“Ġismi kien kollu mkisser … iżda l-agħar uġigħ kien dak tal-qalb”

  • Mej 24, 2019 08:20
  • Miktub minn Carmen Cachia
"

    Sena wara l-aċċident fatali bil-mutur li fih miet Boris Cini, l-għarusa tiegħu għadha tbati u tibkih…

    Taħt il-mina tal-Università, Pollakka ta’ 43 sena bl-isem ta’ Kasia Lyczkowska u s-sieħeb tagħha Boris Cini, Malti ta’ 42 sena, kienu involuti f’aċċident tat-traffiku bil-mutur tagħhom li fih Cini tilef ħajtu traġikament mentri Lyczkowska sofriet ġrieħi serji u ksur ma’ ġisimha kollu. Iltqajna ma’ Kasia fejn qasmet magħna din l-esperjenza kerha u tispjega l-konsegwenzi li kellu dan l-aċċident f’ħajjitha. B’kommozzjoni u dmugħ f’għajnejha hi rrakkontat kif, “kważi sena ilu, eżattament fl-24 ta’ Ġunju tas-sena l-oħra, jien u l-għarus tiegħi kellna aċċident bil-mutur. Boris ma rnexxielux isalva u jien kont f’xifer il-mewt ukoll iżda reġgħu ġabuni lura. Ġismi kien kollu mkisser… kustilji miksura, ġenbejn miksura u saqajja wkoll. Iżda l-agħar kienet il-weġgħa kbira ta’ qalb li ħassejt meta sirt naf li l-maħbub tiegħi Boris kien miet.”

    Ħajjet Kasia nqalbet ta’ taħt fuq hekk kif inqaleb, wara li skiddja, il-mutur li kienu rekbin fuqu f’dan il-jum traġiku. Mal-wasla tagħha b’emerġenza fl-isptar hija kellha intervent kirurġiku immedjat u għall-ewwel jumejn poġġewha f’koma. Is-sieq il-leminija tagħha kienet tant f’kundizzjoni ħażina li kien hemm il-biża’ li tinqata’ barra. Dan minħabba li kien hemm ħafna ksur u t-tobba ma tantx kellhom tama li jistgħu jsalvawha. Hija qalet kif, “iżda fortunatament għalija wieħed mit-tobba missli saqajja u jidher li kien hemm reazzjoni, jiġifieri kien għad hemm ċirkulazzjoni fiha. B’hekk bażikament salvawli saqajja.” 

    L-ewwel operazzjoni damet sejra tmien sigħat u tpoġġew ħafna fassaturi esterni biex ipoġġu s-sieq lura f’postha. Sfortunatament din il-mara tilfet ħafna biċċiet tal-għadam bil-konsegwenza li issa saqajha hija iqsar mill-oħra. Il-Pollakka tilfet ukoll ħafna demm u tgħid li kieku ma kienux id-donaturi tad-demm, hija ma kienitx tkun magħna llum u għal dan hija grata ħafna. “Jiena ma niftakar xejn għax kont f’koma, iżda qaluli li dakinhar ingħatajt tliet trasfużjonijiet tad-demm u iva, kont fortunata ħafna li kien hemm provvista tad-demm,” sqarret Kasia.

    “Tlift ir-raġel tal-ħolm tiegħi”

    Fl-ewwel xahar din il-barranija kienet il-ħin kollu fuq il-morfina u ma kienitx f’sensiha sew tant li filli kienet tkun preżenti u filli kienet tintilef. Bil-mod il-mod Kasia bdiet tħossha fiżikament aktar b’saħħitha, iżda mentalment bdiet tbati minħabba li bdiet tiftakar minn x’hiex għaddiet. Kienu proprju dawn il-ħsibijiet f’forma ta’ flashbacks li bdew ikissruha. Wara l-ewwel xahar hija ħasset bħal daqqa ta’ stallet qawwi f’qalbha għat-telfa kbira li sofriet meta saret taf li Boris miet. Hija tiddeskrivi kif fil-bidu kienet f’xokk qawwi u aktar mhux f’sensiha milli f’sensiha, iżda wara bdiet tirrealizza x’ġara f’dak il-jum ta’ destin ikrah li fih tilfet lir-raġel tal-ħolm tagħha.

    L-aċċident bil-mutur seħħ matul il-jum meta l-koppja kienu qegħdin jirritornaw minn Baystreet wara li marru jixtru xi affarijiet għat-tieġ tal-kuġina ta’ Boris li kien se jsir il-ġimgħa ta’ wara. “Poġġejna fuq il-mutur u ħadna triq lura d-dar mhux tas-soltu, jiġifieri mid-direzzjoni lejn Santa Venera u l-aċċident seħħ taħt il-mina li tinsab viċin l-isptar. Jidher li f’din il-mina jseħħu ħafna aċċidenti tat-traffiku. Ġara li żlaqna fuq xi ħaġa u wisq probabbli kien dan li kkawża l-aċċident tagħna,” kompliet Kasia. 

    Il-mara qalet li minn dak li semgħet, dak li qed jiġri f’din il-mina huwa tal-biża’ u temmen li dak li ġara kien kawża ta’ negliġenza ta’ sewwieq li tilef id-diesel jew il-petrol mill-vettura tiegħu. Hija qalet kif dakinhar m’għamlitx xita u l-mutur żelaq fuq xi ħaġa bil-konsegwenza li tilfu kompletament il-kontroll tal-mutur. “Rasi ħabtet mal-ħajt tal-lemin. Wara nstabatna mal-ħajt tax-xellug u hawn jien waqajt mill-mutur u ma nistax niftaktar sew x’ġara wara,” stqarret b’kommozzjoni kbira. 

    Kasia qalet li l-unika ħaġa li tiftakar minħabba li kienet għadha ftit f’sensiha, kienet li fil-mina daru magħhom ħafna nies u li rat saqajn ħdejn wiċċha u ħasbet li hija ta’ Boris. Hija qabdet din is-sieq iżda n-nies bdew iwaqfuha milli tagħmel dan. Ftit xhur wara mar jaraha fl-isptar sewwieq tat-taxi li kien fuq il-post tal-aċċident u qalilha kif ra l-aċċident iseħħ quddiem wiċċu. Hawnhekk huwa taha l-aħbar li s-sieq li bdiet tipprova taqbad kienet fil-fatt tagħha u mhux ta’ Boris. 

    Saqajha kienet tant miksura li dahret kompletament u ħarġet minn postha mentri Boris kien madwar 60 metru’l bogħod minnha fuq in-naħa l-oħra wara li reġa’ ħabat mal-ħajt oppost tal-mina. Hija qalet li Boris miet fl-ambulanza minħabba ġrieħi gravi f’rasu.

    “Għadni ma nistax nemmen kif dan l-aċċident ġara għax konna qegħdin insuq b’veloċità ta’ 60 kilometru fis-siegħa u dan ma kienx ħafna. Aħna konna fortunati ħafna għax għalkemm kien hemm karozzi warajna, dawn irnexxielhom jieqfu fil-ħin mhux bħal dik il-povra tfajla li waqgħet mill-mutur u għaffiġha trakk. L-istess seta’ ġara lilna. F’dan is-sens inħossni fortunata ħafna,” stqarret il-mara.

    Kasia qaltilna li hi u Boris ma tantx kienu ilhom flimkien bħala koppja. Fil-fatt huma saru jafu lil xulxin sitt xhur qabel u minkejja li kienu għadhom fil-bidu tar-relazzjoni tagħhom, din il-koppja kienet diġà qiegħda tagħmel pjanijiet għall-futur. Sal-ġurnata tal-lum hi għad għandha relazzjoni tajba ħafna ma’ ommu u din tal-aħħar kienet tmur taraha ta’ kuljum meta kienet rikoverata fl-isptar. 

    Il-Pollakka damet aktar minn xahrejn fl-isptar u waqt dan il-perjodu ngħatat kura tajba ħafna. Hi qalet li kien hemm ukoll patri li kien imur ikellimha f’dawn il-mumenti tant diffiċli. Barra minnhekk hija kellha s-sostenn kontinwu mill-membri tal-familja u l-ħbieb tagħha tant li mingħajr dan is-sostenn morali, Kasia temmen li ma kienx jirnexxielha toħroġ mit-trawma ta’ din l-esperjenza tant kerha. Żiedet tgħid li wara li seħħ l-aċċident bil-mutur, ommha li kienet tgħix l-Olanda, ġiet toqgħod Malta biex tgħinha sakemm tirkupra u għadha magħha sal-ġurnata tal-lum.

    Attakki ta’ paniku f’xulxin u biki bla waqfien…

    Din it-tfajla mill-Polonja ilha tgħix f’pajjiżna għal dawn l-aħħar erba’ snin. Wara l-aċċident hija bdiet tirkupra bil-mod il-mod iżda tħoss il-bżonn kbir għal terapija psikoloġika biex tgħinha toħroġ mit-trawma li għaddiet minħabba li bdiet tbati bil-PTSD (Post Trauma Syndrome Disorder). Minħabba li tinsab fuq il-lista ta’ stennija għal din l-aħħar sena, hi ddeċidiet tibda din it-terapija privata u tistqarr li dan il-pass diġà beda jħalli l-frott.

    Kasia bdiet tbati minn attakki ta’ paniku u dwejjaq kbar minħabba t-telfa tal-maħbub tagħha Boris u l-memorji koroh tal-aċċident. F’perjodu fejn bdiet ikollha bejn tliet u erba’ attakki ta’ paniku u tibki bla waqfien, hija qalet li trattament bil-pilloli biex jikkalmawha, għalija ma kienx ideali. “Minkejja li l-psikjatra tiegħi qalli li nidher li għandi karattru b’saħħtu, jien għidtlu li xorta waħda għandhi bżonn psikologu biex jgħinni nipproċessa d-dieqa tat-telfa tiegħi u biex nitkellem dwar il-PSTD li għandi minħabba li bdew jiġuni ħafna flashbacks tal-aċċident,” kompliet il-Pollakka.

    Hija qalet li llum il-ġurnata l-agħar ħaġa għaliha hi li għadha ma tistax timxi sew. Il-barranija qalet li bil-mod il-mod qiegħda terġa’ tikseb l-enerġija tagħha, kif ukoll ix-xewqa u l-ħerqa biex tkompli tgħix, iżda dan kien biss grazzi għas-support ta’ dawk viċin tagħha, l-għajnuna tal-psikologu, kif ukoll grazzi għall-personalità tagħha. 

    Il-professjoni tagħha ta’ Training Manager u li l-employer tagħha huwa qalbu tajba ħafna tant offrilha taħdem mid-dar fuq bażi flessibbli. “Kien tant imbeżża’ li jitlifni li llum il-ġurnata jgħidli iva għal kollox basta nibqa’ naħdem miegħu,” qalet bi tbissima Kasia. Tliet darbiet fil-ġimgħa il-Pollakka tmur għal terapija fiċ-ċentru ta’ rijabilitazzjoni f’San Luqa u dan bil-għan li tkun tista’ terġa’ tibda timxi, iżda t-triq hi twila u diffiċli. “Kull nhar ta’ ġimgħa nagħmel il-hidro terapija u din hija l-ġurnata favorita tiegħi għax qisni proprja qiegħda nimxi fl-ilma. Wara disa’ xhur ma nimxix ħassejtni kuntenta ħafna u kont qisni tifla żgħira eċċitata hekk kif għall-ewwel darba għamilt pass fl-ilma,” kompliet Kasia.

    Hija qalet li t-tobba ma qalulhiex meta se jerġa’ jirnexxielha timxi waħidha u din kienet waħda mill-affarijiet li għamlitilha dwejjaq kbar. “Tgħaddi mill-akbar xokk ta’ ħajtek u l-agħar parti ta’ din it-trawma hi li ma tkunx taf x’se jiġri bik. Ridt inkun naf, iżda ma setgħux jgħiduli. Fl-aħħar viżta fl-X Ray deher li minn erba’ partijiet miksura, tlieta minnhom għandhom m’għalqux u allura jrid jgħaddi ftit żmien mhux ħażin,” stqarret Kasia.

    Din il-mara jmissha tmur għal konsultazzjoni oħra x-xahar id-dieħel u tittama li tingħata aħbar ta’ progress għax jekk is-sitwazzjoni baqgħet kif kienet sena ilu, taħseb li wisq probabbli jkollha bżonn tagħmel operazzjoni oħra. Fil-futur qarib hija qiegħda tikkonsidra wkoll terapija tal-istem cells. Matul il-ġimgħa, bejn terapiji u xogħol, hija pjuttost okkupata u xi kultant jirnexxielha toħroġ toħroġ, iżda mhux daqstant ta’ spiss. “L-aktar li nħobb hu li mmorru nieklu x’imkien għall-kwiet f’ambjent rilassanti,” stqarret Kasia. Għall-bidu, meta reġgħet bdiet toħroġ u anke tivvjaġġa fit-toroq, il-barranija kienet tħossha trawmatizzata, iżda bi tbissima u kuraġġ tgħid li llum il-ġurnata l-affarijiet qegħdin imorru għall-aħjar. 

    Il-problema tagħha hi meta tara jew tisma’ mutur, “inħoss rabja kbira. Minn dejjem kont inħobb il-muturi u dort l-Ewropa kollha riekba fuqhom. Kieku kelli ngħodd il-kilometri kollha li għamilt fuq mutur naħseb ngħaqqad il-50,000 kilometru. Illum il-ġurnata żgur li qatt ma nerġa’ nirkeb fuq mutur ieħor u dan mhux għax nibża’, iżda għal żewġ raġunijiet - waħda mil-lat prattiku għax irkoptejja ma titgħawwiġx u t-tieni bħala rispett lejn Boris. Ma rridx nirkeb mutur ieħor… anke kieku nista’. Le, ma rridx”. 

    “M’intix waħdek u imxi ġurnata b’ġurnata”

    Wara din it-traġedja Kasia sofriet tbatija liema bħala kemm mil-lat fiżiku, emozzjonali, kif ukoll psikoloġiku. Il-messaġġ tagħha għal dawk li jgħaddu minn esperjenza simili hu li, “m’intix waħdek. Meta jien kont fl-isptar insofri u mdawwra bi qraba u ħbieb, xorta kont inħossni kompletament waħdi u mdejqa, iżda importanti li tfittxu l-għajnuna”. 

    Il-Pollakka rrakkontat kif meta bdiet tinsisti għall-għajnuna minn psikologu, waħda minn sħabha staqsietha x’tista’ tagħmel biex tgħinnha u Kasia talbitha ġġibilha lil xi ħadd li rnexxielu jerbaħ l-istess traġedja u ostakli li kienet għaddejja minnhom hi. Mat-tieni xahar rikoverata l-isptar, hi ħassitha verament frustrata u ma kellhiex tama għal futur aħjar. Riedet xhieda minn persuna li turiha li s-sitwazzjoni tagħha tista’ taqleb għall-aħjar u li, “hemm tama għalija”. 

    Hija qalet kif l-għada ġie ħdejha ċertu Noel, persuna fuq il-wheelchair li tilef saqajh. Huwa beda jkellimha u jirrispondi kull mistoqsija li kellha. Kasia qalet li l-għajnuna ta’ Noel għenitha tegħleb l-ostakli u tara l-lat pożittiv tas-sitwazzjoni tagħha. L-istorja ta’ Noel reġgħet tatha ħafna tama u stqarret li lil dan il-bniedem verament tammirah għall-kuraġġ li wera f’ħajtu. 

    Deskritt bħala anġlu mis-sema, Noel qalilha biex ma toqgħodx tewden fuq il-futur, iżda li tkun prattika u timxi ġurnata b’ġurnata. Proprju għalhekk din il-mara temmen li, “kull min jgħaddi minn trawma bħal din, hu importantissimu li jsib l-għajnuna minn persuni li jistgħu jifhmuh u l-aħjar huma dawk li għaddew minn xi ħaġa simili. Ix-xewqa tiegħi hi li xi darba nkun nista’ ngħin lil xi ħadd bħal ma’ Noel għen lili. Dan żgur kieku jagħtini aktar kuraġġ u raġuni aktar valida biex inkompli ngħix ħajti.”

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0