“Iġġudikawna s-Sibt” … il-Prim Ministru fl-aħħar dibattitu mal-Kap tal-Oppożizzjoni f'din il-kampanja elettorali

  • Mej 22, 2019 22:00
  • Miktub minn iNews
"

    Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħeġġeġ lill-elettorat biex nhar is-Sibt jiġġudika lilu fuq il-ħidma li wettaq u lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia fuq l-azzjonijiet tiegħu.

    Huwa għamel dan l-appell fi tmiem id-dibattitu televiżiv bejn iż-żewġ mexxejja fuq l-istazzjon nazzjonali li fih wieġbu għall-mistoqsijiet tal-ġurnalista tal-PBS Mario Xuereb dwar diversi temi li tqajmu waqt l-istess kampanja elettorali għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-kunsilli lokali.

    Fost is-suġġetti li tqajmu reġa' kien hemm l-abort b'Delia jerġa' jsostni li l-PL qed jappoġġja lis-Soċjalisti Ewropej li jridu jdaħħlu l-abort f'Malta u Muscat jirribatti li l-Ewropa ma tistax tagħmel dan u trid tkun Malta li tiddeċiedi jekk iddaħħlux jew le.

    Fir-rigward tal-armonizzazzjoni fit-taxxa Delia sostna li s-Soċjalisti Ewropej iridu jdaħħal taxxa għall-Ewropa kollha u li l-PL jaqbel ma' dan imma Muscat ċaħad dan fejn bħall-kwistjoni tal-abort insista li dwar it-taxxi huma l-gvernijiet lokali li jiddeċiedu.

    Dwar il-fatt li l-poplu se jkun qed jivvota fuq il-kunsilli lokali Muscat irribatta d-dikjarazzjoni ta' Delia li kien il-PN li ħoloq il-kunsilli lokali u emmen fihom billi sostna li kieku kien għall-PN l-elezzjonijiet ma kienux isiru fi 23 lokalita u 130,000 votant se jkunu jistgħu jivvutaw għax il-PL ħareġ il-kandidati tiegħu.

    Fuq il-kwistjoni tal-barranin Delia saħaq li l-pajjiż għandu jagħmel eżerċizzju fejn jara kemm jiflaħ nies jgħixu u jaħdmu fih b'Muscat iwieġbu li meta Malta daħlet fl-UE kienet qed taqbel mal-moviment ħieles tal-persuni u semma kif sebgħa minn kull 10 ħaddiema f'pajjiżna huma mill-UE.

    Fir-rigward ta' jekk din l-elezzjoni hijiex għażla bejn iż-żewġ mexxejja l-Kap tal-PN sostna li huwa stieden lill-Mexxej Laburista għal diversi dibattiti u m'aċċettax b'Muscat jgħid li ma jiddejjaqx li l-għażla tkun bejniethom u sostna li din hija ovvja.

    Ix-xogħol kienet tema oħra li tqajjmet bil-Kap tal-Oppożizzjoni jibqa' jinsisti li din kibret għax żdiedet il-popolazzjoni u għalkemm il-“kejk kiber is-'slice' ċkienet” f'dak li huwa ġid ekonomiku bil-Prim Ministru jxejjen dan l-argument billi qal li l-barranin qed jiġu għax l-ekonomija qed tikber u fakkar kif waqt li f'25 sena ta' gvernijiet Nazzjonalisti nħolqu 56,000 post tax-xogħol f'ħames snin ta' dan il-gvern inħolqu 66,000 post tax-xogħol.

    Delia rrikonoxxa li l-ekonomija qed tikber imma sostna li hawn ftit qed igawdu u ħafna le b'Muscat isostni li qatt daqs illum il-pajjiż ma ra titjib fil-ġid li qed jitqassam fejn elenka wħud minnhom fosthom iż-żieda wara l-oħra fil-pensjonijiet u fil-paga minima, l-investiment fil-housing, il-kumpens għall-inġustizzji u t-tneħħija tal-ħlas għat-trasport tal-istudenti u għall-eżamijiet tas-SEC u l-MATSEC lill-familji.

    Dwar il-kontijiet tad-dawl u l-ilma l-Kap tal-PN reġa' nsista li l-poplu qed jinsteraq fi 80% tal-każijiet u wiegħed li se jroddhom lura b'Muscat jgħid li llum il-poplu mhux qed jirċievi kontijiet għolja kif kien jagħmel taħt Gvern Nazzjonalista imma ċekkijiet.

    Iż-żewġ mexxejja kienu mistoqsijin dwar ir-razziżmu b'Delia jiċħad li bi kliem qed iressaq lill-PN lejn il-lemin estrem u jinsisti li għandu 'zero tollerance' lejn ir-razziżmu waqt li Muscat ukoll saħaq li dan is-suġġett għandu jgħaqqad liż-żewġ naħat u nsista li se jkompli jitkellem dwaru mil-lat nazzjonali.

    Dwar il-qtil tal-immigrant li dwaru tressqu żewġ suldati, Delia irrefera għat-talba tal-inkjesta li għamel il-PN u staqsa li l-pajjiż irid jara kif is-suldati qed jidħlu fl-armata mentri Muscat wieġbu billi qallu li jekk ried it-tweġibiet għal ċertu mistoqsijiet aħjar jistaqsi lid-deputat Nazzjonalista li iddefenda wieħed miż-żewġ suldati.

    Fuq il-Programm ta' Ċittadinanza b'Investiment (IIP) il-Kap tal-PN sostna li huma għadhom ma jaqblux miegħu u l-ħsara li qed issir bih tiżboq il-benefiċċji mentri l-Mexxej Laburista nnota li l-PN kien qed jagħmel U-turn għax fil-manifest elettorali kien wiegħed li se jżommu.

    Fuq l-investiment fit-toroq Delia semma li x-xogħol li se jsir mhux se jħalli impatt fuq it-traffiku għax il-popolzzjoni u l-karozzi qed jiżdiedu waqt li Muscat insista li b'toroq aħjar it-traffiku se jonqos u b'hekk se titjieb il-kwalita tal-arja.

    Dwar il-kwistjoni tal-bini Muscat irrikonoxxa li l-Gvern seta kien iktar sensittiv imma fakkar li l-applikazzjonijiet kontroversjali fl-aħħar snin kienu fuq artijiet li Gvern Nazzjonalista daħħal fiz-zona tal-iżvilupp fl-2006 bl-unika kumment ta' Delia kien li “l-iżbalji tal-passat jibqgħu ħżiena”.

    Fir-rigward tal-ambjent il-Kap tal-Oppożizzjoni semma kif minħabba t-tniġġiż tal-arja qed imutu 600 fis-sena bil-Prim Ministru jfakkru kif il-PN kien kontra li l-pajjiż jaqleb mill-użu tal-Heavy Fuel Oil, li kien l-iktar sors ta' tniġġiż, għall-gass waqt li qal ukoll li se tiddaħħal l-iskema biex jiġu ritornati l-fliexken tal-plastik, se jsir l-inċineratur biex ma titteħidx art għall-miżbliet u se jsir ukoll park ambjentali f'Ta' Qali.

    Fuq l-edukazzjoni Delia semma kif Malta għandha l-agħar rata ta' studenti li jħallu l-iskola kmieni waqt li Muscat għamililu ċara li pajjiżna kienet l-iktar wieħed fl-UE li tejjeb din ir-rata u żied in-numru ta' studenti li qed ikomplu jistudjaw.

    Delia rrefera għar-rapport tal-Kunsill tal-Ewropa fuq Malta fejn qal li dan ikkonkluda li Malta hawn theddida għad-demokrazija għax jikkmanda kollox il-Prim Ministru b'Muscat iwieġbu li huwa kien l-iktar prim ministru li neħħa poteri minn idejh u rrimarka kif min għamel ir-rapport kien 'biased' kontra Malta u l-istess wieħed li ħareġ jgħid li l-ajruplan tal-Malaysian Airlines kien twaqqa mill-Ukreni meta fil-verita l-attakk sar minn forzi favur ir-Russja.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

    0