu flimkien f'Ħal Far f'binja magħrufa bħala China House.

    Saħaq li min-naħa tagħhom qalulhom li ma kinux ilhom ħafna jgħixu Malta u li t-tnejn ġew mill-Italja biex jaħdmu. Qalu li dik il-lejla tal-isparatura huma kienu flimkien ġo Birżebbuġa, marru jaraw logħba futbol u bdew tilgħin flimkien bil-pass. Qalu li dik it-triq jużawha regolarment u kienu tilgħin bil-mod lejn id-dar.

    Spjegaw kif mument minnhom semgħu żewġ faqqaturi, u dak il-ħin ma assumewx li kienu tiri hekk kif qalu li Malta hi sigura ħafna għalhekk kienu ġew hawn. “Lanqas għaddilhom minn moħħhom li setgħu kienu tiri ta’ arma tan-nar, iżda fi ftit ħin għaddiet karozza minn ħdejhom u xi ħadd minn fiha sparaw żewġ tiri oħra u laqtuhom.

    Jallow qal li l-persuni ġol-vettura kienu tnejn u nnota li d-driver kien persuna għadu żgħir u kellu xagħru kemxejn skura. Wara t-tiri l-karozza baqgħet sejra. Huma pprovaw jistaħbew wara ċint li kien hemm fit-triq. Jallow beda jċempel lil sieħbu ħalli jċempel għall-ambulanza.

    Eventwament irriżulta li Bah ntlaqat minn tir wieħed, bil-balla tinfed u toħroġ mill-'buttocks' stess. Jallow intlaqat b’tir ieħor iżda waqfet ħdejn il-pelvis tan-naħa tal-lemin.

    Iż-żewġ persuni baqgħu jinżamu l-Isptar Mater Dei. Fis-7 ta’ April irriżulta li l-vittma Souleymane kien joqgħod f’Birżebbuġa, li tiġi isfel nett fi Triq tal-Ġebel. Mill-mod kif ġara l-każ fhimna li l-persuna seta’ kien miexi lejn id-dar.

    L-Ispettur Arnaud qal li dakinhar kienet saret ukoll l-awtopsja fuq il-katavru. Spjega kif qabel l-awtopsja kienet ittieħdet X-Ray tal-ġisem. “Innutajna li kellu tir wieħed f'rasu, bejn l-għajn ix-xellugija u l-widna xellugija.”

    Huwa saħaq li l-bullethead instabet ġor-ras u għaddiet għand il-forenska. “Innutajna wkoll is-swaba' tal-id ix-xellugija kellhom xi feriti. Bdejna investigazzjoni dettaljata biex insibu kameras li setgħu jagħtuna idea ta’ x’ġara. Fuq ix-xena tad-delitt ma kienx hemm kameras iżda iktar ‘il fuq kien hemm. Minn dawn il-kameras rajna li l-vittma Cisse jidher nieżel bil-miexi waħdu minn Ħal Far lejn Birżebbuġa u madwar żewġ minuti wara l-unika karozza li għaddiet kienet karozza bajda Toyota Starlet.”

    L-Ispettur Arnaud żied jgħid li “dak li nnutajna wkoll kienet li madwar 20 sekonda wara jitilgħu żewġ immigrant bil-pass li dawru wiċċhom instantanjament u ħarsu lura t-tnejn f’daqqa. Fhimna li setgħet kienet il-ħin tal-isparatura. Hemm bdejna nikkonċentraw fuq il-karozza.”

    Qal li mill-filmati tas-CCTV ġie nnotat ukoll li l-karozza kellha l-mera tan-naħa tal-passiġġier nieqsa, il-fanal tagħha pjuttost bright, mingħajr number plates, u kellha waħda mill-bozoz tan-number plate iktar bright mill-oħra.

    L-Ispettur Arnaud qal li l-vettura kompliet tiġi segwita mir-rotta li ħadet. “Mill-55 kamera li ġbarna, stajna naraw il-karozza niżlet minn Triq tal-Ġebel, żbukkat għal Triq iż-Żurrieq, niżlet għal Triq Birżebbuġa, u baqgħet sejra għal Triq Għar Dalam. Minn Bir id-Deheb marret Triq il-Barrani u daħal Triq il-Palma direzzjoni Ħal Tarxien. Imbagħad kiser għal Triq is-Sorijiet fejn rajniha l-aħħar. F’din it-triq jekk tibqa’ sejjer dritt ma tantx hemm wisq fejn wieħed imur. Fhimna li bħala rotta ma setax telaq wisq ‘il bogħod minn fejn spiċċa. Fhimna li l-karozza setgħet waqfet fil-lokalità ta’ Raħal Ġdid.”

    L-Ispettur Arnaud żied jgħid li huwa qal li sar eżerċizzju, anke bl-għajnuna ta’ Transport Malta u l-eqreb lokalità li setgħet kienet ta’ għajnuna kienet sistema installata fi Triq Aldo Moro l-Marsa. Bdejna niċċekkjaw il-karozzi li kellna fil-lista biex nikkonċentraw fuq il-karozza li ridna aħna. Dan l-eżerċizzju ħalla l-frott tiegħu għax inzerta li vettura reġistrata fuq dawn il-lokalitajiet inqabdet diversi drabi mis-sistema tinstaq fid-direzzjoni tan-Nofsinhar ta’ Malta. “Rajna li din il-vettura hija reġistrata fuq l-imputat Lorin Scicluna li hi viċin ħafna fejn l-aħħar li spotjajna l-vettura,” qal l-Ispettur Arnaud. Huwa kompla jgħid li Lorin Scicluna għandu erba’ armi tan-nar reġistrati fuqu u waħda minnhom hi 9mm calibre.

    L-Ispettur qal ukoll li sirna nafu wkoll li Lorin jagħmel użu minn garaxx li qiegħed bejn ir-residenza tiegħu u l-post fejn l-aħħar li dehret il-vettura mill-kameras.

    “Tlabna l-warrant ta’ Lorin biex jiġi identifikat dwar dan l-iżvilupp. Huwa ġie arrestat fis-17 ta’ Mejju ta’ din is-sena fil-11.40 a.m. Huwa wera lil pulizija l-armi li kellu hu stess u kollha kienu taħt is-sodda tiegħu kif ukoll ġew elevati numru ta’ munizzjon ieħor. Qabel kellimna lil Lorin, kellimna lit-tfajla tiegħu. Sirna nafu li Lorin jaħdem part-time fil-weekends f'pastizzerija. Sirna nafu li kellu ħabib tiegħu, Francesco Fenech, u mill-analiżi tat-telefonija sirna nafu li kien f’kuntatt kontinwu miegħu.”

    L-Ispettur Arnaud qal li t-tfajla ta' Lorin ikkonfermat li t-Toyota Starlet kien jużaha hu u li ġieli kienet mingħajr il-mera. Qal li hi kkonfermat li fil-ħin tad-delitt ma kienx magħha peress li kienet ma’ oħtha l-Gallerija Cinema. Qalet li waqt il-film, beda jċempillha iżda bdiet taqtagħlu. Imbagħad filgħaxija niżel għandha d-dar tagħha.

    Qal li li meta mistoqsija kif jaħsibha Lorin fuq l-immigranti, hi qalet li kienet ilha tgħidlu jbiddel l-attitudni tiegħu fis-sens li ma tantx għandu grazzja mal-immigranti peress li kien jgħid li jiġu hawn u jippretendu li jagħmlu li jridu huma. Qalet li darba kienet iġġieldet miegħu u li meta jħares immigrant lejha darba darbtejn kien imur fuqhom għas-sodisfazzjon. Qalet li Francesco kellu l-istess karattru ta’ Lorin fil-konfront tal-immigranti

    L-Ispettur Arnaud qal li l-Pulizija ħadet l-ewwel statement lil Lorin fis-17 ta’ Mejju. Qal li huwa għażel li jkollu lill-Avukat Jason Azzopardi miegħu, li kien preżenti l-ħin kollu waqt l-interrogazzjoni. Żied jgħid li x-xogħol tiegħu ma kienx mal-immigranti u jaħdem week-days u fi tmiem il-ġimgħa jaħdem f’pastizzerija. L-Ispettur qal li proprju dakinhar tal-omiċidju ta' Lassana, Lorin kien xogħol fil-pastizzerija u għalaq qabel l-10.00 p.m.

    “Francesco kien ħdejh u minn hemm telqu flimkien.” L-Ispettur Arnaud qal li Lorin ikkonferma li l-vettura jużaha hu, u li xtraha fi Frar tal-2018.

    “Huwa fil-bidu ċaħad li kien involut fil-każ però kkonferma dak li kienet qalet it-tfajla tiegħu li m’għandux grazzja mal-immigranti u li ġieli jmur għas-sodisfazzjon meta jarahom iħarsu lejha.”

    L-Ispettur Arnaud qal li Lorin kien qal li darba sellef karozza lil terza persuna biex imur jiltaqa’ ma’ tfajla. Lorin kien qal li qala' n-number plates tal-karozza u l-ieħor ġie lura bil-windscreen imkisser.

    “Qal li dakinhar tad-delitt ġie l-istess persuna u reġa’ talbu l-karozza u offrielu €2,000. Qal li kien aċċetta li jagħmel dan u kien laħaq għabba l-arma CZ fil-karozza minħabba li kellu jagħmel xi target shooting. Qal li l-għada sema’ bid-delitt u assuma li seta’ kien hu. Huwa qal li kien naddafha u sab xi bullets neqsin.”

    L-Ispettur Arnaud qal li “bdejna ngħidulu li din l-istorja ma kinitx tagħmel sens u qal li lest jeħodha mal-post fejn iltaqa’ mal-persuna.” Fl-interrogazzjoni ftehmu li jiħduh fuq il-post u fil-fatt kien akkumpanjat mill-Ispettur Trevor Micallef, l-Avukat Jason Azzopardi u pulizija mis-CID.

    Kien hawn li qalilhom li kien qed jigdeb u lest jgħid il-verità x’ġara fis-6 ta’ April.

    Huwa qal li kien fil-vettura meta nqatel Cisse Souleymane minn Francesco Fenech. L-Ispettur Arnaud qal li Francesco kien arrestat fit-18 ta’ Mejju.

    Lorin qal li sar jaf lil Francesco meta daħlu l-Armata.

    L-Ispettur Arnaud qal li fir-rigward tal-inċidenti li jikkonċernaw annimali, Lorin qal li kien hemm drabi oħra fejn kienu jisparaw fuq l-għasafar u qtates bl-air rifle tiegħu. Qal li ġieli marru lejn Wied il-Għajn u Ħal Far u sparaw fuq il-qtates. 

    Dakinhar li nqatel Lassana, l-Ispettur Arnaud qal li kien Lorin li saq il-karozza u Francesco kellu l-arma f’idejh. “Kif għaddew minn Ħal Far Francesco kellu l-arma kkargata. Marru f’xi żona mwarrba jfittxu qattusa iżda dak il-ħin ma sabux. Għaddew minn Triq tal-Ġebel u huwa u nieżel raw lil Cisse, li kkonferma hu stess li ma jafux, u kif wasal maġenbu Francesco spara żewġ tiri fid-direzzjoni tiegħu. Qal li ra lill-immigrant jitbaxxa u jgħolli jdejh ma' rasu u spara t-tieni tir u rah nieżel mal-art. Dak il-ħin Lorin irrabja għax qal li ma basarx li se jispara fuq immigrant.”

    L-Ispettur qal li Lorin beda jagħti bil-minkeb f'dahar Francesco biex dan jieqaf b'dan jgħidlu biex jieqaf għax anke lilu jispara. Qal ukoll li f’mumenti wara ra żewġ immigranti oħrajn mexjin u hemmhekk Francesco reġa' spara erba’ tiri oħra fid-direzzjoni tagħhom.

    “Minn hemm huwa qal li saq dritt lejn id-dar u pparkja l-karozza hemm u waħħal in-number plates. Francesco telaq għal rasu u huwa mar għand it-tfajla. L-għada sema’ mill-aħbarijiet li kien inqatel persuna u argumenta bl-ikrah ma’ Francesco għax għamel dik il-bużullotta.” 

    Dwar l-inċident tal-qtates, Lorin qal li dawn ġraw kollha wara Marzu tal-2019 u “just for fun”. Qal li hu u Francesco ma kellhomx grazzja mal-immigranti. Qal li kien hemm diversi drabi fejn mar jargumenta mal-immigranti u semma l-inċident tal-hit-and-run li seħħ aktar kmieni din is-sena.

    L-ispettur Arnaud qal li Lorin kien stqarr li kienu jmorru ħafna drabi fi Triq tal-Ġebel u darba minnhom, fil-bidu ta’ Frar, raw immigrant nieżel fid-direzzjoni ta' Birżebbuġa, iżda dan ma tax kashom. Lorin imbagħad dawwar il-karozza u reġa’ tela’ d-direzzjoni lejh u kif wasal maġenbu qal li Francesco kisirlu l-isteering bil-konsegwenza li baqa’ dieħel fih u kisser il-windscreen bih. Qal ukoll li rrabja ma’ Francesco minħabba dan.

    “Lorin semma inċident ieħor fejn kien hemm immigrant għaddej fuq rota u dan beda jgħajjat u jwerżaq. Qal li kienu niżlu għalih u l-immigrant beda jwaddbilhom il-ġebel u laqat il-karozza tiegħu. Min-naħa tagħhom huma kienu kissrulu r-rota.”

    Ix-xhieda tal-Ispettur Keith Arnaud ġiet sospiża, bil-kawża tkompli nhar it-Tlieta li ġej.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0