FILMAT: ''Fuq l-immigrazzjoni, l-Unjoni Ewropeja ffriżat ruħha''

  • Mej 23, 2019 09:45
  • Miktub minn Matthew Charles Zammit
"

    Inti ser tikkontesta din l-elezzjoni għall-ewwel darba. X’ġiegħlek tagħmel dan il-pass? 

    L-iktar ħaġa li mbuttatni kien ilfatt li matul dawn l-aħħar xhur, kont nattendi ħafna laqgħat ta’  delegazzjonijiet Parlamentari u Kummissarji li kienu jiġu f’pajjiżna fuq fact-finding missions, u kont nisma l-mod inġust kif bih huma kienu jippruvaw jitrattaw lil pajjiżna. Dan il-fatt kien l-aħħar imbuttatutra biex nagħmel dan il-pass u nikkontesta dawn l-elezzjonijiet: qiegħed nagħmilha għax sinċerament, nemmen li pajjiżna ħaqqu ferm aħjar. Dawk is-sitt siġġijiet li huma allokati għalina, rridu nużawhom bl-aħjar mod possibbli.

    Iddeċidejt, wara din is-sitwazzjoni ta’ kritika inġusta, li nista nagħti kontribut ikbar lil pajjiżi f’dan l-ambitu wkoll, b’leħen ta’ dak li verament qiegħed jiġri f’pajjiżna, u dak li verament qiegħed jagħmel il-Gvern għal pajjiż. 

    Int għal numru ta’ snin kont attiv fi ħdan il-Forum Żgħażagħ Laburisti (FZL). Fl-opinjoni tiegħek, x’irwol għandhom iż-żgħażagħ fi ħdan l-Unjoni Ewropeja, u kif ukoll fl-elezzjoni li ġejja?

    Nemmen f’ħaġa waħda: Jekk l-Unjoni Ewropeja trid tibqa istituzzjoni relevanti, trid tisma iktar dak li qegħdin jgħidu ċ-ċittadini Ewropej, foshtom anke ż-żgħażagħ.

    Sfortunatament, għandna Unjoni Ewropeja fejn in-nies qegħdin iħossuhom distakkati minn dak li qiegħed jiġri. Wieħed irid jirrikonoxxi l-fatt li madwar l-UE, in-nies li jinvestu kwarta u jmorru jivvutaw, minn elezzjoni wara l-oħra, komplew jonqsu. Fl-elezzjoni li ġejja, probabli ħa nkomplu naraw l-istess tendenza.

    Aħna rridu nistaqsu x’għamlet l-Unjoni Ewropeja biex wasalna għal sitwazzjoni bħal din, li fost l-oħrajn tinkludi s-sitwazzjoni ta’ Brexit. Għalfejn kien hemm dan id-distakk kollu? Għalhekk l-UE trid tibqa relevanti billi titkellem bil-lingwa tan-nies, u ma tibqax tidher bħala istituzzjoni, fejn erbgħa min-nies jieħdu deċiżjoni li taffetwa lil kulħadd, u ma tridx tibqa UE tal-”big brother” li ħabba d-daqs u s-saħħa ekonomika ta’ erba stati, jippruvaw jgħaddu romblu minn fuq kulħadd.

    Biex l-Unjoni tibqa relevanti, rridu nkomplu nimbuttaw il-quddiem Unjoni li ma tibqax għaddejja fuq politika ta’ awsterita, politika li tkisser l-ekonomija tan-nies u mibnija fuq xogħol prekarju, fejn korporazzjonijiet kbar li jibilgħu l-ħuta ż-żgħira. Irridu Unjoni li tagħti iktar opportunitajiet liż-żgħażagħ tagħna, Unjoni Ewropeja li ma tagħlaqx il-bibien lejn dawk li waqgħu lura. 

    Għalhekk, huwa iktar importanti minn qatt qabel li l-Unjoni Ewropeja tkompli tagħfas ħafna fuq il-qafas soċjali. Huwa importanti li jekk trid tibqa relevanti, trid tilleġisla fuq kwisjtonijiet li n-nies qegħdin jiktellmu dwarhom, fuq kwistjonijiet li dawn iħossuhom. Fejn jidħol l-ambitu soċjali, l-UE tista tagħmel ħafna u ħafna iktar, billi tirreplika prattiċi pożittivi li kienu implimentati fi stati membri, u timplimenta dawn fl-istati membri kollha. 

    Fl-istess ħin, ma naqbilx ma’ Unjoni Ewropeja federali, li tidħol b’mod konkret fil-ħajja taċ-ċittadin ta’ kull stat membru: ma naqbilx ma’ UE li, bl-iskuża tas-suq Ewropew, tipprova tidħol fejn ma jesagħiex. Per eżempju, is-settur tat-tassazzjoni, il-pensjonijiet eċċ. L-Unjoni Ewropeja mgħandhiex għalfejn tibqa tidher qisha l-mostru ta’ leġislazzjoni teknika, li titfa biss piżijiet fejn mgħandekx taqbad. Iżda fejn jidħol l-ambitu soċjali, indubbjament, l-Unjoni Ewropeja tista tagħmel ħafna u ħafna iktar.

    Ma taħsibx li Membri Parlamentari, huma minn liema partiti huma, għandhom ċertu spazju fejn jikkritikaw u jippreżentaw argumenti politiċi f’fori barranin? Ma tistenniex li kull Membru Parlamentari sejjer jitlà fil-Parlament Ewropew u ma jgħid xejn kontra l-Gvern ta’ partit oppost?

    Il-kritika hija parti fundamentali tad-demokrazija, u ħadd mhu qiegħed jjissuġġerixxi li din ma ssirx. Pero, dak li jiena qatt ma qbilt li jiġri f’pajjiżna huwa li naqbdu l-argumenti politiċi li jsiru fil-Parlament ta’ Malta, u nesportawhom f’istituzzjoni li mhix il-lok fejn diskussjoni bħal din għandha ssir, aktar u aktar meta jkollok Maltin li jpinġu din l-istampa li f’Malta hemm xi kollass tas-saltna tad-dritt, u jipprovaw jagħmilha iktar biex jiskatta proċedura Artiklu 7 kontra pajjjiżu. Din hija xi ħaġa kerha ħafna: Tweġġagħni, għaliex l-artiklu huwa intiż biex jekk ikollok stat membru imsawwat bi frosta politika u legali, biex pajjiż li suppost kien telaq mit-triq tad-demokrazija, jerġa jiġi lura.

    Meta tħares lejn pajjiżna, u tara din l-allegazzjoni li s-saltna tad-dritt mhix qegħda taħdem, meta fl-istess ħin għandna pajjiż li qiegħed jimplimenta daqstant liġijiet ġodda li qegħdin isaħħu, iktar milli jmajnu, s-saltna tad-dritt f’pajjiżna (fosthom il-Whistleblower’s Act, it-tneħħija tal-preskrizzjoni fuq il-politiċi eċċ), u l-Gvern li f’inqas minn mitt jum beda jimplimentaw r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja, l-element partiġġjan ta’ min qiegħed jagħmel din il-kritika tesponi ruħha biċ-ċar, u naħseb li hemm iktar bżonn li niddefendu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

    Wieħed dejjem irid iħares lejn l-għerq ta’ dan kollu: Il-pressjoni, minn fejn ġejja? Prinċiparjament, ġejja minn Maltin bħalna. Jekk dan il-Gvern għandu aspett pożittiv li kulħadd jista jirrikonxxi, huwa l-fatt li huwa Gvern riformista, li qatt ma ddejjaq jbiddel meta jkun hemm bżonn. Allura, ma nifhimx kif pajjiżna jitħallat ma’ sitwazzjoni bħal dik tal-Polonja, u nippruvaw nużaw “artiklu nuklejari” bħal dan: Kif jista qatt Malti jiddefendi l-użu u l-eżitu tagħha?

    5) Fl-opinjoni tiegħek, x’inhuma l-isfidi prinċipali li qegħda tiffaċċja l-Unjoni Ewropeja fil-preżent? U x’jista’ jsir biex jiġu ndirizzati dawn l-isfidi?

    Il-lemin estrem hija problema reali li ilna ngħixuha f’numru ta’ elezzjonijiet reġjonali li saru fi ħdan l-Unjoni Ewropeja, fejn partiti tal-lemin estrem dejjm ikabbru fis-saħħa u l-popolarita tagħhom. Għalfejn? Għax għandna UE li mhix qegħda taħdem fuq kwistjonijiet importanti għaċ-ċittadini Ewropej.

    Rajna numru ta’ Gvernijiet tal-Lemin Estrem, li huma l-kawża prinċipali għaliex għal numru ta’ snin, waqafna b’mod totali fuq l-emendi li konna qbilna fuqhom fuq ir-regolamenti ta’ Dublin. Kieku ma kinitx għall-Oppożizzjoni li qegħdin juru dawn l-istati membri, kieku stajna nisbu soluzzjoni b’mod aktar spedit, imma llum il-ġurnata, fejn jidħlu dawn il-kwistjonijiet, għandna Unjoni maqsuma fi tnejn: Naħa li trid issib soluzzjoni, u naħa estremista favur l-istatus quo.

    Sfida oħra hija l-immigrazzjoni: kemm ilna nitkellmu fuq din il-kwistjoni? Kemm ilna nisimgħu b’dikjarazzjonijiet b’laqgħat tal-ministri, fosthom ta’ solidarjeta? Imma fl-aħħar mill-aħħar, kellna Unjoni ffriżata. Ilna snin twal niddiskutu l-emendi għar-regolamenti ta’ Dublin, biex il-piż tar-realta jinqasam bejn kulħadd, pero ħallejna partiti tal-lemin estrem, li joffru retorika sabiħa pero l-ebda soluzzjoni, jaqbżu fuq is-suġġett.

    Ħafna ċitttadini Ewropej tant huma mxebbgħin bl-istatus quo, li ħafna drabi teħel l-Unjoni Ewropeja, akkost tal-istat membru.

    Għalhekk importanti li naġixxu, u mhix nitkellmu biss.  

    Kemm temmen li huma kruċjali dawn l-elezzjonijiet għall-Partit Laburista? 

    Ħafna, pero bħala kandidati, aħna qegħdin naħdmu mhix biss biex nagħtu rebħa lill-Partit Laburista, jew rebħa lil Joseph Muscat, iżda qegħda naħdmu biex nagħtu rebħa lill-pajjiżna, biex ikollu rappreżentanti denji fix-xena politika Ewropeja.

    L-aspirazzjoni tiegħi hija li nkun leħen ta’ kulħadd, għax kulħadd ħaqqu leħen fi ħdan il-Parlament Ewropew. Ħaqqhom leħen l-industriji żgħar u medji, speċjalment meta s-suq Ewropew jaħdem kontrihom; ħaqqhom leħen id-dilettanti tal-kaċċa u l-insib; ħaqqhom leħen il-bdiewa u r-raħħala, li tant għandhom bżonn min jiddefendihom fil-Parlament Ewropew. 

    Wasal iż-żmien li l-Unjoni Ewropeja ma tibqax timponi miżuri ta’ awsterita fuq ċertu ġajjiżi, iżda tipprovdi miżuri biex in-nies tagħhom ma jarawx UE bħala istituzzjoni li tissikka l-vit, iżda proġett li sejjer jgħin biex titjieb il-kwalita tal-ħajja tagħhom.

    Filmat: ALAN SALIBA

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0